DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
LIL DAWK LI ĦADU SEHEM FIL-ĠUBLEW TAL-KNEJJES TAL-LVANT
Sala Pawlu VI
L-Erbgħa, l-14 ta’ Mejju 2025
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-paċi magħkom!
Beatitudnijiet, Eminenza, Eċċellenzi,
Għeżież saċerdoti u persuni konsagrati,
ħuti,
Kristu qam mill-mewt. U qam tassew! Insellemkom bil-kliem li l-insara tal-Lvant, f’ħafna artijiet, jirrepetu ta’ spiss f’dan iż-żmien tal-Għid, filwaqt li jistqarru l-qofol tal-fidi u tat-tama tagħna. Kemm hi ħaġa li tferraħni meta qed narakom hawn fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-tama, tama li hi mibnija fuq il-pedament qawwi li huwa l-qawmien ta’ Ġesù. Merħba ġewwa Ruma! Ninsab kuntent li qed niltaqa’ magħkom u niddedika waħda mill-ewwel laqgħat tal-pontifikat tiegħi lill-insara tal-Lvant.
Intom għeżież f’għajnejn Alla. Meta nħares lejkom, naħseb fid-diversità ta’ minn fejn intom ġejjin, l-istorja glorjuża tagħkom u t-tbatijiet ħorox li ħafna mill-komunitajiet tagħkom ġarrbu jew għadhom iġarrbu. Nixtieq ngħidilkom mill-ġdid dak li qal il-Papa Franġisku li “l-Knejjes tal-Lvant għandna nżommuhom b’għożża kbira minħabba t-tradizzjonijiet spiritwali u sapjenzjali uniċi li huma jħaddnu, u għal dak kollu li għandhom xi jgħidulna dwar il-ħajja Nisranija, is-sinodalità u l-liturġija. Naħsbu fil-Missirijiet tal-bidu, fil-Konċilji, u l-monastiċiżmu… teżori inestimabbli għall-Knisja”. (Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fl-Assembleja ta’ ROACO, 27 ta’ Ġunju 2024).
Nixtieq insemmi wkoll lill-Papa Ljun XIII, l-ewwel Papa li ddedika dokument speċifiku lid-dinjità tal-Knejjes tagħkom, ispirat fuq kollox mill-fatt li, fi kliemu, “l-opra tas-salvazzjoni tal-bniedem bdiet fil-Lvant” (ara Ittra Appostolika Orientalium Dignitas, 30 ta’ Novembru 1894). Tabilħaqq, għandkom “rwol uniku u privileġġjat bħala l-ambjent oriġinali fejn twieldet il-Knisja” (San Ġwanni PAWL II, Orientale Lumen, 5). Huwa sinifikanti li bosta mil-liturġiji tagħkom – li issa qed tiċċelebraw solennement f’Ruma skont id-diversi tradizzjonijiet tagħkom – għadhom jużaw l-ilsien li bih kien jitkellem il-Mulej Ġesù. Tabilħaqq, il-Papa Ljun XIII għamel appell mill-qalb biex il-“varjetà leġittima tal-liturġija u d-dixxiplina tal-Lvant… tista’ tiswa għall-unur u l-benefiċċju kbir tal-Knisja” (Orientalium Dignitas). Ix-xewqa li kellu dejjem hija attwali. Fi żmienna wkoll, ħafna minn ħutna tal-Lvant, inklużi xi wħud minnkom, ġew imġiegħla jaħarbu minn art twelidhom minħabba l-gwerra u l-persekuzzjoni, l-instabilità u l-faqar, u jirriskjaw li jitilfu mhux biss l-artijiet tagħhom, iżda wkoll, meta jaslu fil-Punent, jitilfu wkoll l-identità reliġjuża tagħhom. Minħabba f’hekk, mal-mogħdija tal-ġenerazzjonijiet, qed jintilef il-wirt imprezzabbli tal-Knejjes tal-Lvant.
Aktar minn seklu ilu, il-Papa Ljun XIII irrimarka li “il-preservazzjoni tar-riti tal-Lvant hija aktar importanti milli naħsbu”. Huwa wasal biex qal li “kull missjunarju tar-Rit Latin, kemm jekk membru tal-kleru sekulari jew regolari, li permezz ta’ xi parir jew għajnuna li jagħti, idawwar lil xi Kattoliku tar-Rit tal-Lvant għar-Rit Latin” għandu jkun “imkeċċi u sospiż mill-kariga tiegħu” (ibid). Minn qalbna ntennu dan l-appell biex nippreservaw u nippromwovu l-Lvant Nisrani, speċjalment fid-dijaspora. Minbarra li jiġu stabbiliti l-konfini tal-Lvant kull fejn hu possibbli u opportun, jeħtieġ li jiġi promoss aktar għarfien fost l-Insara Latini. F’dan ir-rigward, nitlob lid-Dikasteru għall-Knejjes tal-Lvant – filwaqt li nirringrazzjah għall-ħidma tiegħu – biex jgħinni niddefinixxi prinċipji, normi u linji gwida li bihom l-Isqfijiet Latini jistgħu jappoġġaw b’mod konkret lill-Kattoliċi tal-Lvant fid-dijaspora, fl-isforzi tagħhom biex jippreservaw it-tradizzjonijiet tagħhom u b’hekk, bix-xhieda tagħhom, jagħnu lill-komunitajiet li jgħixu fihom.
Il-Knisja għandha bżonnkom. Kemm hu kbir il-kontribut li jista’ joffrilna l-Lvant Nisrani llum! Għandna bżonn kbir li nirkupraw is-sens ta’ misteru, li għadu tant ħaj fil-liturġiji tagħkom, liturġiji li jimpenjaw lill-persuna umana kollha kemm hi, liturġiji li jkantaw is-sbuħija tas-salvazzjoni u jqanqlu sens ta’ stagħġib dwar kif il-maestà ta’ Alla tħaddan id-dgħufija umana tagħna! Huwa importanti wkoll li niskopru mill-ġdid, speċjalment fil-Punent Nisrani, is-sens tal-primat ta’ Alla, l-importanza tal-mistagoġija u l-valuri tant tipiċi tal-ispiritwalità tal-Lvant: interċessjoni kontinwa, penitenza, sawm, u li wieħed jibki dnubietu stess u d-dnubiet tal-umanità kollha (penthos)! Huwa meħtieġ, allura, li tippreservaw it-tradizzjonijiet tagħkom mingħajr ma tnaqqsu xejn minnhom, forsi minħabba l-prattiċità jew konvenjenza, biex ma tiċċappsux mill-mentalità tal-konsumiżmu u utilitarjaniżmu.
L-ispiritwalitajiet tagħkom, antiki iżda dejjem ġodda, huma mediċinali. Fihom, il-miżerja umana titwaħħad ma’ l-istagħġib għall-ħniena ta’ Alla, sabiex id-dnub tagħna ma jaqtagħlniex qalbna, imma jistedinna biex naċċettaw id-don li nkunu bnedmin imfejqa, divinizzati u mgħollija ʼl fuq lejn is-sema. Għal dan, għandna nagħtu tifħir u ħajr lill-Mulej. Flimkien magħkom, nistgħu nitolbu ma’ San Efrem is-Sirjan u ngħidu lill-Mulej Ġesù: “Glorja lilek, int li qegħidt is-salib tiegħek bħala pont fuq il-mewt… Glorja lilek li lbist il-ġisem ta’ bniedem li jmut, u għamiltu l-għajn tal-ħajja għall-bnedmin kollha” (Omelija fuq il-Mulej, 9). Jeħtieġ mela li nitolbu l-grazzja li naraw iċ-ċertezza tal-Għid f’kull prova tal-ħajja u ma naqtgħux qalbna, filwaqt li niftakru, kif kiteb Missier kbir ieħor tal-Lvant, li “l-akbar dnub hu li ma nemmnux fil-qawwa tal-Qawmien” (SAN ISAK TA’ NINEVE, Sermones ascetici, I, 5).
Min, aħjar minnkom, jista’ jkanta għanja ta’ tama anke waqt l-eħrex vjolenza? Min, aħjar minnkom, li esperjenzaw il-kefrija tal-gwerra hekk mill-qrib, tant li l-Papa Franġisku rrefera għalikom bħala “Knejjes tal-martri” (Indirizz lil ROACO, ibid.)? Tabilħaqq, mill-Art Imqaddsa sal-Ukrajna, mil-Libanu sas-Sirja, mil-Lvant Nofsani sa Tigray u l-Kawkasu, kemm naraw vjolenza! U fuq dan l-orrur, fosthom il-qtil ta’ tant żgħażagħ, qtil li għandu jqanqal għajb għax dawn il-ħajjiet qed jiġu ssagrifikati f’isem il-rebħ ta’ gwerer, jinstema’ appell: mhux tant l-appell tal-Papa, imma ta’ Kristu nnifsu, li jtenni: “Il-paċi magħkom!”. (Ġw 20:19, 21, 26). U jżid jgħid: “Inħallielkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi, ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Il-paċi ta’ Kristu mhix is-skiet tal-qabar li jkun hemm wara l-ġlied; mhix frott ta’ oppressjoni, imma pjuttost rigal li hu maħsub għal kulħadd, don li jġib ħajja ġdida. Ejjew nitolbu għal din il-paċi, li hija r-rikonċiljazzjoni, il-maħfra, u l-kuraġġ li naqilbu l-paġna u nibdew mill-ġdid.
Min-naħa tiegħi, se nagħmel kull sforz biex din il-paċi ssaltan. Is-Santa Sede dejjem lesta tgħin biex iġġib flimkien lil dawk li huma kontra xulxin, wiċċ imb wiċċ, biex jitkellmu flimkien. Hekk il-popli jerġgħu jsibu t-tama u jirkupraw id-dinjità li jixirqilhom, id-dinjità tal-paċi. Il-popli tad-dinja tagħna jixtiequ l-paċi, u jien nappella lill-mexxejja tagħhom b’qalbi kollha: ejjew niltaqgħu, ejjew nitkellmu, ejjew ninnegozjaw! Il-gwerra dejjem tista’ tiġi evitata. L-armi jistgħu u għandhom jissikktu, għax dawn ma jsolvux il-problemi iżda jżiduhom biss. Dawk li jagħmlu l-istorja huma dawk li jġibu l-paċi, u mhux dawk li jiżirgħu ż-żerriegħa tat-tbatija. Il-ġirien tagħna mhumiex l-ewwel għedewwa tagħna, imma huma ħutna; mhux kriminali li għandna nobogħduhom, iżda persuni li nistgħu nitkellmu magħhom. Ejjew niċħdu l-kunċetti Manikejisti tant tipiċi ta’ din il-mentalità tal-vjolenza li tifred id-dinja bejn in-nies tajba u n-nies ħżiena.
Il-Knisja ma tgħejja qatt tirrepeti: ħa jissikktu l-armi! Nixtieq nirringrazzja lil Alla għal dawk kollha li fis-skiet, bit-talb u s-sagrifiċċju, qed jiżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi. Nirringrazzja lil Alla għal dawk l-insara – tal-Lvant kif ukoll Latini – u, fuq kollox dawk li jgħixu fil-Lvant Nofsani, li qed jagħmlu ħilithom kollha biex jibqgħu f’art twelidhom, qed jirreżistu t-tentazzjoni li jitilqu ʼl barra minn arthom. L-insara għandhom jingħataw l-opportunità, imma dan mhux bil-kliem biss, biex jibqgħu f’pajjiżhom bid-drittijiet kollha biex jgħixu fis-sigurtà. Jekk jogħġobkom, ejjew naħdmu għal dan!
Grazzi, għeżież ħuti tal-Lvant, l-artijiet fejn twieled u għex Ġesù, ix-Xemx tal-Ġustizzja, talli intom “dwal fid-dinja tagħna” (ara Mt 5,14). Jalla l-fidi, it-tama, u l-imħabba tagħkom ikomplu jiddu fikom. Jalla l-Knejjes tagħkom ikunu ta’ eżempju, u r-Ragħajja tagħkom jippromwovu l-komunjoni, speċjalment fis-Sinodi tal-Isqfijiet, biex ikunu postijiet ta’ kolleġjalità u ko-responsabbiltà awtentika. Għamlu ħilitkom biex fl-amministrazzjoni tal-ġid ikun hemm it-trasparenza, kunu sinjali ta’ dedikazzjoni umli u sħiħa lejn il-poplu qaddis ta’ Alla, mingħajr ma toqogħdu tħarsu lejn l-unuri, il-poter tad-dinja jew inkella kif tidhru. San Xmun it-Teologu l-Ġdid kien juża eżempju sabiħ f’dan ir-rigward: “Meta titfa’ t-trab fuq in-nar, inti titfi n-nar, hekk ukoll il-ħsibijiet ta’ din il-ħajja u kull xorta ta’ rabta ma’ affarijiet żgħar u bla valur jeqirdu s-sħana tal-qalb li kienet inxtegħtet fil-bidu” (Kapitli Prattiċi u Teoloġiċi). Illum aktar minn qatt qabel, is-sbuħija tal-Lvant Nisrani titlob il-ħelsien minn kull rabta tad-dinja u minn kull tendenza kuntrarja għall-komunjoni, sabiex nibqgħu fidili fl-ubbidjenza u fix-xhieda evanġelika.
Nirringrazzjakom ta’ dan kollu, u nberikkom minn qalbi. Nitlobkom sabiex titolbu għall-Knisja u erfgħu t-talb qawwi tagħkom ta’ interċessjoni għall-ministeru tiegħi. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes