IT-TIFKIRA SOLENNI TA’ TLUGĦ IL-MULEJ FIS-SEMA


KOMPLU FID-DINJA DAK LI BDEJT JIEN U KUNU XHIEDA TIEGĦI SAL-AĦĦAR TAŻ-ŻMINIJIET!

Minn Fr Michael A. Galea

Terry Fox kien jattendi bħala student f’wieħed mill-kulleġġi tal-Canada. Ta’ ħmistax-il sena dan Terry beda jilmenta minn ugiegħ kbir f’siequ l-leminija, mar għand speċjalista tal-għadam u wara xi testijiet li għamillu, dan l-ispeċjalista qallu li kellu bidu ta’ cancer aggressiv. Biex ma jkomplix jinfirex dan il-cancer, it-tobba kienu tal-fehma li jaqtgħulu siequ u flokha jagħmlulu waħda artifiċjali. Imma ma tantx għadda żmien…l-istess tobba qalulu li kien għad baqagħlu biss xi sentejn ħajja. Terry ma ntremiex: ma riedx jaħli fix-xejn dan iż-żmien li kien fadallu fuq l-art: bil ftit ħajja li kien baqagħlu Terry ried jagħmel xi ħaġa sabiħa. Iddeċieda li jiġri distanza ta’ ħamest elef mil fil-Canada stess. Beda jiġri u jitħarreġ għal din il-ġirja. Kellu f’moħħu li jiġbor fondi sabiex ikompli jsir studju dwar dil-marda tal-cancer. Meta deherlu li kien tħarreġ biżżejjed, fit-12 t’April tas-sena 1980 beda l-ġirja. Il-flus bdew deħlin ġmielhom pero’ l-ġirja ma komplihiex għax il-cancer imxielu għall-pulmun. Komplieha floku ċertu Donald Marrs li huwa wkoll kien vittma tal-cancer. Laħqu nġabru miljuni ta’ dollari. Dawn il-flus kollha marru għal skop wieħed: dak li għalih kien beda l-ġirja Terry Fox.

Jekk ikolli niġbor dan il-fatt fi ftit kliem kont ngħid: “Dak li beda Terry Fox komplieh Donald Marrs. Illum qegħdin niċċelebraw it-tifkira solenni ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema u dan ifisser li dak li beda Ġesu’ ftit iktar minn elfejn sena ilu qegħdin inkompluh aħna.
Ftit iktar minn elfejn sena ilu, Alla l-Missier bagħat fid-dinja lil Ibnu Ġesu’. Bagħtu biex iwettaq missjoni speċjali: dik li jsalva d-dinja u jagħtiha direzzjoni speċjali. Biex insemmi eżempju wieħed: fil-vanġelu ta’ San Ġwann, Ġesu’ qal lil Tumas: “Jien hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (14,6) Kif nafu, Ġesu’ għamel tletin sena moħbi ġewwa Nazaret flimkien mal-ġenituri tiegħu u mbagħad, immexxi mill-Ispirtu s-Santu li kien niżel fuqu meta mar jitgħammed minn kuġinuh Ġwanni l-Battista fix-xmara Ġordan, huwa ħareġ fit-toroq tal-Palestina jippriedka u jagħmel il-ġid. Ix-xjuħ, il-kittieba u l-Fariżej ma felħux jarawh jagħmel dan kollu; b’ħafna għira għalih tawh f’idejn Pilatu u dan tahulhom f’idejhom biex isallbuh. Imma kif kien ħabbar kemm il-darba, wara tlitt ijiem Huwa qam mill-mewt u deher diversi drabi lill-appostli u lid-dixxipli tiegħu. Iżda issa kienet waslet għalih is-siegħa li jmur lura għand il-Missier għax il-ħidma tiegħu wettaqha sal-aħħar. Hawnhekk tidħol is-silta mill-vanġelu ta’ San Luqa li għadni kemm qrajtilkom. Ġesu’ ħa d-dixxipli tiegħu sa ħdejn Betanja u refa’ idejh u berikhom. U ġara li hu u jberikhom, infired minnhom u kien imtella’ fis-sema. Huma xteħtu fl-art jagħtuh qima u mimlijin bil-ferħ reġgħu lura lejn Ġerusalem u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju, ibierku lil Alla. Ħa nagħmel xi riflessjonijiet…

L-ewwel riflessjoni: Illum Ġesu’ qed isejħilna biex nerfgħu qlubna ‘l fuq. Iridna qabel xejn nifirħu u niċċelebraw miegħu għax illum l-umanita’ ġiet mogħtija l-ġieħ u mgħollija fis-smewwiet għal dejjem. Illum hija l-festa tiegħu: fiha Huwa qed jingħata glorja għax il-missjoni li għaliha l-Missier bagħtu fid-dinja wettaqha sa l-aħħar.
It-tieni riflessjoni: Ġesu’ li ftit iktar minn elfejn sena ilu kien fostna, illum jinsab fis-smewwiet fi ħdan il-Missier. Ma nistgħux narawh iżjed bl-għajnejn tal-ġisem imma bil-fidi jew bl-għajnejn tar-ruħ irridu ngħidu li dan Ġesu’ għadu magħna. Xi mkien fil-vanġelu Huwa qalilna: “Araw jiena magħkom sal-aħħar taż-żmenijiet.” Fejn u kif jinsab fostna dan Ġesu’? Ġesu’ jinsab fostna fil-Kelma tiegħu, Ġesu’ jinsab fostna fl-Ewkaristija u jinsab fostna f’ħutna fil-bżonn. Għall-aħħar tal-Vanġelu ta’ San Mattew Ġesu’ jgħidilna: “Kull ma tagħmlu mal-iżgħar minn fost ħutkom il-bnedmin tkunu għamiltuh miegħi.”
Fl-ewwel qari, meħud mill-Ktieb tal-Atti tal-appostli, hemm dettal li ma nistgħux inħalluh jaqbżilna. San Luqa jgħidilna: “Hu u tiela’ l fuq huma baqgħu jħarsu b’għajnejhom iċċassati lejn is-sema, meta f’daqqa waħda ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies abjad li qalulhom: ‘Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesu’, li ttieħed minn magħkom lejn is-sema, hekk għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.” Għaliex ma nistgħux inħalluh jaqbżilna dan id-dettal? It-tlugħ fis-sema tal-Mulej inawgura ż-żmien tal-Knisja li jinfirex sal-ġudizzju meta jerġa’ jiġi. Għaliex issa dak li kien għamel Ġesu’ meta kien għadu magħna fid-dinja rridu nagħmluh aħna. Bil-kliem, bl-eżempju u bil-ħidma apostolika rridu nkunu xhieda tiegħu fit-toroq tal-ħajja. Nispiċċa…

Jien u int, ilkoll kemm aħna ma twelidniex biex ngħixu sittin, tmenin, disgħin sena imma biex fl-aħħar, jekk (importanti ħafna dan li se ngħid) bil-bagalji ppreparati tajjeb, inħallu kollox warajna u mmorru minn fejn ġejna: bħal Ġesu’ mmorru niltaqgħu mat-Trinita’ qaddisa biex ngħixu magħha għal dejjem fis-sema.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading