LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 4 ta’ Ġunju 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-parabboli. 8. Il-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. “U qalilhom: ‘Morru intom ukoll l-għalqa’” (Mt 20:4)
Għeżież ħuti,
Nixtieq nerġa’ nieqaf fuq parabbola ta’ Ġesù. F’dan il-każ ukoll għandna rakkont li jsaħħaħ it-tama tagħna. Fil-fatt xi drabi jkollna l-impressjoni li ma jirnexxilniex insibu tifsira għall-ħajja tagħna: inħossuna inutli, inadegwati, proprju bħal dawk il-ħaddiema li kienu qed jistennew fil-pjazza tas-suq, jistennew li xi ħadd isejħilhom għax-xogħol. Imma xi drabi ż-żmien itir, il-ħajja tgħaddi u ma nħossuniex li ġejna rikonoxxuti jew apprezzati. Forsi ma wasalniex fil-ħin, ġew oħrajn li ppreżentaw ruħhom qabilna, jew il-preokkupazzjonijiet żammewna band’oħra.
Il-metafora tal-pjazza tas-suq hi adattata ħafna anki għal żminijietna, għax is-suq huwa l-post tan-negozju, fejn b’xorti ħażina nixtru u nbigħu wkoll l-affett u d-dinjità, infittxu li niggwadanjaw xi ħaġa. U meta ma nħossuniex apprezzati, rikonoxxuti, nirriskjaw saħansitra li nbigħu lilna nfusna lill-ewwel wieħed li joffri. Imma l-Mulej ifakkarna li l-ħajja tagħna tiswa, u x-xewqa tiegħu hi li jgħinna niskopruh.
Anki fil-parabbola li llum qed nikkummentaw hemm ħaddiema jistennew li jiġi xi ħadd li jikrihom għal ġurnata. Ninsabu fil-kapitlu 20 tal-Vanġelu ta’ Mattew u anki hawn insibu persunaġġ li għandu mġiba mhix tas-soltu, li tgħaġġibna u tisfidana. Huwa s-sid tad-dielja, li joħroġ hu stess biex imur ifittex lill-ħaddiema tiegħu. Evidentement jixtieq jistabbilixxi magħhom relazzjoni personali.
Kif kont qed ngħid, din hi parabbola li tagħti t-tama, għax tgħidilna li dan is-sid joħroġ iktar minn darba biex imur ifittex lil min qed jistenna li jsib sens għal ħajtu. Is-sid joħroġ minnufih mas-sebħ u mbagħad, kull tliet sigħat, jerġa’ lura jfittex ħaddiema x’jibgħat fl-għalqa tad-dwieli tiegħu. B’dan ir-ritmu, wara li ħareġ fit-tlieta ta’ waranofsinhar, ma kellux iktar għax joħroġ, għax il-ġurnata tax-xogħol kienet tispiċċa fis-sitta.
Dan is-sid li ma jegħjiex, li jrid b’kull mod jagħti valur lill-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, xorta waħda joħroġ fil-ħamsa. Il-ħaddiema li kienu baqgħu fil-pjazza tas-suq kienu aktarx tilfu kull tama. Dik il-ġurnata kienet spiċċat fix-xejn. Imma kien hemm xi ħadd li xorta emmen fihom. X’sens fiha tieħu l-ħaddiema miegħek biss għall-aħħar siegħa tal-ġurnata tax-xogħol? X’sens fiha tmur taħdem biss għal siegħa? Imma, anki meta naħsbu li ftit nistgħu nagħmlu fil-ħajja, dejjem hemm raġuni biex nagħmlu xi ħaġa. Dejjem hemm il-possibbiltà li nsibu sens, għax Alla jħobb il-ħajja tagħna.
U hawn l-oriġinalità ta’ dan is-sid tidher ukoll fl-aħħar tal-ġurnata, xħin jaslu għall-paga. Mal-ewwel ħaddiema, dawk li jmorru fl-għalqa mas-sebħ, is-sid kien ftiehem fuq somma flus, li kienet il-prezz tipiku ta’ ġurnata xogħol. Lill-oħrajn qalilhom li se jagħtihom dak li hu ġust. U huwa proprju hawn li l-parabbola terġa’ tipprovokana: x’inhuwa ġust? Għas-sid tal-għalqa tad-dwieli, jiġifieri għal Alla, huwa ġust li kull persuna jkollha dak li hu meħtieġ għaliha biex tgħix. Huwa sejjaħ lill-ħaddiema personalment, jaf id-dinjità tagħhom u skont din id-dinjità huwa jrid iħallashom. U jagħti l-flus lil kulħadd.
Ir-rakkont jgħid li l-ħaddiema tal-ewwel siegħa joħorġu delużi: ma jirnexxilhomx jaraw is-sabiħ tal-ġest tas-sid, li ma kienx inġust, imma sempliċiment ġeneruż, ma ħarisx biss lejn il-mertu, imma anki lejn il-bżonn. Alla jrid jagħti lil kulħadd is-Saltna tiegħu, jiġifieri l-ħajja fil-milja tagħha, eterna u hienja. U hekk jagħmel Ġesù magħna: ma jagħtix ftit ftit, imma lil min jiftaħlu qalbu jagħtih lilu nnifsu kollu kemm hu.
Fid-dawl ta’ din il-parabbola, in-Nisrani tal-lum jista’ jintilef fit-tentazzjoni li jaħseb: “Għaliex għandi nibda naħdem mill-ewwel? Jekk il-ħlas huwa l-istess, għaliex għandi naħdem iżjed?”. Għal dawn id-dubji Santu Wistin wieġeb hekk: “Għaliex mela teħodha fit-tul biex timxi wara min qed isejjaħlek, meta inti żgur mill-kumpens imma inċert mill-ġurnata? Ara li ma toqgħodx ittawwal u hekk tisraq lilek innifsek minn dak li hu se jagħtik skont il-wegħda tiegħu”.[1]
Nixtieq ngħid, speċjalment liż-żgħażagħ, biex ma joqogħdux jistennew, imma jwieġbu b’entużjażmu lill-Mulej li qed isejħilna biex naħdmu fl-għalqa tad-dwieli tiegħu. Toqgħodx tħalli għall-għada, xammar il-kmiem, għax il-Mulej huwa ġeneruż u m’intix ħa toħroġ deluż! Jekk taħdem fl-għalqa tad-dwieli tiegħu, issib tweġiba għal dik il-mistoqsija profonda li ġġorr ġewwa fik: x’sens għandha l-ħajja tiegħi?
Għeżież ħuti, ejjew ma naqtgħux qalbna! Anki fil-mumenti mudlama tal-ħajja, meta ż-żmien jgħaddi mingħajr ma jagħtina t-tweġibiet li qed infittxu, ejjew nitolbu lill-Mulej jerġa’ joħroġ u jilħaqna hemm fejn qegħdin nistennewh. Il-Mulej hu ġeneruż u ma jdumx ma jiġi!
[1] Diskors 87, 6, 8.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard