Toqtlux l-istrateġija tajba li għamiltu intom stess

Il-Ħadd, 8 ta’ Ġunju 2025: Artiklu mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi li ġie ppubblikat fin-Newsbook tal-lum.

Messaġġ mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

F’pajjiż fejn is-suwiċidju hu rikonoxxut bħala problema serja ta’ saħħa pubblika, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju f’Malta 2025–2030, imnedija mill-Gvern f’Marzu ta’ din is-sena, hija inizjattiva tajba ħafna u meħtieġa ferm. Din l-istrateġija għandha l-għan li taħdem għall-prevenzjoni tas-suwiċidju permezz ta’ kampanji ta’ għarfien, sapport fis-saħħa mentali, interventi fil-komunità, u messaġġ sod u ċar: kull ħajja umana għandha valur.

Imma ftit ġimgħat biss wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-istrateġija, il-Gvern ressaq għal konsultazzjoni proposti li huma fid-direzzjoni opposta ta’ din l-istrateġija. Il-White Paper riċenti dwar “l-Ewtanasja Volontarja Assistita” timmina l-prinċipji stess li fuqhom hija mibnija l-istrateġija kontra s-suwiċidju. Il-White Paper tissuġġerixxi li persuni b’mard terminali, li jkunu ġew infurmati mit-tobba li fadlilhom inqas minn sitt xhur ħajja, jistgħu jingħataw għajnuna minn professjonist mediku biex jieħdu sustanza li toqtolhom.

Il-kwistjoni ewlenija hi waħda sempliċi imma profonda: jista’ l-Gvern tassew jippromwovi l-prevenzjoni tas-suwiċidju u fl-istess waqt jikkunsidra li jdaħħal is-suwiċidju assistit b’liġi? Għandu wieħed jiffaċilita l-att stess li l-istrateġija tiegħu tnediet biex taħdem kontrieh?

L-istrateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju tispjega ċar li s-suwiċidju huwa traġedja kkumplikata, imsejsa fuq tbatija emozzjonali, psikoloġika u soċjali. Din issejjaħ għall-empatija, sapport professjonali, u sistemi ta’ sigurtà aktar b’saħħithom għall-persuni vulnerabbli. Imma l-proposta għall-ewtanasja assistita iġġib messaġġ radikalment differenti: f’ċerti ċirkustanzi, is-suwiċidju mhux biss jista’ jkun aċċettabbli, iżda jista’ saħansitra jiġi ffaċilitat mill-Istat, “bħala parti mis-servizz tas-saħħa nazzjonali”.

Dan l-approċċ kontradittorju jqajjem mistoqsija serja: kif nistgħu nipperswadu lil dawk iż-żgħażagħ li qed jitħabtu wiċċhom ma’ problemi ta’ saħħa mentali, li ħajjithom tiswa u li għandhom ifittxu l-għajnuna biex jgħixu, waqt li fl-istess waqt ngħidu lil xi ħadd b’marda terminali, u li t-tobba jgħidulu li baqagħlu sitt xhur ħajja, li li jneħħi ħajtu tista’ tkun għażla raġonevoli?

Pajjiżi li daħħlu s-suwiċidju assistit fil-liġi raw il-kriterji ta’ eliġibbiltà u s-salvagwardji jisparixxu gradwalment. Dak li beda bħala għażla biss għal min għandu mard terminali, f’xi każijiet ġie estiż għal kundizzjonijiet kroniċi, problemi ta’ saħħa mentali, u anke tbatija mhux medika. L-esperjenza turina li “dritt li tneħħi ħajtek” jista’ jsir faċilment “dmir li tneħħi ħajtek”, speċjalment għal dawk li jħossuhom piż fuq il-familja jew fuq is-soċjetà.

Fil-qalba ta’ dan kollu, hemm mhux biss il-konsistenza, imma b’mod fundamentali, kemm tassew napprezzaw il-ħajja umana. Jekk is-suwiċidju hu xi ħaġa li l-Istat qed jagħmel ħiltu biex jaħdem kontrieh, allura li tappoġġjah f’ċerti każijiet ifisser li tkun qed iżżarma dak li qed tipprova tibni. Tkun qed tkisser il-qafas kulturali u psikoloġiku li jsostni l-isforzi kontra s-suwiċidju. Tkun qed tinnormalizza l-idea li xi ħajjiet m’għadhomx jiswew.

Minflok li taħdem għal “ewtanasja volontarja assistita”, Malta għandha tkompli ssaħħaħ l-investiment tagħha fil-kura palljattiva – li tinkludi kura medika, servizzi spiritwali u psikoloġiċi, u sapport mill-komunità. Aħna lkoll nafu li f’dan il-qasam hemm ħafna aktar x’isir. L-enerġiji kollha għandhom ikunu indirizzati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Kura Palljattiva f’Malta (2025–2035), ippubblikata f’April ta’ din is-sena.

Kif enfasizzajna aħna l-Isqfijiet fil-Ittra Pastorali tagħna Kompassjoni u Għożża sal-Aħħar, il-vera kompassjoni tinsab mhux f’li tgħin lil xi ħadd ineħħi ħajtu, imma li tgħinu jsib tifsira, dinjità u serħan f’nofs it-tbatija – li qatt ma tabbandunah, imma tipprovdi kura palljattiva sal-aħħar. Lill-awtoritajiet: Toqtlux l-istrateġija tagħkom stess kontra s-suwiċidju. Tgħinux lill-persuni biex ineħħu ħajjithom.

✠ Joseph Galea-Curmi 
   Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading