L-Ispirtu li jiftaħ il-Fruntieri

Minn Daniel Borg

Fl-omelija tal-lum il-Papa jgħid kif l-Ispitu Qaddis jiftaħ il-fruntieri.  Papa Ljun jikkwota lil Benedittu XVI meta jgħid li l-Ispirtu Qaddis jgħinna nifhmu, u jgħin biex isewwi l-feriti miġjuba mill-firda tal-qalb u tal-moħħ.  Hu jwassal biex ikisser dak kollu li jista’ jifridna minn bejnietna għax fil-Knisja kollha ndaqs.  U hawnhekk il-Papa jgħid li l-Ispirtu Qaddis l-ewwel li jgħinna nkissru huma l-barrieri tal-qalb.  L-Ispirtu s-Santu huwa r-rigal biex aħna niftħu ħajjietna għall-imħabba.  Il-preżenza  tiegħu tkisser l-ebusija tal-qalb; l-egoiżmu tagħna; il-biża li jżommna ankrati u li jġegħlna naħsbu biss fina nfusna.  It-tieni, l-Ispirtu s-Santu jgħinnu nkissru l-barrieri ta’ bejn xulxin.  Jekk aħna jkollna n-nifs ta’ Alla fuqna, ma nibqgħux naraw fl-oħrajn id-differenzi ta’ bejnietna imma l-affarijiet li jgħaqqduna.  

F’dan il-kuntest ejjew inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jiġi fuqna kemm għad-differenzi ż-żagħar, kif ukoll għall-kbar, kemm dawk fl-ambitu ta’ familjari u ħbieb, u kemm dawk ta’ bejn il-popli.  Id-differenzi ta’ bejnietna speċjalment fil-familja u bejn il-ħbieb jistgħu iwasslu għal ħafna toqol.  Jista’ jkun hemm id-differenzi ta’ bejnietna imma jrid ikun hemm ukoll ir-rieda li ninfetħu għal xulxin.  Dawn jistgħu jidhru li ma nistgħux negħlbuhom imma għalhekk hemm l-Ispirtu Qaddis li minkejja l-iżbalji u l-limitazzjonijiet kollha tagħna, u forsi wkoll il-kliem ta’ weġgħa li nkunu għidna lil xulxin, jista’ jaħdem fina.  U l-istess japplika għad-differenzi bejn in-nazzjonijiet, il-ġenoċidju li qed naraw fil-Palestina, il-gwerra fl-Ukrajna.  Ma nistgħux nibqgħu indifferenti f’sitwazzjoni fejn forsi l-politika ħallietna mingħajr ebda tama.  Imma b’danakollu it-tama li tankrana hi Ġesu u l-wegħdiet tiegħu li qatt ma ġew fix-xejn.  Ejjew nitolbu lill-Ispirtu Qaddis ħalli nħalluh jaħdem fina.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading