OMELIJA GĦAT-TRINITA’ QADDISA

Minn Fr Michael A. Galea

L-ewwel bniedem li tela’ fl-ispazju kien Yuri Gagarin, astronawta Russu: dam fl-ispazju xi siegħa u 48 minuta. Meta reġa’ lura fid-dinja, dan l-astronawta (komunist, ateu, ma jemmen b’xejn) qal: “Dort dawra fl-ispazju u lil Alla ma rajtux!” Pero’ iktar tard, astronawti Amerikani telgħu fl-ispazju u qalu li l-bogħod mid-dinja, kellhom esperjenza qawwija t’Alla…Wieħed minnhom, hu u jħares lejn id-dinja tagħna mill-bogħod (qisha daqsxejn ta’ ballun) qal: “Donni qed inħares lejn id-dinja bl-għajnejn t’Alla!”

Illum qegħdin niċċelebraw is-Solennita’ tat-Trinita’ Qaddisa: festa lil Alla l-Missier, lil Alla l-Iben u lil Alla Spirtu s-Santu. Xi nies, meta jaraw tant mard, tant miżerja madwarhom…jistaqsu: “Imma Alla jeżisti jew le?” Oħrajn jistaqsu: “Jekk jeżisti fejn hu qiegħed?” Jagħmlu did-domanda għax Alla Huwa spirtu, ma jidhirx, ma jaqax taħt is-sensi tagħna. Forsi oħrajn jistaqsu: “Jekk jeżisti x’inhu jagħmel?” Ħa ngħidilkom daqsxejn ta’ fatt għandu x’jaqsam ma San Ġorġ Preca. Mela jum fost l-oħrajn, Dun Ġorġ Preca kien qed ikellem lill-ħaddiema ġewwa fabrika f’Malta u dar fuq wieħed mill-ħaddiema, jismu Ġużeppi u staqsieh: “Ġużeppi, x’taħseb li qed jagħmel Alla f’dal-mument?” U ftit mifxul, Ġużeppi wieġbu: “Issa jien naf x’inhu jagħmel Alla!” Konvint minn dak li qed jgħid, Dun Ġorġ wieġbu: “Bħalissa, Alla qed iħobb għax kif jgħidilna San Ġwann f’waħda mill-ittri tiegħu, Alla huwa mħabba.”

Fejn hu qiegħed Alla? M’ilux wisq sibt tweġiba tajba ħafna għal din id-domanda. Hija tweġiba ta’ Sant’Wistin: “Alla huwa dak li jinsab fil-bogħod u fl-istess ħin dak li jinsab fil-qrib.” Din hija tweġiba biblika wkoll għax x’imkien fl-Iskrittura, Mose’ jgħid lil-Lhud: “Kunu afu llum u żommha f’ moħħkom li l-Mulej huwa tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kif ukoll hawn isfel fl-art.” Ħa nispjega… X’nifhmu meta ngħidu: “Alla huwa Dak li jinsab fil-bogħod, fl-għoli tas-sema?” Nifhmu li hemm abbiss kbir, distanza kbira, differenza kbira bejn Alla u bejnna. Nifhmu perżempju li Alla Huwa l-Ħallieq u aħna l-maħluqin. Nifhmu li Alla jista’ kollox u aħna dgħajfin. Nifhmu li Alla hu perfett u aħna mimlijin difetti. Nifhmu li Alla jħobbna ħafna u aħna ma nħobbuhx daqskemm jistħoqqlu. Nifhmu li Alla hu qaddis għal tliet darbiet (kif ngħidu qabel il-konsagrazzjoni tal-ħobż u tal-inbid) u aħna midinbin.
Issa n’nifhmu meta ngħidu: “Alla huwa dak li jinsab fil-qrib, hawn isfel fl-art? Nifhmu li fl-imħabba kbira tiegħu, Huwa qorob lejna, uriena lilU nnifsu, sar wieħed minna, tħallat magħna, ġie joqgħod magħna. Dan bil-misteru tal-Inkarnazzjoni: “l-Iben t’Alla sar bniedem u għammar fostna u bil-misteru tal-Ewkaristija, niċċelebrawh f’kull quddiesa u fl-adorazzjonijiet li nagħmlu barra mill-quddiesa. Fuq dal-fatt li Alla qorob lejna, tħallat magħna, insibu xi ħaġa interessanti fil-vanġelu ta’ San Mattew. Meta fil-vanġelu tiegħu jirrakkuntalna t-twelid ta’ Ġesu’, San Mattew jgħidilna hekk: “Dan ġara biex iseħħ dak li hemm fl-Iskrittura: ‘Ara x-xebba tnissel, ikollha Iben u jsemmuh Għimmanuel li b’ilsienna jfisser: Alla Magħna.” L-istess San Mattew jagħlaq il-vanġelu tiegħu bil-kliem ta’ Ġesu’ lill-Appostli tiegħu, u allura lilna wkoll: “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmenijiet.”

Pero’ forsi tgħiduli: “Dad-diskors kollu dwar il-Misteru tat-Trinita’ x’għandu x’jaqsam magħna?” Lill-Missier nattribwulu l-ħolqien…Huwa Missier li ħoloq, għadu joħloq u se jibqa’ joħloq. Ġie f’idejja ktieb tal-Ġeżwita Mark Link. U dan jibda b’dawn id-domandi: ġieli waqaft tosserva warda sabiħa għadha kemm fetħet? Ġieli poġġejt bil-qiegħda fuq blata tikkontempla l-baħar kbir u sabiħ? Ġieli sibt ħin titgħaxxaq bix-xemx tiela’ fil-għodu jew nieżla fl-għaxija? Forsi mhux lakemm twieġeb “iva” għal dawn id-domandi għax qegħdin ngħixu f’dinja mgħaġġla: kulħadd għandu x’jagħmel…It-teknoloġija tal-lum ma tħalliniex ingawdu n-natura ta’ madwarna. Pero’ jekk tista’ twieġeb “iva” għal dawn id-domandi, direttament jew indirettament int qed tfittex lil Alla Ħallieq.

Lill-Iben, imbagħad, kif diġa’ għedtilkom, nattribwulu l-Misteru tal-fidwa u tas-salvazzjoni. Fil-vanġelu ta’ San Ġwann, insibu li Ġesu’ qed jitkellem ma’ Nikodemu u jgħidlu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”

Fl-aħħarnett, lill-Ispirtu s-Santu nattribwulu x-xogħol tat-tqaddis. Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-miġja tiegħu fuq l-appostli u fuq id-dixxipli u għamilhom Knisja li llum tgħodd il-biljuni ta’ nsara. San Ċirillu jxebbaħ lill-Ispirtu s-Santu mal-ilma. Jgħid hekk San Ċirillu: “L-ilma jinżel mis-sema bħax-xita. Għad li hu ilma wieħed, kapaċi jadatta ruħu skont il-pjanti li fuqhom jaqa’. Hekk pereżempju jekk jaqa’ fuq is-siġra tal-palm iġib ħaġa u jekk jaqa fuq id-dielja jġib ħaġa oħra.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading