Il-Papa Ljun XIV dwar il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Bartilmew.

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 11 ta’ Ġunju 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-mirakli ta’ fejqan. 2. Bartimew. “Kuraġġ! Qum, qed isejjaħlek!” (Mk 10:49)

Għeżież ħuti,

B’din il-katekeżi nixtieq nixħtu l-ħarsa tagħna fuq aspett ieħor essenzjali tal-ħajja ta’ Ġesù, jiġifieri fuq il-mirakli ta’ fejqan. Għalhekk nistedinkom tpoġġu quddiem il-Qalb ta’ Kristu dawk il-partijiet tagħhom li huma l-aktar dgħajfa jew jikkawżawlkom tbatija, dawk l-imkejjen tal-ħajja tagħkom fejn tħossukom weqfin jew imwaħħlin. Nitolbu lill-Mulej bil-fiduċja li jisma’ l-karba tagħna u jfejjaqna!

Il-persunaġġ li qed jakkumpanjana f’din ir-riflessjoni jgħinna nifhmu li ma rridu qatt nitilfu t-tama, imqar meta nħossuna mitlufa. Dan hu Bartimew, raġel agħma u tallab, li Ġesù ltaqa’ miegħu Ġeriko (ara Mk 10:40-52). Il-post hu sinifikattiv: Ġesù kien sejjer Ġerusalemm, imma jibda l-vjaġġ tiegħu, biex ngħidu hekk, mill-“qigħan” ta’ Ġeriko, belt li tinsab taħt il-livell tal-baħar. Fil-fatt, Ġesù, bil-mewt tiegħu, mar jerġa’ jtella’ lil dak Adam li waqa’ fil-baxx u li jirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minna.

Bartimew ifisser “bin Timew”: l-isem jiddeksrivi lil dak il-bniedem skont ir-relazzjoni tiegħu, u safrattant huwa jinsab traġikament waħdu. Imma dan l-isem jista’ jfisser ukoll “bin il-ġieħ” jew “l-ammirazzjoni”, eżattament bil-maqlub tas-sitwazzjoni li fiha jinsab.[1] U billi l-isem hu hekk importanti fil-kultura Lhudija, dan ifisser li Bartimew mhux jirnexxilu jgħix dak li hu msejjaħ ikun.

Imbagħad b’differenza mill-moviment kbir ta’ nies li miexja wara Ġesù, Bartimew jinsab wieqaf. L-Evanġelista jgħid li jinsab bilqiegħda mat-triq, jiġifieri għandu bżonn ta’ xi ħadd li jerġa’ jqajmu fuq saqajh u jgħinu jerġa’ jaqbad il-mixja.

X’nistgħu nagħmlu meta nsibu ruħna f’sitwazzjoni li tidher bla soluzzjoni? Bartimew jgħallimna nfittxu riżorsi li qed inġorru ġewwa fina u li jagħmlu parti minna. Huwa tallab, jaf jitlob, anzi, jista’ jgħajjat! Jekk tassew trid xi ħaġa, ħa tagħmel minn kollox biex tilħaqha, imqar meta l-oħrajn iċanfruk, jumiljawk u jgħidulek tinsa kollox. Jekk tixtieqha tassew, ibqa’ għajjat!

L-għajta ta’ Bartimew, kif insibuha fil-Vanġelu ta’ Marku – “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” (v. 47) – saret talba pjuttost magħrufa fit-tradizzjoni tal-Lvant, li aħna wkoll nistgħu nużaw: “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla, ħenn għalija midneb”.

Bartimew huwa bniedem agħma, imma paradossalment jara aħjar mill-oħrajn u jagħraf min hu Ġesù! Quddiem l-għajta tiegħu, Ġesù jieqaf u jgħidilhom isejħulu (ara v. 49), għax ma hemm l-ebda karba li Alla ma jagħtix widen għaliha, imqar meta mank nafu li qed induru lejh (ara Eż 2:23). Tidher stramba kif, quddiem raġel agħma, Ġesù ma jmurx dritt għandu; imma, jekk naħsbu ftit, dan huwa l-mod kif huwa jerġa’ jagħti l-ħajja lil Bartimew: iġagħlu jqum, jafda fil-possibbiltà tiegħu li jimxi. Dak ir-raġel jista’ jerġa’ jqum fuq saqajh, jista’ jirxoxta mis-sitwazzjoni tal-mewt tiegħu. Imma biex jagħmel dan, irid jagħmel ġest sinifikattiv ħafna: irid jarmi l-mantar ta’ fuqu (ara v. 50)!

Għal tallab, il-mantar huwa kollox: huwa s-sigurtà tiegħu, huwa d-dar, id-difiża li tipproteġih. Imqar il-liġi kienet tipproteġi l-mantar tat-tallab u timponi li jintraddlu lura sa filgħaxija, jekk ikun itteħidlu b’rahan (ara Eż 22:25). Imma, ħafna drabi, dak li jimblukkana huma sewwasew dawk li jidhru bħala s-sigurtajiet tagħna, dak li poġġejna fuqna biex niddefendu ruħna u li minflok qed iżommna milli nimxu. Biex imur għand Ġesù u jħallih ifejqu, Bartimew irid jesponi ruħu quddiemu fil-vulnerabbiltà kollha tiegħu. Dan huwa l-passaġġ fundamentali għal kull mixja ta’ fejqan.

Anki l-mistoqsija li Ġesù jagħmillu tidher stramba: “Xi tridni nagħmillek?” (v. 51). Imma fir-realtà mhix ħaġa ovvja li aħna rridu nfiqu mill-mard tagħna, għax xi drabi nippreferu nibqgħu fejn aħna biex ma nassumu ebda responsabbiltà. It-tweġiba ta’ Bartimew hi profonda: juża l-verb anablepein, li jista’ jfisser li “nara mill-ġdid”, imma li nistgħu nittraduċuh ukoll bil-kliem “nerfa’ ħarsti”. Fil-fatt, Bartimew mhux biss irid li jerġa’ jibda jara, imma jrid jerġa’ jikseb ukoll id-dinjità tiegħu! Biex inħarsu fl-għoli, hemm bżonn nerfgħu rasna. Xi drabi l-persuni jispiċċaw imwaħħlin fejn huma għax il-ħajja umiljathom u jixtiequ biss li jerġgħu jsibu l-valur tagħhom.

Dak li jsalva lil Bartimew, u lil kull wieħed u waħda minna, huwa l-fidi. Ġesù jfejjaqna biex nistgħu nsiru bnedmin ħielsa. Hu ma jistedinx lil Bartimew biex jimxi warajh, imma jgħidlu jmur, jerġa’ jibda miexi (ara v. 52). Imma Marku jagħlaq ir-rakkont billi jgħid li Bartimew beda miexi wara Ġesù: għażel hu liberament li jimxi wara dak li huwa t-Triq!

Għeżież ħuti, ejjew nieħdu bil-fiduċja kollha quddiem Ġesù l-mard tagħna, u anki dak tal-għeżież tagħna, neħdulu l-uġigħ ta’ dawk li jħossuhom mitlufa u bla tama. Ngħajtu wkoll f’isimhom, u nibqgħu żguri li l-Mulej jismagħna u jieqaf.


[1] Hija wkoll l-interpretazzjoni li jagħti Wistin f’Il-kunens tal-evanġelisti, 2, 65, 125: PL 34, 1138.

Miġjub għall-Malti minn Francesco PIo Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading