Players ta’ team rebbieħ

Kitba ta’ Patri Juan DeBono ocd

Diskusjoni pubblika

Bħalissa għaddejja diskussjoni publika dwar id-‘dritt’ (jekk nistgħu nsejħulu hekk) li persuna li qiegħdha tbati b’marda terminali, u li żewġ gruppi ta’ tobba jikkonfermawlha li jkun fadlilha mhux aktar minn sitt xhur ħajja, jekk din l-istess persuna b’mod liberu għandhiex tingħata ‘d-dritt’ li tneħħi ħajjitha.

X’jista’ qatt iwassal biex persuna tasal li tikkunsidra li tneħħi ħajjitha?

Tbatija marbuta per eżempju ma marda li m’hemmx fejqan għaliha, burnout, depressjoni qawwija, abbuż mid-droga jew alkoħol, self ta’ flus bl-użura jistgħu kollha jwasslu (u spiss hekk jiġri) biex persuna li tħoss fuq rasha pressjoni li ma tkunx tiflah għaliha tasal li tixtieq li ttemm ħajjitha. Għalhekk id-domanda tiġi waħedha:

Għaliex it-tbatija?

Għala l-bniedem ikollu jbati?, ‘Min fejn ġejja t-tbatija?’, ‘Kif Alla li hu tant tajjeb, jippermetti t-tbatija?’, u fuq kollox, ‘Għala jiena għandi nbati?’

Il-mument li ssib ruħek fl’arena tal-gladjaturi, u tara ġejjin jiġru lejk ljuni feroċi, inutli li tipprova tifhem x’ikun qiegħed jiġri. Dak huwa l-mument meta int trid tikkunbatti, biex tevita li ssir trietaq mis-snin tal-iljuni u tat-tigri.

Tajjeb li ssir diskusjoni

Tajjeb li nippruvaw nifhmu x’jista’ qatt iwassal biex persuna ma tarax aktar dawl f’ħajjitha. Il-mewt żgur li qatt ma hi soluzjoni. Soċjeta’ li tara l-ewtanasja bħala risposta għat-tbatija terminali (jew mhux), hija soċjeta’ li hi nnifisha tinsab fid-dlam. Toqtol lilek innifsek biex ma tittiekilx mil-iljuni mhix soluzjoni. Tittiekel hu ħażin, imma li toqtol lilek innifsek huwa agħar.

It-tbatija ma kienetx minn dejjem u mhix kastig ta’ Alla

Ejjew nimmaġinaw li persuna jkollha farmhouse mill-isbaħ, bi kmamar kbar u mdawla, bi swimming pool kbira, ġonna mill-isbaħ, staff li jieħu ħsieb ta’ kollox, u dan is-sid jiddeċiedi li jagħtiha lil koppja żgħażugħa bla interessi ta’ xejn, u jgħidilhom li jistgħu jgħixu fiha daqslikieku kienet tagħhom. Jgħidilhom li jistgħu jolteraw il-proprjeta’ skond il-gosti tagħhom, imma jwissihom biex bieba ta’ cupboard partikolari (li jkun jinsab fuq cooker) ma jiftħuwiex.

Adam u Eva ngħataw din id-dinja, ingħataw l-univers li għadna sallum ma nafux sa fejn jasal. Ingannati iżda mis-serpent qerriedi, Eva fetħet il-bieba tal-cupboard u fil-pront waqa’ pakket melħ mil-oħxon f’borma tal-minestra li kienet qiegħdha tħejji għal nofsinhar. Ma għandniex xi ngħidu l-ħaxix kollu f’dik il-borma sar mielaħ baħar.

U allura nsaqsi jiena, xi ħtija għandu s-sid (li tahom il-proprjeta’) li dik il-minestra issa saret mielħa? Ma kienx wissihom minn qabel biex huma ma jiftħux dik il-bieba? It-tbatija daħlet fid-dinja għax il-bniedem fettillu jiddubita mil-kelma ta’ Alla u bid-diżubbidjenza tiegħu mellaħ il-ħajja li fiha ħalaqna.

Jekk missier iwissi lil ibnu biex ma jagħmilhiex ma’ xi kunpanija partikolari, u dan l-iben xorta jagħmel fattih, u jispiċċa fil-vizzju, il-missier xi ħtija jkollu li ibnu qiegħed issa ibati?

Imma għaliex anki jiena rrid inbati? Jiena x’għamilt ħażin? Illallu kemm se ndumu nħalsu għal dan l-iżball!!!!

Int jekk il-ġenituri tiegħek kellhom ħafna ġid, int meta jmutu ma tmurx għand in-nutar biex tara x’setgħu ħallewlek? U jekk dawn kellhom balla djun, mhux lilek u ‘l ħutek ifittxu min ikun irid jiġbor ġidu?

U donna ma tgħallimna xejn

Kieku mqar tgħallimna xi ħaġa u ma rrepetejnhiex l-iżbalji tal-ġenituri tagħna, kieku fiha u ma fihiex, imma le mhux talli ma tgħallimna xejn, talli qegħdin nirrepetuhom, u issa l-għaxar kmandamenti saru tassew għal kollox ‘optional’, u nduru magħhom kif jaqbel lilna, taħt il-kappa tal-ħniena, tal-empatija. Kif int daqshekk bla qalb li trid tħallini nbati ? Ħallini ntemm ħajti fil-kwiet. Int jekk ma jogħġbokx, jekk int ma tridx li tieħu l-injection teħodhiex, imma tindaħħallix x’nagħmel b’ħajti….

U x’aktarx din hi l-problema. Taħseb li int is-sid ta’ ħajtek, meta int lanqas xagħra waħda ma int kapaċi minn sewda taqlibha bajda.  

Kultura tal-mewt

Il-mument li s-soċjeta’ twarrab lil Alla u tqiegħed lilha nnifisha u x-xewqat interjuri tagħha qabel dawk ta’ Alla, dik l-istess soċjeta’ tispiċċa teqred lilha nnifisha. Il-morning after pill, l-abort legali jew klandestin, l-abbużż mid-droga u mill-alkoħol, sewqan bl-abboċċ, l-ikel żejjed, id-delega tad-dmir tagħna li nħobbu u li nieħdu ħsieb lil-familjari anzjani tagħna, u issa l-ewtanasja għal min jitlobha, huma kollha sinjali ta’ soċjeta’ li falliet.

Żminiijet ġodda taħt il-mant ta’ Marija

F’ċirkostanzi bħal dawn, dawk li jemmnu jistgħu jgħaddu minn mumenti ta’ qtiegħ il-qalb. Iżda meta niftakru li Ġesu’ nnifsu rebaħ il-mewt u wasslilna ħajja li ma tintemm qatt, il-prospettiva tinbidel. Id-dinja taħseb li l-prinċep ta’ din id-dinja, jiġifieri d-dimonju huwa r-rebbieħ, imma r-rebħa finali kienet, hi u se tibqa’ għal dejjem, dik ta’ Kristu.

Għalhekk dawk li jemmnu huma bnedmin ta’ tama, għax jafu u jemmnu li min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar. Nistgħu nkunu sebgħa minn taħt, u jkun jonqos biss ħames minuti biex tintemm il-partita, imma Alla l-Missier permezz ta’ Marija, u ta’ erwieħ oħra twajba li jgħaddulha l-ballun, jispiċċa jirbaħ dik il-partita b’riżultat ta’ 8-7.

Taħt il-mant ta’ Marija nibqgħu b’ħarsitna merfugħha. Il-Mulej qiegħed isejħilna biex inqumu minn fuq il-bankina, nagħmlu ftit ġiri ta’ warming up, noħorġu fil-ground, u ngħaddu l-ballun f’riġlejn Marija li ttajjar lid-demonju bil-ballun b’kollox fix-xibka.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading