Il-Papa Ljun XIV: Tittama jfisser torbot flimkien.

UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Is-Sibt 14 ta’ Ġunju 2025

Tittama jfisser torbot flimkien. Irinew ta’ Lyon

Għeżież ħuti,

Dalgħodu qed nerġa’ naqbad l-udjenzi ġubilari speċjali li l-Papa Franġisku kien beda fix-xahar ta’ Jannar, billi kull darba nipproponu aspett partikulari tal-virtù teologali tat-tama u figura spiritwali li tat xhieda tiegħu. Mela ejjew inkomplu l-mixja li qbadna, bħala pellegrini tat-tama!

Tiġborna flimkien it-tama mgħoddija lilna mill-Appostli sa mill-bidu. L-Appostli raw f’Ġesù l-art marbuta mas-Sema: bl-għajnejn, bil-widnejn, bl-idejn tagħhom laqgħu l-Verb tal-ħajja. Il-Ġublew huwa bieb miftuħ fuq dan il-misteru. Is-Sena Ġubilari torbot iżjed b’mod radikali d-dinja ta’ Alla ma’ dik tagħna. Tistedinna nieħdu bis-serjetà dak li nitolbu ta’ kuljum: “Kif fis-sema, hekkda fl-art”. Din hija t-tama tagħna. Dan hu l-aspett li llum nixtiequ napprofondixxu: tittama tfisser torbot flimkien.

Wieħed mill-akbar teologi Nsara, l-Isqof Irinew ta’ Lyon, se jgħinna nagħrfu kemm hi sabiħa u attwali din it-tama. Irinew twieled fl-Asja Minuri u fforma ruħu fost dawk li kienu jafu direttament lill-Appostli. Imbagħad ġie l-Ewropa, għax f’Lyon diġà kienet ġiet imsawra komunità ta’ Nsara ġejjin mill-istess art tiegħu. Kif nagħmlu tajjeb niftakru li seħħ hawn, f’Ruma, fl-Ewropa! Il-Vanġelu ġie mwassal f’dan il-kontinent minn barra. U llum ukoll il-komunitajiet ta’ migranti huma preżenzi li jġeddu l-fidi fil-pajjiżi li jilqgħuhom. Il-Vanġelu jiġi minn barra. Irinew jorbot il-Lvant u l-Punent. Dan diġà hu sinjal ta’ tama, għax ifakkarna kif il-popli jkomplu jilqgħu lil xulxin.

Imma Irinew għandu teżor ikbar x’jagħtina. Il-qasmiet duttrinali li ltaqa’ magħhom fi ħdan il-komunità Nisranija, il-kunflitti interni u l-persekuzzjonijiet esterni ma jaqtgħulux qalbu. Bil-maqlub, f’dinja mfarrka f’biċċiet hu tgħallem jaħseb aħjar, u jwassal dejjem iżjed b’mod profond l-attenzjoni fuq Ġesù. Sar għannej tal-persuna tiegħu, anzi tal-ġisem tiegħu. Fil-fatt, huwa għaraf li fih dak li għalina jidher oppost jerġa’ jintiseġ f’għaqda. Ġesù ma huwiex ħajt li jifred, imma bieb li jgħaqqadna. Irridu nibqgħu fih u nagħżlu r-realtà mill-ideoloġiji.

Għeżież ħuti, illum ukoll l-ideat jistgħu jġennuna u l-kelmiet jistgħu joqtluna. Imma aħna lkoll magħmulin minn ġisem tal-laħam; dan hu dak li jorbotna mal-art u mal-ħlejjaq l-oħra. Il-ġisem ta’ Ġesù għandna nilqgħuh u nikkontemplawh f’kull wieħed u waħda minn ħutna, f’kull ħlejqa. Ejjew nisimgħu l-karba tal-laħam, inħossu l-uġigħ ta’ ħaddieħor isejħilna b’isimna. Il-kmandamnet li rċivejna sa mill-bidu hu dak li nħobbu lil xulxin. Dan hu miktub f’laħamna, qabel ma hu f’xi liġi.

Irinew, mgħallem tal-għaqda, jgħallimna mhux inħaqquha ma’ xulxin, imma norbtu flimkien. L-intelliġenza qiegħda mhux meta nifirdu ħaġa mill-oħra, imma meta norbtu flimkien. Li niddistingwu hi ħaġa utli, imma li nifirdu qatt ma hi. Ġesù huwa l-ħajja ta’ dejjem f’nofsna: hu jiġbor flimkien l-opposti u jagħmel possibbli l-komunjoni.

Aħna pellegrini tat-tama, għax fost il-persuni, il-popli u l-ħlejjaq hemm bżonn ta’ xi ħadd li jiddeċiedi li jimxi lejn il-komunjoni. Oħrajn imbagħad jimxu warajna. Bħal Irinew ta’ Lyon fit-tieni seklu, hekk f’kull waħda mill-bliet tagħna nerġgħu nibdew nibnu pontijiet fejn illum hemm ħitan. Niftħu l-bibien, norbtu flimkien dinjiet differenti, u jkun hemm it-tama.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading