SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDSA TA’ KRISTU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Lateranensi
21 ta’ Ġunju 1984
1. “Knisja Mqaddsa, faħħar lill-Mulej tiegħek” (Sal 147, 12).
Din l-eżortazzjoni, li tidwi fil-liturġija tallum, tirbombja, kważi bħal eku mriegħed, għall-istedina li s-salmista jindirizza lil Ġerusalem.
“Sebbaħ, lill-Mulej, Ġerusalem; / faħħar lil Alla tiegħek, Sijon. / Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, / u jbierek ġewwa fik lil uliedek” / (Sal 147, 12-13).
Il-Knisja kibret minn Ġerusalem u fl-iktar profond ta’ qalbha twassal din l-istedina biex tfaħħar lil Alla l-ħaj. Illum tixtieq twieġeb għal din l-istedina b’mod partikolari. Dan il-jum – il-Ħamis ta’ wara l-Ħadd tat-Trinità Qaddisa – hija s-sollennità tal-Corpus Domini, tal-eqdes ġisem u demm ta’ Kristu.
2. Il-Knisja kibret mill-Ġerusalem tal-patt il-qadim bħal ġisem strutturat sewwa f’għaqda permezz tal-Ewkaristija. “Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed. Ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10, 17).
“U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?” (1 Kor 10, 16).
“Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu?” (1 Kor 10, 16).
Illum irridu nsebbħu b’mod partikolari. Irridu naduraw b’att pubbliku u sollenni dan il-ħobż u dan il-kalċi, li permezz tagħhom nieħdu sehem fil-ġisem u fid demm ta” Ġesù Kristu.
Dak kollu li nagħmlu: dan l-imqaddes Sagrifiċċju, li issa se niċċelebraw, u din il-proċessjoni ewkaristika li wara tgħaddi minn diversi toroq ta’ Ruma (mill-bażilika Laterana sal-bażilika ta’ Omm Alla fl-Esquilino) dan kollu għandu bħala skop dan biss:
Insebbħu dan il-ħobż u dan il-kalċi. Li permezz tagħhom il-Knisja tipparteċipa fil-ġisem u fid-demm ta’ Kristu. “Ġerusalem, faħħar lil Alla tiegħek”.
3. Ġesù Kristu jgħid:
“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqà fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, huwa wkoll jgħix bija” (Gv 6, 56-57). Tali hi l-ħajja tal-Knisja. Hija tiżvolġi fil-moħba ewkaristika. Dan jindikah il-musbieħ li jixgħel lejl u nhar quddiem it-tabernaklu. Din il-ħajja tiżvolġi ruħha wkoll fil-moħba tal-erwieħ umani, fit-tabernaklu ntimu tal-bniedem.
Il-Knisja bla ma taqtà tiċċelebra l-Ewkaristija, billi ddawwar bl-ikbar qima dan il-misteru, li Kristu stabilixxa f’ġismu u f’demmu; dan il-misteru li huwa l-ħajja nterna tal-erwieħ umani.
Dan tagħmlu bid-diskrezzjoni sagra kollha li dan is-sagrament jimmerita.
Iżda hemm jum li fih il-Knisja trid tkellem lid-dinja kollha dwar dan il-misteru kbir tagħha. Tipproklamah fit-toroq u fil-pjazez. Tkanta b’leħen għoli l-glorja ta’ Alla tagħha. Ta’ dan Alla meravilja, li sar ġisem u demm: ikel u xorb tal-erwieħ umani.
“. . . Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51).
Jinħtieġ mela li “d-dinja” tilqà f’dan il-jum sollenni l-messaġġ ewkaristiku: il-messaġġ tal-ġisem u tad-demm ta’ Kristu.
4. Nixtiequ mela li ndawru b’kortejo sollenni dan il-“ħobż, li permezz tiegħu aħna – ħafna -niffurmaw Ġisem wieħed biss”.
Irridu nimxu u nxandru, inkantaw, nistqarru: hawn hu Kristu -Ewkaristija – mibgħut mill-Missier. Hawn hu Kristu, li jgħix għall-Missier. / Hawn aħna, fi Kristu: / aħna li nieklu ġismu u demmu / aħna, li ngħixu bih: permezz ta’ Kristu-Ewkaristija. / Bi Kristu, l-Iben etern ta’ Alla.
“Min jiekol ġismu u jixrob demmu, għandu l-ħajja ta’ dejjem… Hu: Kristu se jqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (cf. Ġw 6, 54).
F’din id-dinja li tgħaddi. / f’din il-belt, li wkoll hi tgħaddi, minkejja li hi msejħa “belt eterna”, / nixtiequ nxandru l-ħajja eterna, li hija permezz ta’ Kristu f’Alla: / il-ħajja eterna, li l-bidu u sinjal evanġeliku huwa l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu; / il-ħajja eterna, li nilqgħu bħala Ewkaristija: sagrament tal-ħajja eterna.
Ġerusalem!
Knisja Mqaddsa! Faħħar lil Alla tiegħek. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb