IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 15 ta’ Ġunju, 2025
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Ftit tal-ħin ilu temmejna ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-Ġublew tal-Isports, u issa bil-ferħ insellem likom ilkoll, sportivi ta’ kull età u provenjenza! Inħeġġiġkom biex l-attività sportiva tagħkom tgħixuha dejjem, anki fil-livell kompetittiv, bi spirtu ta’ gratwità, spirtu “ta’ rikreazzjoni” fis-sens nobbli tal-kelma għax fil-logħob u fid-divertiment sân il-persuna umana tkun tixbaħ lil Dak li ħalaqha.
Inħoss li hu importanti nisħaq li l-isports hu mod biex bih tinbena l-paċi, għax hu skola ta’ rispett u lealtà li sseddaq il-kultura tal-laqgħa u tal-fratellanza. Ħuti, ninkoraġġikom biex dan ikun l-istil tagħkom u bil-kuxjenza topponu kull għamla ta’ vjolenza u abbuz. Id-dinja tal-lum teħtieġ dan bi kbir! Infatti il-kunflitti bl-armi huma bosta. Fl-Myanmar, minkejja d-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied, dan baqa’ għaddej bi ħsara għall-infrastrutturi ċivili. Nistieden lin-naħat kollha biex jibdew triq ta’ djalogu inklussiv, l-uniku mezz li bih jista’ jkun hemm soluzzjoni paċifika u ta’ stabbiltà.
Fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Ġunju, fil-belt ta’ Yelwata, fiż-żona amministrattiva lokali ta’ Gouma, fl-Istat ta’ Benue, fil-Niġerja, seħħ massakru terribbli fejn madwar mitejn persuna nqatlu bi krudeltà estrema, il-biċċa l-kbira minnhom kienu evakwati interni mogħtijin kenn minn missjoni kattolika lokali. Nitlob biex fin-Niġerja, pajjiż maħbub imma miġrugħ minn diversi għamliet ta’ vjolenza, jibdew isaltnu s-sigurtà, il-ġustizzja u l-paċi. U nitlob b’mod partikolari għall-komunitajiet rurali tal-Istat ta’ Benue, li huma vittmi ta’ vjolenza ma taqta’ xejn.
Niftakar fir-Repubblika tas-Sudan, li ilha aktar minn sentejn mifluġa minħabba l-vjolenza. Waslitli l-aħbar ta’ niket dwar il-mewt tar-Rev. Luke Jumu, kappillan ta’ El Fasher, li safa vittma waqt bumbardament. Filwaqt li niżgura t-talb tiegħi għalih u għall-vittmi kollha, inġedded l-appell lil min hu mdaħħal fil-ġlied, biex iwaqqfu l-kunflitt, jipproteġu lin-nies ċivili u jibdew djalogu għall-paċi. Inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-isforzi ħalli l-popolazzjoni milquta minn kriżi umanitarja gravi, tingħatalha tal-anqas l-għajnuna essenzjali. Inkomplu nitolbu għall-paċi fil-Lvant Nofsani, fl-Ukrajna u fid-dinja kollha.
Illum waranofsinhar, fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura se jkun dikjarat Beatu, Floribert Bwana Chui, żgħażugħ martri mill-Congo. Kien inqatel meta kellu sitta u għoxrin sena għax minħabba t-twemmin nisrani tiegħu kien jeħodha kontra l-inġustizzi u jiddefendi liż-żgħar u lill-foqra. Jalla x-xhieda tiegħu tagħti kuraġġ u tama liż-żgħażagħ tar-Repubblika Demokratika tal-Congo u tal-Afrika kollha!
Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd! U lilkom żgħażagħ, ngħidilkom: nistennikom minn hawn u xahar u nofs ieħor għall-Ġublew taż-żgħażagħ! Il-Verġni Marija, Reġina tal-Paċi, tinterċedi għalina.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber