Il-Ħamis, 19 ta’ Ġunju 2025: Omelija mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fl-għeluq tas-Sena ta’ Formazzjoni 2024-2025. Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Kieku aħna s-saċerdoti, u intom is-seminaristi b’mod partikulari, kellna naqraw l-Ittri ta’ San Pawl, jew l-Atti tal-Appostli mill-kapitlu 9 ’il quddiem, fejn jittratta l-ħajja ta’ Pawlu, u nippruvaw inqisu l-ħajja ta’ Pawlu bħala ħajja ta’ qassis – għax fil-fatt hekk hi – u nitgħallmu xi ħaġa minnha, hekk jiena naħseb illi jkun qari effikaċi ħafna li jħalli ħafna effett fina.
Anki s-silta tal-lum (2 Kor 11:1-11), għalkemm hi silta qasira, imma hi daqshekk qawwija. Ma kienx joqgħod jgħid: ‘U għax dak jgħir, u għax l-ieħor għandu problema li jieħu għalih, u l-oħra li taqbżilha malajr’. Le, kollox jaqra u jinterpreta fid-dawl ta’ Alla. Kemm għadni ’l bogħod jien milli naqra l-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet tal-ħajja bl-għajnejn ta’ Alla u allura niskopri lilu fis-sitwazzjoni!
Alla qiegħed f’kull sitwazzjoni li aħna ngħaddu minnha. Ħafna drabi, aħna nitolbuh jiġi minħabba s-sitwazzjoni, għax mingħalina li ma jkunx qiegħed hemm. Imma Alla qiegħed f’kull sitwazzjoni, saħansitra fid-dnub. Ix-xogħol tagħna huwa li niskopru l-preżenza ħafna drabi stramba tiegħu fis-sitwazzjoni u nisfurzaw ruħna biex fis-sitwazzjoni naraw sfidi li kultant inħossuhom ġejjin wisq mid-dgħufija tal-bnedmin ta’ madwarna, jew mid-diffikultajiet li jinqalgħu, jew inkella miċ-ċirkustanzi li huma ’l bogħod ħafna minn Alla. Alla jkun qiegħed hemm fis-sitwazzjonijiet.
Imma dan kollu jitlob minna xi ħaġa importanti fil-ħajja tagħna, li nħoss li rridu naħdmu ħafna fuqha kollha kemm aħna, speċjalment aħna s-saċerdoti u intom is-seminaristi. Il-logħba tal-ħajja tagħna, ta’ kull bniedem, ta’ kull Nisrani, il-grawnd hu wieħed: ir-relazzjoni tagħna mal-Missier. M’hemmx grawnd ieħor! U allura jieħu l-importanza mhux primarja, mhux massima, imma unika. Xejn ma hu iktar importanti fil-ħajja tagħna. Dan huwa d-diskors dwar l-interjorità. Il-ħajja tagħna trid tintlagħab fuq ġew, fir-relazzjoni tagħna mal-Missier. F’dan il-kuntest tagħmel sens it-talba li ħallielna Ġesù (Mt 6:7-15).
Il-ħajja ta’ Ġesù tintlagħab permezz tar-relazzjoni mal-Missier, allura l-glorja, ir-rieda, il-ferħ tal-Missier. F’dan is-sens hija ta’ importanza unika t-talba tal-Missierna. Hija l-ewwel li ttir fil-ħajja tan-Nisrani, fil-ħajja tal-qassis, hekk kif tmorru fil-vaganzi. L-iktar ħaġa importanti hija l-inqas ħaġa li ġġagħalna nħossuna ħatja, għax tintlagħab bejnna u bejn il-libertà tagħna u l-imħabba tal-Missier li tħallina totalment liberi. U dan mhux ser jgħidlek filgħaxija: ‘Isma’, int ma tlabtx illum’. Għandna xorti kultant li jiġina l-guilt feeling, aħseb u ara, għax hija l-libertà tal-imħabba, imma hija wkoll il-libertà li lilek turik int fejn int, jien fejn jien, fejn wasalt, fejn qed nilgħab il-logħba tiegħi.
Il-logħob tagħna llum nilagħbuh fuq il-mowabjl. Il-logħba tagħna nilagħbuha bil-kuntatti tagħna li għandna fir-relazzjonijiet fuq il-mowbajl. Irridu nagħmluh dan ix-xift li nħoss li huwa importanti, nibda jien l-ewwel wieħed, u allura hawnhekk toħroġ stupenda t-talba tal-Missierna: seba’ talbiet. Bħalissa min minna qed jitlob l-Uffiċċju tal-Qari, għandna lil San Ċiprijanu li qiegħed jgħinna fil-meditazzjoni. Hemm ukoll meditazzjoni sabiħa immens ta’ Santu Wistin fuq it-talba tal-Missierna.
Biżżejjed l-ewwel kelma, Missierna, u m’hemmx għalfejn tal-bqija. Għax jekk aħna nħalluha mhux biss toħroġ, imma anki tidħol fina, jien u Hu nilagħbu l-logħba tal-ħajja flimkien, id-deċiżjonijiet, l-għażliet, is-sentimenti, il-ħsibijiet, il-biżgħat, il-preokkupazzjonijiet, il-problemi. Jien u Hu – għax ma ngħidx ‘Missier’, imma ‘Missierna’, kif qalilna San Ċiprijanu din il-ġimgħa.
Jitqaddes ismek fil-passiv – jiġi mqaddes ismek. Aħna nafu li l-oriġni tal-passiv huwa l-istess Alla: ‘Imqaddes ismek, kun int bl-isem’. Nafu li l-isem huwa l-identità: ‘Kun Missier, kun int’. Jiġifieri qed ngħid: ‘Inħallik tkun int, tkun Alla’.
Tiġi saltnatek ukoll hi fil-passiv. Mhix xi ħaġa ta’ bejni u bejnek, imma: ‘Tiġi s-Saltna tiegħek. Jalla kull min jgħix fuq l-art iqisek bħala l-Mulej tiegħu’.
Ikun li trid int. Issa hawn jidħol aktar l-aspett personali. Charles de Foucald kien jgħid: ‘Missier, f’idejk nintelaq, ħallini nagħmel ir-rieda tiegħek’.
Kif fis-sema, hekkda fl-art. Dan huwa l-grawnd kollu tal-ħajja, id-djalogu ta’ bejni u bejnu. Għalfejn importanti l-interjorità? Ir-riskju jkun li ngħixu bħala funzjonarji, atturi. U aħna nafu kemm Ġesù ma kienx jiflaħhom l-atturi, l-ipocrites (Mt 23). Il-kelma ipokrita tfisser attur, għall-Fariżej.
Ejjew nitolbuh lill-Mulej verament din it-talba u jagħtina dan is-sens ta’ interjorità. Illum id-dinja titfagħna ħafna ’l barra, ħsiebna biex nidhru, ħsiebna x’se nilbsu. Kultant anki fuq l-altari tagħna, ħsiebna kif se nidhru, kif ser nagħmlu ċ-ċelebrazzjonijiet perfetti. Għandhom ikunu perfetti mhux biex jidhru perfetti, imma biex jagħtu glorja lil Alla. Aħna ħsiebna fuq dak li jidher, l-importanti dak li jidher, u dak li hu tassew importanti jibqa’ fil-ġenb. Il-logħba d-diffiċli fuq ġew qiegħda u mhux fuq barra. Il-gandlier xħin ressaqtu ’l hawn jew ’l hemm, hemm ser joqgħod; imma fuq ġew hemm sentiment, emozzjoni u anki ġibda. Dawn biex nikkontrollahom huma diffiċli. Il-logħba ta’ ġewwa hija iktar ta’ sfida.
F’nofs is-seba’ petizzjonijiet hemm: Ħobżna ta’ kuljum, agħtina llum, li hija r-raba’ waħda. U din tpoġġina verament f’postna, u forsi għalhekk qiegħda fin-nofs, għaliex din hija r-realtà tal-bniedem quddiem il-Missier. Aħna kontinwament fil-bżonn. U anki l-petizzjonijiet li jsegwu wara juru kemm aħna fil-bżonn, kemm aħna dgħajfin.
Missier, aħfrilna dnubietna, għax aħna dgħajfin. Iktar faċli għalina li ngħixu fuq barra milli nieħdu ħsieb hemm ġewwa; iktar faċli għalina li nħarsu lejn l-oħrajn milli nkunu aħna; iktar faċli għalina li nfittxu l-approvazzjoni u nitbiegħdu mid-diżapprovazzjoni tal-oħrajn, milli dak li tixtieq int minni, minna.
Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lill-oħrajn. Hija peżanti din, għax kapaċi ngħidu l-Missierna u kapaċi nkunu miġġeldin ma’ nofs il-familja tagħna, ma’ nofs il-kleru… u xorta ngħidu l-Missierna għax ma tmissx l-interjorità tagħna, ma tmissx hemm ġew tassew. Dik il-biċċa rrid nara kif nagħmel u nrattabha, inħalliha hemm mingħajr ma taffettwani. Mhix problema li jien għandi xi ngħid mal-ġustizzja.
Missier, iddaħħlniex fit-tiġrib. Innutaw kif l-aħħar biċċa, min-nofs lura, tpoġġina quddiem Alla bħala nies miżerabbli, fil-bżonn. Aħjar ngħidu: ‘meta ġġarrabni’ – għax il-Missier iġarrabna, mhux biex iwaqqgħana fid-dnub, imma bl-esperjenzi tal-ħajja tagħna nindunaw kemm il-qalb tagħna hija ’l bogħod jew qrib tiegħu. Dan hu t-tiġrib, din hija l-prova li aħna ngħaddu minnha. Hija prova ta’ mħabba, prova li minn naħa tgħidilna fejn qegħdin u minn naħa tisfidana biex nimxu pass ieħor ’il quddiem. U dawn il-provi tal-ħajja se jkomplu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna. Meta nkunu fuq is-sodda tal-mewt, bla nifs jew muġugħin, u ma nkunux nifilħu iktar, tiġina t-tentazzjoni li nagħfsu xi buttuna jew nieħdu xi injezzjoni; dik hija l-aħħar prova tal-fiduċja tagħna, hija l-aħħar prova tagħna ta’ kemm inħobbuh u ta’ kemm inħossu l-imħabba tiegħu.
Iżda eħlisna mid-deni. Id-deni mhux li nikser saqajja, li taqagħli d-dar, jew li jisirquli l-karozza. Imma eħlisni mill-ħażen, min-negattività jew l-egoiżmu ta’ ġo fija. Għax din hi l-formazzjoni. Mhijiex adattament ta’ atteġġjamenti esterjuri ta’ kif suppost nimxi, imma hija wisq iktar minn hekk: hi li niltaqa’ mad-dgħufija tiegħi, nilqagħha, naċċettaha u nilqa’ d-doni u l-grazzja li jagħtini Alla biex minn dik id-dgħufija, minn dik il-mewt, permezz ta’ dik id-dgħufija li hemm fija u li jiena konxju minnha, toħroġ il-ħajja mingħajr biża’. Għax huwa Alla, huwa l-Ispirtu tiegħu l-awtur veru, dak li lili qiegħed imexxini, jaqbadni minn idi biex iwassalni ħalli nilħaq u nilbes il-libsa tal-Iben, il-libsa ta’ Ġesù.