Qaddejja u ħbieb

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Ġunju 2025: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Ordinazzjoni Djakonali ta’ Samuel Aquilina u Marlon V. Bajada. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Quddies sħiħa:

Omelija biss:

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Għeżież Marlon u Samuel, xi grazzja kbira li llejla l-Ispirtu s-Santu ser jagħżel li jinżel fuqkom u jagħtikom il-kariżma, id-don tad-Djakonat, jiġifieri li tkunu qaddejja!

Il-Qari li intom stess għażiltu (Num 3:5-9; 2 Kor 12:5b-10; Ġw 15:9-17) fih ħafna x’tagħsar. Inħoss illi verament hu Qari wieħed wara l-ieħor.

Fl-Ewwel Qari, Alla jikkmanda lil Mosè biex in-nies li ġejjin mit-tribù ta’ Levi jsiru qaddejja ta’ dawk li ġejjin mit-tribù ta’ Aron. Fi kliem ieħor, Alla, fil-providenza u l-pjan tiegħu, jagħżel li l-Leviti – dawk li kienu ġejjin minn nisel Levi – ikunu l-qaddejja tas-saċerdoti li kienu ġejjin mit-tribù ta’ Aron. U Alla jidħol fid-dettall: jgħidilhom x’għandhom jagħmlu, jitkellem fuq għemil. Jgħidilhom li jridu jħejju t-Tinda, it-Tabernaklu, u li jridu jmiddu jdejhom, li jridu jwettqu, li jridu jagħmlu.

Imma nafu li dan mhux biżżejjed. Ilkoll kemm aħna nafu li jekk il-vokazzjoni saċerdotali – fl-ewwel grad tagħha, id-Djakonat, fit-tieni grad tagħha, il-Presbiterat, jew fit-tielet grad tagħha, l-Episkopat – nirrenduha biss għal atteġġjamenti ta’ għemil, għal komportamenti, għal x’għandna nagħmlu (irridu nqaddsu, irridu mmorru nqarbnu, irridu nqarru, irridu mmorru nżuru l-morda…), naqgħu f’dak li ngħidulu l-funzjonaliżmu, jiġifieri, insiru impjegati, insiru sempliċement nies illi għandhom xogħol xi jwettqu biex idaħħlu l-ħobżna ta’ kuljum, ħafna drabi marbuta mal-azzjonijiet, mal-għemil li aħna nagħmlu. Inwettquh u nħossuna f’postna. Imma daqshekk biss huwa ftit!

Żgur illi d-don tal-qadi li Alla qiegħed jagħti lilkom illejla, u li lkoll kemm aħna nġorru fina bis-sagrament tal-Magħmudija, allura d-don li ta lil kulħadd (aħna lkoll kemm aħna qaddejja ta’ xulxin), ma nistgħux nirrestrinġuh biss għal xi ħaġa li nagħmlu għal xi ħadd. Ippanċjajna, għamilna dak li kellna nagħmlu, u tlaqna! Tkun xotta wisq, tkun mejta wisq, tkun kiesħa wisq sejħa li tirrendi ruħha sempliċement għall-għemil esterjuri.

Fit-Tieni Qari sabiħ li għażiltu, San Pawl jidħol aktar fil-fond ta’ dan il-ministeru. Tant jidħol fil-profondità, illi jgħidilna li jekk aħna nirrestrinġu rwieħna biss għal dak li għandna nagħmlu, nistgħu naqgħu f’żewġ riskji. L-ewwel riskju hu li niftaħru bil-kapaċijiet tagħna: x’qed nagħmel jiena… għax jien kapaċi nipprietka, kapaċi nżur il-morda, kapaċi norganizza sew il-Liturġija, kapaċi nżomm id-dar nadifa, kapaċi nagħmel ix-xogħol tiegħi sew. Allura l-ftaħir: ‘Jien kapaċi!’. U dan huwa riskju mhux tagħkom biss, imma tagħna wkoll is-saċerdoti, riskju marbut mal-funzjonaliżmu, ma’ ‘nagħmel dak li għandi nagħmel’. Imma hemm riskju ieħor, jgħidilna San Pawl: li niffukaw fuq ix-xewka, fuq id-dgħufija, fuq id-difett. Allura jekk l-ewwel riskju jkun illi niftaħru u li aħna nħossuna biżżejjed għalina nfusna, li aħna kapaċi, m’għandna bżonn ta’ ħadd, u allura nibdew naġixxu waħedna; it-tieni riskju hu ikrah u jbeżża’ daqsu, għax hu li naqtgħu qalbna: ‘Jien m’iniex kapaċi għal dik, u jien nibża’ nidħol għall-oħra, u jien aħjar noqgħod bi kwieti d-dar’. Hekk nispiċċaw irtirati prekoċi, nispiċċaw nirtiraw qabel iż-żmien, nispiċċaw persuni illi bl-iskuża li aħna m’aħniex kapaċi, li aħna naqtgħu qalbna, infittxu l-kumdità tagħna, infittxu li noqogħdu sew aħna.

Imma mbagħad San Pawl jagħmel qabża. Jgħid: ‘Jien ma nistax nibqa’ mwaħħal mal-kapaċitajiet tiegħi u noqgħod niftaħar, u jien lanqas nibqa’ mwaħħal max-xewka li għandi f’ġismi, li tlabtu tliet darbiet lil Alla jneħħihieli u ma neħħilhix’. Hawnhekk San Pawl jagħmel il-qabża u jidħol f’dimensjoni li tmur lil hinn mid-dimensjoni umana, jitla’ f’sular ieħor. Ma jibqax iħares biss lejn l-esperjenza tal-qadi kif kienu jħarsu lejha sempliċement il-Leviti, il-qaddejja tas-saċerdozju tat-Testment il-Qadim, jiġifieri bħala obbligu u xogħol. San Pawl jitkellem fuq ħaġa importanti: il-grazzja. “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi”, ‘biżżejjed għalik il-ħarsa tiegħi, il-predilezzjoni tiegħi, l-għażla tiegħi; biżżejjed għalik il-fatt li jien lilek għażiltek, ħadt grazzja miegħek’.

Din titfagħna f’dimensjoni totalment differenti minn dik li b’xorti ħażina tendenzjalment l-inerzja titfagħna fiha. Jew kuntenti bil-kapaċitajiet tagħna, jew iffrustrati bil-limiti tagħna. Jew kuntenti għax qed nirnexxu, jew iffrustrati għax ma wasalniex fejn ridna naslu. Liema hi din id-dimensjoni oħra? Il-Vanġelu! Kemm hu sabiħ il-Vanġelu, li jidħol fil-qalba ta’ dak li jfisser il-qadi, is-servizz għan-Nisrani! Dan hu għalina lkoll, imma b’mod speċjali għalikom.

Xi jfisser taqdi? L-ewwel u qabel kollox, Ġesù jagħmilha ċara: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, imma sejjaħtilkom ħbieb”. Alla ħa grazzja miegħek, magħna. Alla, b’xi mod, ħa grazzja ma’ kull wieħed u waħda minna. Alla jħobbna, l-imħabba kbira tiegħu għalina tagħtina serenità, tagħtina paċi fil-qalb. Alla hu d-Djaknu per eċċellenza: hu l-ewwel wieħed li jinżel għarkupptejh u jaqdi. L-Istorja kollha tas-Salvazzjoni, mill-ewwel att tal-ħolqien sat-tmiem tad-dinja, mhix għajr ċelebrazzjoni waħda tad-djakonija ta’ Alla. Anki bħalissa, f’dan il-mument, Alla qiegħed jaqdina, qiegħed iħobbna. Aħna ħajjin grazzi għall-grazzja ta’ Alla, għall-imħabba b’xejn u mingħajr kundizzjoni ta’ Alla għalina. Jgħidha ċara Ġesù fil-Vanġelu lill-Appostli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jien”.

Hawn allura l-qadi tagħna ma jibqax frott tad-dmir, frott ta’ piż, imma jsir esperjenza waħda ta’ mħabba rċevuta, imħabba kkontemplata, imħabba li ssir ferħ – “Qed ngħidilkom dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” – u mħabba li toħroġ, mogħtija. Imma hawn hu l-qofol tal-qadi: fl-imħabba ta’ Alla għalija, għalikom.

Jekk ikollna nerġgħu nqallbu dak il-vanġelu, insibu almenu disa’ darbiet il-kelma mħabba,il-kelma agape. Disa’ darbiet, jiġifieri tlieta għal tlieta. In-numru tlieta nafu xi jfisser fl-Iskrittura. Il-kelma mħabba hi l-qofol u ċ-ċentru ta’ għażla Nisranija, imma b’mod speċjali tal-għażla tagħkom u tagħna. Aħna llejla rridu nistaqsu jekk aħniex inħallu lil Alla jħobbna.

Kemm għandna bżonnha dik il-frażi qawwija ta’ San Pawl: ‘Tfixklux lil Alla milli jħobbkom. Ħallu lil Alla jagħmel ħniena magħkom. Ħallu lil Alla jħobbkom’ (ara 2 Kor 5:20), għax hi l-oriġni, is-sors, il-fundament ta’ dak kollu li nagħmlu jekk irridu li dan ikun awtentiku, veru, effikaċi, jiġifieri jħalli l-frott u jimliena bil-ferħ. Ejjew inħallu lil Alla jħobbna. Dan hu l-kmandament. Għal ħames darbiet Ġesù jsemmiha fil-Vanġelu tal-lum: “Dan hu l-kmandament li jiena nagħtikom, li tħobbu lil xulxin”. “Entelos” bil-Grieg; fi kliem ieħor, l-iskop illi rridu nilħqu ma’ xulxin, l-iskop illi ġa qiegħed hemm ġo fina, imma qiegħed barra minna.

Dan hu li għandna bżonn bħala bnedmin u bħala saċerdoti – qiegħed fina u barra minna –, din l-imħabba li toħroġ. U jekk il-vokazzjoni tagħna kollha kemm aħna – min hu miżżewweġ, min mhux, aħna s-saċerdoti, intom li ser issiru djakni – ma ngħixuhiex f’dan il-kuntest, f’din l-atmosfera ta’ mħabba ta’ Alla kontinwa għalina, imħabba li lilna timliena u mbagħad tfawwar u toħroġ u ssir qadi, allura nibqgħu qaddejja u ma nsirux ħbieb.

Il-kelma djaknu hija kelma Griega li tfisser qaddej, imma qaddej ta’ ċerta dinjità magħżul minn xi ħadd li jħobbok, allura qaddej magħżul, maħtur minn fost ħafna oħrajn li jaħdmu, imma maħtur għax speċjali, għax int għandek rabta kbira mal-persuna li lilek qed tqabbdek taqdi. Filwaqt li l-kelma doulos bil-Grieg tfisser skjav, ilsir, il-kelma diaconos fiha kemm il-qadi, is-servizz, imma fiha fuq kollox l-imħabba. Il-kelma doulos fiha biss il-funzjonaliżmu, fiha biss l-għemil: agħmel dak li għandek tagħmel u itlaq, jiġifieri l-minimaliżmu; aħrab fejn tista’, kollox fuq barra, kollox bi sforz, kollox bit-tqanżiħ, kollox bl-għeja. X’differenza!

Kemm għandna bżonn allura li nibqgħu marbutin mas-sors tal-imħabba tagħna. Fil-Kolletta li tlabna flimkien fil-bidu, jien tlabt lil Alla biex lilkom (li ħa ssiru djakni) jagħtikom li ma taqtgħu qatt fit-talb, li tibqgħu perseveranti fit-talb. Kemm għandna bżonnu t-talb! Kemm hu importanti! It-talb għalina hu dak li għalikom il-miżżewġin hu l-ħin ta’ flimkien. Kemm ngħidulkom: ‘Ħallu ħin għal xulxin. Agħtu ħin għal xulxin. Tkellmu ma’ xulxin. Ikkomunikaw flimkien’! Dak hu t-talb għalina. Il-Knisja fl-għaqal tagħha taf fejn huma d-dgħufijiet tagħna, taf ix-xewka li rridu nkunu attenti għaliha u konxji minnha u nitolbu fuqha, bħalma kien San Pawl.

L-aħħar kelma! Il-qadi hu djakonija u mhux skjavitù, il-qadi hu frott kważi naturali tal-fatt li tħossok maħbub, tal-fatt li tħoss li xi ħadd jaqdik il-ħin kollu, u dan hu Alla tagħna. Fil-Vanġelu kollu nsibu lil Ġesù kontinwament jaqdi lill-bniedem. Meta aħna nkunu verament ħbieb ta’ Ġesù u qaddejja, aħna noqogħdu attenti għal dak li għandhom bżonn in-nies, mhux għal dak li aħna rridu nagħtu lin-nies. Kemm naqgħu fiha din! Biex inkun veru qaddej, biex inkun il-kontinwità tal-imħabba li Alla għandu għalija, li jħobbni kif jien, li jipprova jaqdini kif jien, li jinżel għarkupptejh quddiemi kif jien u jara liema huma l-bżonnijiet li jien fihom, jien l-istess irrid nagħmel mal-oħrajn. Jien ma nistax immur diġà bil-programm lest u lill-oħrajn ngħidilhom: ‘Isma’, inti hekk għandek bżonn, inti hekk trid’. Le, irrid nisma’ l-ewwel. Imbagħad nipprova noffri u nagħti kif nista’. Kulħadd limitat, imma nipprova nagħti mhux dak li rrid jien, imma dak li naħseb li ħaddieħor għandu bżonn.

Kemm għandna bżonnha aħna lkoll din l-attenzjoni li tiġi mill-imħabba li aħna nirċievu minn Alla u mill-attenzjoni li Alla għandu għalina! Inkella nirriskjaw, l-ewwel wieħed jien, illi xi ħadd jitlobni tazza ilma u jien bilfors irrid nagħtih il-wiski, u l-wiski mhux tajjeb għalih. Dan huwa riskju li ngħix jien u li nistgħu ngħixu l-ħin kollu aħna: Jekk ma nagħtix il-wiski, allura jien mingħalija li mhux qed naqdi. Jekk ma nagħtix il-wiski, allura ma nħossnix realizzat. Jekk ma nagħtix il-wiski, allura ma nħossnix kuntent.

Ejjew nitolbuh illejla lill-Mulej biex nibqgħu nagħmlu din l-esperjenza – anki matul din iċ-ċelebrazzjoni – tal-attenzjoni tiegħu għalina. Ippermettuli ngħidilkom li kull wieħed u kull waħda minna li hawn hawnhekk, kollha kemm aħna – aħna s-saċerdoti, imma intom ukoll, b’mod speċjali Marlon u Samuel – kollha kemm aħna doni ta’ Alla għal xulxin. Alla jixtieq li permezz tiegħek, permezz tiegħi, nagħmlu kuntenti lil xulxin billi nkomplu f’din ix-xmara ta’ mħabba li qegħdin fiha, l-imħabba li Alla għandu għalina, u nkomplu nħalluha tinżel bil-qawwa b’mod speċjali fuq dawk li l-iktar għandhom bżonn.

Il-Mulej jagħtina li l-imħabba tagħna tkun tant attenta bħalma kienet tiegħu. San Pawl kien bniedem fil-bżonn, kellu xewka. Kull wieħed u kull waħda minna nies fil-bżonn u Alla jħobbna fil-bżonnijiet tagħna, u Alla attent l-iktar għal dawk li l-iktar fil-bżonn. Ejjew aħna wkoll, li għandna din is-sejħa, inkunu l-iktar attenti għal dawk li huma l-iktar fil-bżonn. Hekk ngħixu d-djakonija tagħna: qaddejja, imma mhux biss, ħbieb ta’ Alla u ta’ xulxin.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading