20/06/2025: Il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità (MFOPD) esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-emendi riċenti fil-leġislazzjoni ta’ Malta dwar l-IVF li jippermettu l-iscreening deliberat u l-“eliminazzjoni” tal-embrijuni abbażi kundizzjonijiet ġenetiċi li jinvolvu persuni b’diżabilità.

Skont il-Federazzjoni, din il-prattika tibgħat “messaġġ perikoluż li xi ħajjiet huma inqas importanti minn oħrajn, saħansitra qabel it-twelid”.
Il-Federazzjoni staqsiet ukoll jekk il-ħajja umana “tista’ tintrema’ fl-aktar stadji bikrija tagħha, kemm fadal sakemm raġunament simili jibda jiġi applikat aktar tard fil-ħajja?”.
Apparti hekk, l-MFOPD qalet ukoll li mħassba dwar it-tendenza li dejjem qed tikber f’pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jaħdmu biex jespandu l-leġislazzjoni dwar l-ewtanasja u l-mewt assistit b’tali mod li jista’ jipperikola d-dinjità u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet.
Filwaqt li ntqal li ħafna drabi l-ewtanasja tiġi mbuttata bħala għażla personali fil-konfront ta’ sofferenza kbira, il-federazzjoni sostniet li esperjenza internazzjonali turi li persuni b’diżabilità jistgħu ikun affettwati b’mod sproporzjonat.
Infatti, intqal li f’pajjiżi bħall-Belġju u l-Ollanda, kien hemm każijiet li jinvolvu individwi b’diżabilità kronika jew kundizzjoni psikoloġika li għażlu li jwettqu l-ewtanasja “mhux neċessarjament ħabba d-diżabilità tagħhom, iżda minħabba l-iżolament soċjali jew in-nuqqas ta’ appoġġ adegwat”.
Fid-dawl ta’ dan, il-federazzjoni qalet li titqajjem mistoqsija etika importanti dwar jekk in-nies qed jagħżlux biex imutu minħabba li s-soċjetà mhux qed tgħinhom biex jgħixu.
Kien innotat ukoll li l-Kumitat tal-Nazzjonijiet Uniti twissi kontra prattiċi bħal dawn li jistgħu jiksru l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li Malta hi firmatarja tagħha.
Għaldaqstant, l-NGO qed tħeġġeġ lil min ifassal il-politika, lill-professjonisti tas-saħħa u lis-soċjetà in ġenerali sabiex
- Jipprijoritizzaw l-investiment f’sistema ta’ kura tas-saħħa inklussiva, għijxien indipendenti u appoġġ psikoloġiku
- Jirrikonoxxu li d-dritt għall-mewt qatt ma jista’ jieħu post id-dmir li jkun assigurat id-dritt li tgħix b’dinjità
- Iħaddnu l-valur ta’ kull bniedem, irrispettivament mid-diżabilità jew dijanjożi
“Is-soċjetà mhijiex ġudikata bil-mod kif titratta lil dawk li għandhom il-poter, imma bil-mod li tipproteġi dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Il-persuni b’diżabilità jistħoqqolhom l-appoġġ biex jgħixu – mhux permess sieket biex imutu”, temmet tgħid il-president tal-għaqda, Marthese Mugliette.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti