Omelija tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità ta’ Corpus Christi.

IL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TA’ KRISTU
QUDDIESA, PURĊISSJONI U BARKA EWKARISTIKA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Ġwann Lateran
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2025

Għeżież ħuti, kemm hu sabiħ li noqogħdu ma’ Ġesù! Il-Vanġelu li għadu kemm ixxandar jagħti xhieda ta’ dan, meta jirrakkonta kif il-folol kienu jibqgħu sigħat sħaħ jisimgħuh, meta kien jitkellem fuq is-Saltna ta’ Alla u jfejjaq lill-morda (ara Lq 9:11). Il-mogħdrija li wera Ġesù għal dawk li kienu qed ibatu turi l-qrubija kollha mħabba ta’ Alla, li jiġi fid-dinja biex isalvana. Meta Ġesù jsaltan, il-bniedem hu meħlus minn kull ħażen. Madankollu, anki għal dawn li rċivew mingħand Ġesù l-bxara t-tajba, tasal is-siegħa tal-prova. F’dak il-post imwarrab, fejn il-folol semgħu lill-Imgħallem, taqa’ d-dalma u ma għandhom xejn x’jieklu (ara v. 12). Il-ġuħ tal-poplu u nżul ix-xemx huma sinjali ta’ limitazzjoni li għandha d-dinja, li għandha kull ħlejqa: il-jum jintemm, u hekk ukoll il-ħajja tal-bnedmin. Huwa f’din is-siegħa, fil-mument tal-faqar u tad-dellijiet, li Ġesù jibqa’ f’nofsna.

Proprju meta x-xemx tinżel u l-ġuħ jikber, waqt li l-Appostli nfushom jitolbuh jibgħat lin-nies lura d-dar, li Kristu jissorprendina bil-ħniena tiegħu. Huwa jitħassar lill-poplu bil-ġuħ u jistieden lid-dixxipli tiegħu biex jieħdu ħsiebhom: il-ġuħ ma huwiex bżonn li ma għandux x’jaqsam mat-tħabbira tas-Saltna u x-xhieda tas-salvazzjoni. Bil-maqlub, dan il-ġuħ imiss ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Imma ħames ħobżiet u żewġ ħutiet ma jidhirx li huma biżżejjed biex jaqtgħu l-ġuħ tal-poplu: għalkemm jidhru raġonevoli minn barra, il-kalkoli tad-dixxipli jikxfu l-fidi ċkejkna tagħhom. Għax fir-realtà ma’ Ġesù hemm dak kollu meħtieġ biex jagħti qawwa u tifsira lill-ħajja tagħna.

Fil-fatt, għas-sejħa tal-ġuħ hu jwieġeb bis-sinjal tal-qsim: jerfa’ għajnejh, ilissen il-barka, jaqsam il-ħobż u jagħti x’jieklu lil dawk kollha preżenti (ara v. 16). Il-ġesti tal-Mulej ma jnidux xi ritwal maġiku kumpless, imma bis-sempliċità jagħtu xhieda tar-rikonoxxenza lejn il-Missier, it-talba filjali ta’ Kristu u l-komunjoni fraterna li l-Ispirtu s-Santu jseddaq. Biex ikattar il-ħobż u l-ħut, Ġesù jaqsam dawk li hemm: proprju b’dan il-mod huma biżżejjed għal kulħadd, anzi, iżżejjed. Wara li kielu – u kielu sa ma xebgħu – ġabru lura tnax-il qoffa (ara v. 17).

Din hija l-loġika li ssalva lill-poplu bil-ġuħ: Ġesù jaħdem skont l-istil ta’ Alla, u jgħallimna nagħmlu l-istess. Illum, flok il-folol li jsemmi l-Vanġelu hemm popli sħaħ, umiljati mir-regħba ta’ oħrajn iktar milli mill-ġuħ tagħhom. Quddiem il-miżerja ta’ ħafna, dak li l-ftit jiġimgħu għalihom hu sinjal ta’ suppervja indifferenti, li toħloq tbatija u inġustizzja. Flok ma jaqsam mal-oħrajn, min hu għani jaħli l-frott tal-art u ta’ xogħol il-bniedem. Speċjalment f’din is-Sena Ġubilari, l-eżempju tal-Mulej jibqa’ għalina kriterju urġenti ta’ azzjoni u ta’ servizz: naqsmu l-ħobż, biex inkattru t-tama, inxandru l-miġja tas-Saltna ta’ Alla.

Fil-fatt, meta jsalva lill-folol mill-ġuħ, Ġesù jħabbar li se jsalva lil kulħadd mill-mewt. Dan huwa l-misteru tal-fidi, li niċċelebraw fis-sagrament tal-Ewkaristija. Kif il-ġuħ huwa sinjal tal-miżerja radikali tal-ħajja tagħna, hekk il-qsim tal-ħobż huwa sinjal tad-don divin tas-salvazzjoni.

Għeżież, Kristu huwa t-tweġiba ta’ Alla għall-ġuħ tal-bniedem, għax il-ġisem tiegħu huwa l-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem: ħudu u kulu lkoll minn dan! L-istedina ta’ Ġesù tħaddan l-esperjenza tagħna ta’ kuljum: biex ngħixu, għandna bżonn li nitmantnew bil-ħajja, billi neħduha mill-pjanti u l-annimali. Imma, meta nieklu xi ħaġa mejta niftakru li aħna wkoll, nieklu kemm nieklu, għad immutu. Imma meta nitmantnew b’Ġesù, ħobż ħaj u veru, aħna ngħixu bih. L-Imsallab Irxoxt, waqt li joffri lilu nnifsu kollu kemm hu, jingħata għalina, u hekk niskopru li aħna magħmulin biex ngħixu b’Alla. In-natura mġewħa tagħna ġġorr fiha s-sinjal ta’ faqar li jiġi mitmugħ bil-grazzja tal-Ewkaristija. Kif jikteb Santu Wistin, tassew Kristu hu “panis qui reficit, et non deficitpanis qui sumi potest, consumi non potest” (Sermo 130, 2): ħobż li jrejjaq u ma jonqosx; ħobż li nistgħu nikluh imma ma nistgħux nispiċċawh. Fil-fatt, l-Ewkaristija hija l-preżenza vera, reali u sostanzjali tas-Salvatur (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1413), li tibdel il-ħobż fiha, biex tibdel lilna fiH. Ħaj u jagħti l-ħajja, il-Corpus Domini jagħmel lilna, jiġifieri l-Knisja nfisha, ġisem tal-Mulej.

Għalhekk, skont il-kelmiet tal-Appostlu Pawlu (ara 1 Kor 10:17), il-Konċilju Vatikan II jgħallem li “bis-sagrament tal-ħobż Ewkaristiku tintwera u sseħħ l-unità tal-fidili li jagħmlu ġisem wieħed fi Kristu. Il-bnedmin kollha huma msejħin għal din l-għaqda fi Kristu li hu d-dawl tad-dinja, li minnu aħna ġejjin, bih ngħixu u lejh mexjin” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 3). Il-purċissjoni, li minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se nibdew, hija sinjal ta’ din il-mixja. Flimkien, ragħajja u merħla, nitmantew bis-Sagrament Imqaddes, nadurawh u nġorruh fit-toroq. Hekk, inqiegħduh taħt il-ħarsa, il-kuxjenza, il-qalb tan-nies. Taħt il-ħarsa tal-qalb ta’ min jemmen, biex jemmen b’qawwa ikbar; tal-qalb ta’ min ma jemminx, biex jistaqsi dwar il-ġuħ li għandna fir-ruħ tagħna u fuq il-ħobż li jista’ jaqtgħu.

Moħjija bl-ikel li jagħtina Alla, inwasslu lil Ġesù fil-qalb ta’ kulħadd, għax Ġesù lil kulħadd idaħħal fl-opra tas-salvazzjoni, u jistieden lil kull wieħed u waħda minna biex nieħdu sehem fl-ikla tiegħu. Henjin dawk li huma mistiedna, li jsiru xhieda ta’ din l-imħabba!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading