VIŻTA PASTORALI F’FANO (ANCONA)
QUDDIESA GĦAS-SAJJIEDA U DAWK TAL-BAĦAR
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 12 ta’ Awissu 1984
1. “Mulej, jekk int int, ordna li jien niġi ħdejk fuq l-ilmijiet” (Mt 14, 28).
Ninsabu fost is-sajjieda, nies tal-baħar. Nies tal-baħar tal-Galilea, sajjieda kienu huma wkoll li Ġesù ta’ Nażżaret kien sejjaħ bħala appostli. U magħhom baqà b’mod kostanti bis-sabar tiegħu, billi jaqsam, sa ċertu punt, ix-xogħol ta’ kuljum tagħhom marbut mas-sajd.
Fil-Vanġelu hemm reġistrata serje ta’ ġrajjiet qrib il-ħajja u l-qalb tas-sajjieda. Fil-vokazzjoni tal-poplu ta’ Alla x-xogħol tagħkom, għeżież ħuti, għandu post partikolari.
Il-ġrajja deskritta fil-Vanelu ta’ dan il-Ħadd hija forsi, fost dawk miġbura fil-Vanġeli, l-iktar mhux tas-soltu.
Ġesù jerġà lura ħdejn l-appostli, wara li kien talab fuq ix-xatt l-ieħor tal- lag ta’ Ġeneżaret, jimxi fuq il-mera tal-ilma. L-appostli jaraw il-figura timxi, imma jaqbadhom il-biżà, għaliex ħasbu li qegħdin jaraw fantażma, Allura Ġesù jgħidilhom: “Kuraġġ, huwa jien, la tibżgħux” (Mt 14, 27).
2. Meta Pietru, semà dan, jitlob: “Mulej… ordna li niġi ħdejk”, hemm fi kliemu il-kuraġġ tal-fidi u fl-istess ħin il-prova tal-verifika tiegħu. Pietru jgħid b’mod ċar: “Mulej, jekk int int . . .”.
Pietru kien ta’ fidi kbira. Kienet propju din il-fidi kbira li ppermettitlu, fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu, li jwieġeb għall-mistoqsija ta’ Kritu: “Intom min tgħidu li jien?” b’dan il-kliem: “Inti Kristu, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16, 15-17).
Ukoll f’ċirkustanzi oħra Xmun Pietru wera l-fidi kbira tiegħu.
Il-fidi hija don ta’ Alla: “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16, 17). Spiss il-bniedem ma jkunx ta’ livell ta’ tali don. Il-fidi ta’ Pietru wkoll għaddiet mill-provi tagħha.
Il-ġrajja deskritta fil-Vanġelu tallum għandha fiha tali prova tal-fidi ta’ Pietru. Jistà jkun li din hija premonizzjoni tal-prova iktar iebsa, li minnha kellu jgħaddi Pietru tul il-passjoni tal-Imgħallem maħbub.
Waqt li nimmeditaw dwar din il-ġrajja proposta mil-liturġija tallum, ejjew, għeżież ħuti ta’ Fano u intom ilkoll miġburin hawn għal din il-laqgħa, nagħmlu domanda dwar il-fidi tagħna, dwar il-provi li din tgħaddi minnhom.
3. Infatti, il-miġja tiegħi llum ġo Fano u l-preżenza tiegħi fostkom hija qabel kollox ġrajja ta’ fidi: jiena wasalt hawn, f’beltkom sabiħa u storika, f’xatt il-baħar stupend Adrijatiku, biex nixhed bħal Pietru l-fidi fi Kristu u biex inwettaqkom fiha, f’isem Alla! F’dan id-dawl ta’ fidi jiena ndur lejkom ilkoll.
Insellem hawn, mill-altar tal-Mulej, lill-fidili tal-erbà dijoċesijiet ta’ Fano, Fossombrone, Cagli u Pergola, magħqudin f’komunità nisranija unika kbira, u l-popolazzjoni kollha tar-reġġjun tal-Marche. Insellem fl-ewwel post lill-isqof Monsinjur Costanzo Micci, flimkien mas-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi ikkwalifikati fid-diversi attivitajiet pastorali, Insellem b’qima lis-Sindku tal-belt u lill-awtoritajiet komunali kollha, provinċjali, reġġjonali u governattivi u nesprimi r-ringrazzjament tiegħi għal-laqgħa ta’ merħba. Imma fuq kollox feħsiebni nsellem bi mħabba lilkom, is-sajjieda ta’ dan ir-reġġjun, lir-rappreżentanti tal-kapitaneriji tad-diversi portijiet tal-Italja hawn preżenti, waqt li nassigurakom ilkoll l-istima u t-talb tiegħi!
Intom, nies tal-baħar, tiftħu lil ħsiebi orizzonti bla tarf u suġġestivi, l-orizzonti “tal-portijiet u tal-ibliet marinari, l-orizzonti tal-umanità li tafda lill-mewġ id-destin tagħha biex tbaħħar, biex taħdem, biex tittraffika, biex tesplora, biex tinseġ fost l-abitanti tal-art relazzjonijiet ta kull ġens. Intom tagħmlu mill-baħar, li jidher element impenetrabbli u li jifred il-bnedmin bejniethom, triq ta’ komunikazzjoni, anzi l-iktar navigata b’mod wiesgħa u febbrili. Intom għandkom bħala dar il-vapur, bħala kamp tax-xogħol il-baħar, bħala art twelidkom id-dinja” (Insegnamenti di Paolo VI, VIII [1970] 358s.).
4. Għeżież Sajjieda! Intom tirrapreżentaw ġo Fano karegorija sinifikattiva sewwa fil-ħajja soċjali, li għandha tradizzjoni antika u ta’ kontribut qawwi għall-ekonomija. Il-preżenza tiegħi llum f’nofskom trid tenfasizza li l-Knisja hija qribkom, tonora x-xogħol tagħkom, mhux rari perikoluż u iebes, tagħraf l-ansjetajiet u l-preokkupazzjonijiet tagħkom, issostni d-drittijiet tagħkom, tikkonsla s-solitudnijiet u n-nostalġiji tagħkom. Fil-progress li jikkaraterizza s-soċjetà moderna, is-sajjied jistà minn xi daqqiet iħossu ttentat mix-xewqa ta’ xogħol sikur fuq l-art soda. Madankollu, min twieled fuq il-baħar ma jistax iwarrab il-baħar minn qalbu, dak il-baħar immens u misterjuż li jixgħel il-fantasija u jġiegħel iħabbtu l-erwieħ. Agħmlu dejjem kuraġġ, għeżież sajjieda! Intom li kontinwament tagħtu prova tal-valur u l-ħila professjonali tagħkom, li taqsmu għejja u perikoli, intom dejjem utli u prezzjużi għall-istruttura soċjali: l-Italja għandha wkoll bżonnkom! Il-Knisja tħobbkom u tistmagħkom!
5. Fir-reġġjun tagħkom is-settur tas-sajd għandu valur importanti, kemm mill-punt di vista ekonomiku kif ukoll minn dak kulturali. Dan juruh il-bċejjeċ tas-sajd tagħkom: dawn, it-tpinġiji ta’ fuq il-bċejjeċ tas-sajd tagħkom, jirrivelaw qkubkom, billi jsejħu l-imħabbiet familjari, il-komunitajiet tal-baħar, id-devozzjonijiet reliġjużi, l-eroj tal-qedem. Hemm speċi ta’ sejħa maġika f’dawk l-ismijiet li jippersonalizzaw l-istrument tax-xogħol u jsemmgħu kemm huwa profond l-irbit tagħkom mal-ambjent tagħkom u mat-tbatijiet tagħkom. Tajjeb, żommu sodi u integri t-tradizzjonijiet, li jikkaretterizzawkom u li jagħtu sinifikat ideali lill-impenji tagħkom ta’ ħaddiema tal-baħar!
6. Fikom hemm valuri spititwali tassew prezzjużi, li għandhom jibqgħu u jiżviluppaw iktar: reliġjożità għanja ta’ sentiment, li tesprimi ruħha fil-fiduċja f’Alla, fis-sens tat-talb u fl-edukazzjoni nisranija tal-ulied; stima profonda tal-familja, li turi ruħha bil-fiduċja tal-mara, l-għarusa u l-omm, bl-imħabba lejn il-krejaturi tagħha u bil-fedeltà fiż-żwieġ; sens qawwi tas-solidarjetà, li għalih, billi tgħixu fi grupp, tħossu l-bżonn li tgħinu lil xulxin u li tgħinu fil-bżonnijiet. Dawn huma valuri ta’ kobor ewlieni, li m’għandkomx tħalluhom jisparixxu jew jinqerdu.
7. Bla dubju wkoll intom sajjieda, għajjiena mit-taħbit tal-ħajja, ‘il bogħod minn djarkom, inkwetati minħabba l-ġejjieni, imkedda mis-soċjetà bla sabar u ndifferenti, intom kultant ittentati fil-fidi nisranija tagħkom. Minkejja x-xebħ “professjonali” ma’ dawk li Kristu għamel appostli tiegħu, xhieda tal-misteru paskwali u għalliema tal-fidi, tidher ġustifikata b’mod partikolari d-domanda: x’inhi l-fidi tagħkom? X’nhuma l-provi li hija tgħaddi minnhom?
Fil-ġrajja li seħħet fuq il-lag ta’ Ġeneżaret jistgħu jinqraw il-provi u l-kriżijiet tal-fidi propja. Pietru jgħid lil Ġesù: “Mulej, jekk int int, ordna li jiena niġi ħdejk fuq l-ilma”, U Ġesù jwieġbu: “Ejja!”. Pietru jinżel mid-dgħajsa u, waqt li jimxi fuq l-ilma, jimxi lejn Ġesù; imma billi ħass il-vjolenza tar-riħ, jibżà, beda jegħreq u allura jgħid: “Mulej, salvani!” Ġesù jifrex idu u jaħfnu waqt li jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għalies iddubitajt” (Mt 14, 30-31). Pietru beżà minħabba l-qawwa tar-riħ kkomprometta li biss il-fiduċja totali f’Ġesù setgħet issalvah. Tiġri wkoll llum nħossuna mwerwrin minħabba l-qawwa tal-irjieħ kuntrarji għall-fidi u għall-morali nisranija kattolika. Mhux faċli ngħixu l-fidi b’mod koerenti fl-ambjenti tas-soċjetà tallum, immarkata mill-materjaliżmu u mill-permissiviżmu. Ngħixu ta’ nsara jfisser li spiss inmorru kontra l-kurrent, kontra l-mentalità popolari. Kemm irjieħ ifittxu li jgħerrqu lin-nisrani tallum!
Biex ma nċedux hemm bżonn li nemmnu b’fidi iktar personalizzata u konvinta u nitolbu b’żelu ikbar u fiduċja. Nirrepetilkom dak li għidt f’Santiago di Compostella, lin-nies tal-baħar: “Il-fidi inkondizzjonata u bla biżà fil-preżenza viċina tal-Mulej trid tkun il-boxxla li torjenta l-ħajja tagħkom tax-xogħol u tal-familja lejn Alla, li mingħandu jiġi d-dawl tal-feliċità. Id-dinja li fiha ngħixu tinħtieġ – bħalkom – minn din il-fidi, minn dan il-fanal ta’ dawl. Li ninsew lil Alla, kif jippretendu t-tendenzi materjalistii, ifisser negħrqu fis-solitudni, fid-dlamijiet, nibqgħu mingħajr rotta u mingħajr gwida” (Ioannis Pauli PP. II, Allocutio in urbe «Santiago de Compostela» habita, 4, die 9 nov. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1254).
Minħabba dan ninkuraġġixxi lilkom, sajjieda, u lill-fidili kollha preżenti għal din il-liturġija, kif ukoll l-għażiża popolazzjoni nisranija tal-belt u tar-reġġjun, biex iżżommu soda l-fidi tagħkom permezz ta’ kultura reliġjuża inkuraġġjanti u kostanti, permezz tas-sehem tagħkom fil-quddiesa tal-Ħadd u tal-festi u għas-sagramenti tal-Penitenza u tal-Ewkaristija, biex tgħixu fil-grazzja u tkunu xhieda konsistenti ta’ mħabbitkom għal Kristu; permezz tat-talb personali u familjari. Għal dawn il-proposti tagħkom, tispirakom u tassistikom dejjem Marija Santissma, kewkba tal-baħar, li tħeġġiġkom biex tħobbu u biex titolbu b’kunfidenza filjali. Il-Katidral ta’ Fano għandu l-ikbar glorja propju fl-Assunzjoni ta’ Marija Verġni, u l-belt għandha bħala protetriċi lill-“Madonna tal-Pont”; barra minn dan l-art Markiġġana tgħasses tradizzjonijiet antikissmita’ devozzjoni lejn il-Madonna, billi tippriserva fiċ-ċentru ġejografiku u reliġjuż s-santwarju ċelebi ta’ Loreto. L-ideali tagħkom, l-impenji tax-xogħol tagħkom, il-familji tagħkom, il-vjaġġi fuq il-baħar tagħkom ikunu kollha kkonsagrati lill-Omm tas-sema, dejjem, imma b’nod speċjali fil-waqtiet tat-tentazzjoni u tal-prova.
8. Aħna nimxu lejn Alla permezz tal-fidi. Din hija triq tal-ispirtu uman ferm iktar mhix tas-soltu, li tesiġi kuraġġ ikbar mill-“mixi fuq l-ilmijiet”. Il-fidi hija kustjoni ta’ kuraġġ, ta’ kuraġġ soprannaturali. Dan jivverifika ruħu quddiem ir-“riħ qawwi”: quddiem il-provi, quddiem it-tentazzjonijiet. Meta f’tali sitwazzjonijiet nonqsu mill-kuraġġ tal-fidi, nibdew negħrqu bħal Pietru, li beżà mill-qawwa tar-riħ fuq il-lag. U dak il-ħin jidwi l-leħen ta’ Kristu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt . . . ?”.
Intom bnedmin tax-xogħol diffiċli fuq il-baħar, bnedmin tal-kuraġġ ta’ kuljum, kunu wkoll bnedmin ta’ fidi kuraġġuża! La tippermettux li xi tentazzjoni ġġegħlkom taqgħu minn idejn din il-fidi. La tippermettux li titteħdilkom mill-kurrenti differenti li jippenetraw il-mentalità kontemporanja, La tippermettux li xi forma ta’ materjaliżmu teqridha.
U meta t-tentazzjoni tirrita l-fidi tagħkom, għajtu bħal Pietru: “Mulej, salvani!”.
9. Kunu afu tissieltu għall-fidi tagħkom, għall-fidi tal-familji tagħkom, tal-ġirien tagħkom.
Kristu jiġi jgħin id-dgħufija tagħkom.
Fil-liturġija tallum ejjew nitolbu hekk: “Alla li tistà kollox u etern, tagħtina l-privileġġ li nsejħulek Missier, kabbar fina l-ispirtu ta’ wlied addottivi, sabiex inkunu nistgħu nidħlu fil-wirt li wegħdtna”.
Dan huwa l-wirt ta’ Alla, trażmess lilna f”Ġesù Kristu,
– trażmess mill-appostli li kienu sajjieda fuq il-lag tal-Galilea, u saru “sajjieda tal-bnedmin” (Mc 1, 17)
– trażmess fil-Knisja minn ġenerazzjoni għal oħra: il-wirt tal-fidi.
F’dan il-wirt hemm miġbura l-vokazzjoni eterna tal-bniedem.
F’dan il-wirt jinsab il-futur definittiv tiegħu!
Ejjew nipperseveraw f’dan il-wirt:
“Mulej . . . ordna li jiena niġi ħdejk fuq l-ilmijiet”.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb