Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-15-il Ħadd matul is-Sena Ċ.

QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Villanova (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd 13 ta’ Lulju 2025

Ħuti,

Naqsam magħkom il-ferħ tiegħi li qed niċċelebraw din l-Ewkaristija u nixtieq insellem lil dawk kollha preżenti, il-komunità parrokkjali, is-saċerdoti, l-Isqof tad-Djoċesi, l-Eminenza Tiegħu, l-awtoritajiet ċivili u militari.

Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd, li għadna kemm smajna, hu waħda mill-aktar parabboli sbieħ u suġġestivi fost dawk li rrakkonta Ġesù. Ilkoll nafuha l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (Lq 10:25-37).

Dan ir-rakkont ikompli jisfidana llum ukoll, jisfida l-ħajja tagħna, iriegħed it-trankwillità tal-kuxjenzi tagħna rieqda u distratti, u jipprovokana kontra r-riskju ta’ fidi akkomodanti, ordnata fl-osservanza esterjuri tal-liġi imma mhix kapaċi tħoss u taġixxi bl-istess tqanqil tal-ħniena ta’ Alla.

Fil-fatt, il-kompassjoni hi fil-qalba tal-parabbola. U jekk huwa minnu li fir-rakkont tal-Vanġelu hija mfissra mill-azzjonijiet tas-Samaritan, l-ewwel ħaġa li s-silta tagħfas fuqha hija l-ħarsa. Fil-fatt, quddiem bniedem midrub li jsib ruħu fil-ġenb tat-triq wara li qabżu fuqu l-ħallelin, dwar il-qassis u l-levita jingħad: “rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer” (v. 32); imma dwar is-Samaritan il-Vanġelu jgħid: “rah u tħassru” (v. 33).

Għeżież ħuti, il-ħarsa tagħmel id-differenza, għax tesprimi dak li għandna fil-qalb tagħna: nistgħu naraw u nibqgħu sejrin jew naraw u nitħassru. Hemm mod esterjuri ta’ kif tara, distratt u mgħaġġel, meta wieħed iħares u jagħmel tabirruħu li mhux jara, jiġifieri mingħajr ma jħalli s-sitwazzjoni tmissu u tisfidah; u hemm mod kif wieħed jara bl-għajnejn tal-qalb, b’ħarsa iżjed profonda, b’empatija li ddaħħalna fis-sitwazzjoni tal-ieħor, iġġagħalna nieħdu sehem interjorment, tmissna, tregħidna, tinterroga l-ħajja tagħna u r-responsabbiltà tagħna.

L-ewwel ħarsa li dwarha l-parabbola trid tkellimna hi dik li Alla kellu lejna, biex aħna wkoll nitgħallmu jkollna l-istess għajnejn tiegħu, mimlija mħabba u mogħdrija, lejn xulxin. Fil-fatt, is-Samaritan it-tajjeb huwa qabelxejn xbieha ta’ Ġesù, l-Iben etern li l-Missier bagħat fl-istorja proprju għax hu ħares lejn l-umanità mingħajr ma baqa’ sejjer, b’għajnejn, b’qalb, bi tqanqil ġewwieni u kollu mogħdrija. Bħal dak ir-raġel tal-Vanġelu li kien nieżel minn Ġerusalemm għal Ġeriko, l-umanità kienet nieżla fl-abbissi tal-mewt u, illum ukoll, spiss ikollha tħabbat wiċċha mad-dalma tal-ħażen, mat-tbatija, mal-faqar, mal-assurdità tal-mewt; imma Alla ħares lejna b’mogħdrija, ried hu stess jimxi t-triq tagħna, niżel f’nofsna u, f’Ġesù, is-Samaritan it-tajjeb, ġie jfejjaq il-ġrieħi tagħna, u jsawwab fuqna ż-żejt tal-imħabba u tal-ħniena tiegħu.

Il-Papa Franġisku tant drabi fakkarna li Alla hu ħniena u kompassjoni, u afferma li Ġesù “huwa l-ħniena tal-Missier lejna” (Angelus, 14 ta’ Lulju 2019). Huwa s-Samaritan it-tajjeb li ġie jiltaqa’ magħna; hu, jgħid Santu Wistin, “ried jissejjaħ proxxmu tagħna. Fil-fatt, il-Mulej Ġesù Kristu jurina li kien huwa stess li għen lil dak ir-raġel nofsu mejjet mixħut fit-triq wara li ġie msawwat u mitluq mill-ħallelin” (It-tagħlim Nisrani, I, 30.33).

Għalhekk, nifhmu għaliex il-parabbola tisfida anki lil kull wieħed u waħda minna: għax Kristu hu manifestazzjoni ta’ Alla ħanin, li nemmnu fih u nimxu warajh bħala dixxipli tiegħu jfisser inħalluh jibdilna biex aħna wkoll jista’ jkollna l-istess sentimenti tiegħu: qalb li titqanqal, ħarsa li tara u ma tibqax għaddejja, żewġ idejn li jgħinu u jdewwu l-ġrieħi, l-ispallejn b’saħħithom li jerfgħu fuqhom lil min hu fil-bżonn.

L-Ewwel Qari tal-lum isemmagħna kliem Mosè, li jgħid li l-ubbidjenza għall-kmandamenti tal-Mulej u l-konverżjoni lejh ma jfissrux li nżidu fl-għemejjel li jidhru minn barra, imma, anzi, ifissru li nirritornaw għall-qalb tagħna, biex niskopru li proprju hemm Alla kiteb il-liġi tal-imħabba. Jekk fil-fond tal-ħajja tagħna niskopru li Kristu, bħala Samaritan it-tajjeb, iħobbna u jieħu ħsiebna, anki aħna nħossuna mqanqla biex inħobbu bl-istess mod u nsiru ħanina bħalu. Imfejqin u maħbuba minn Kristu, insiru aħna wkoll sinjali tal-imħabba tiegħu u tal-kompassjoni tiegħu fid-dinja.

Ħuti, illum għandna bżonn ta’ din ir-rivoluzzjoni tal-imħabba. Illum, dik it-triq li minn Ġerusalemm tieħu għal Ġeriko, belt li tinsab taħt il-livell tal-baħar, hija t-triq li jimxu dawk kollha li qed jegħrqu fil-ħażen, fit-tbatija u fil-faqar; hija t-triq ta’ tant persuni mtaqqla mid-diffikultajiet jew midruba miċ-ċirkustanzi tal-ħajja; hija t-triq ta’ dawk kollha li “jinżlu fil-baxx” sal-punt li jintilfu u jmissu l-qiegħ; u hija t-triq ta’ tant popli mneżżgħa, misruqa u maħtufa, vittmi ta’ sistemi politiċi oppressivi, ta’ ekonomija li tixħithom fil-faqar, tal-gwerra li toqtol il-ħolm tagħhom u l-ħajjiet tagħhom.

U aħna x’ħa nagħmlu? Naraw u nibqgħu sejrin, jew inħallu l-qalb tagħna tħossha minfuda bħalma għamel is-Samaritan? Xi drabi nikkuntentaw ruħna biss li nagħmlu dmirna u nqisu bħala proxxmu tagħna biss lil min hu fiċ-ċirku tagħna, lil min jaħsibha bħalna, lil min għandu l-istess nazzjonalità jew reliġjon; imma Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq il-perspettiva u jippreżentalna Samaritan, barrani u eretiku li jsir proxxmu għal dak ir-raġel midrub. U jitlob minna li nagħmlu l-istess.

Is-Samaritan – kiteb Benedittu XVI – “ma jistaqsix sa fejn jaslu dmirijietu ta’ solidarjetà u lanqas liema huma l-merti meħtieġa għall-ħajja eterna. Isseħħ xi ħaġa oħra: qalbu tinqasam […]. Kieku l-mistoqsija kienet: ‘Is-Samaritan ukoll hu proxxmu tiegħi?’, allura fis-sitwazzjoni li għandna quddiemna t-tweġiba kienet tkun ‘le’ pjuttost ċara. Imma hekkhu, Ġesù jaqleb il-kwistjoni ta’ taħt fuq: is-Samaritan, barrani, isir hu stess proxxmu u jurina li jien, ibda mill-ġewwieni tiegħi, għandi nitgħallem insir proxxmu u li diġà nġorr ġo fija t-tweġiba. Irrid insir persuna li tħobb, persuna li l-qalb tagħha hi miftuħa biex tħalli xi jħassibha quddiem il-bżonn tal-ieħor” (Ġesù ta’ Nazaret, 234).

Naraw bla ma nibqgħu sejrin, nieqfu mill-ġirjiet imħabbtin tagħna, inħalli li l-ħajja tal-ieħor, hu min hu, bil-bżonnijiet u t-tbatijiet tiegħu, taqsamli qalbi. Dan jagħmilna proxxmu ta’ xulxin, inissel fraternità vera, iġarraf ħitan u ċnut. U finalment l-imħabba ssib spazju, issir iktar qawwija mill-ħażen u mill-mewt.

Għeżież, inħarsu lejn Kristu s-Samaritan it-tajjeb u nisimgħu llum ukoll il-leħen tiegħu li jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Mur, u agħmel hekk int ukoll!” (v. 37).

__________________

Kelmtejn tal-Papa fi tmiem il-quddiesa

F’dan il-mument nixtieq nagħti don ċkejken lill-kappillan ta’ din il-parroċċa pontifiċja biex hekk nibqgħu niftakru f’din iċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-lum [applawsi]. Il-patena u l-kalċi li bihom niċċelebraw l-Ewkaristija huma strumenti ta’ komunjoni, u jistgħu jsiru stedina lilna lkoll biex ngħixu f’komunjoni, biex nippromovu tassew din il-fraternità, din il-komunjoni li ngħixu f’Ġesù Kristu.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading