IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 27 ta’ Lulju, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù jgħallem it-talba “tal-Missierna” lid-dixxipli tiegħu (cfr Lq 11,1-13): it-talba li tgħaqqad lill-insara kollha flimkien. Fiha l-Mulej jgħallimna nduru lejn Alla u nsejħulu “abbà”, “missier”, bħat-tfal, “bis-sempliċità (…), b’fiduċja filjali (…), bil-kuraġġ, biċ-ċertezza li aħna maħbubin” (KKK 2778).
B’espressjoni mill-isbaħ, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid illi “permezz ta’ dit-talba lill-Mulej, aħna niġu irrivelati lilna nfusna, fl-istess waqt li l-Missier jiġi rivelat lilna” (ibid., 2783). U huwa minnu: aktar ma nitolbu lill-Missier tas-Sema bil-fiduċja, aktar niskopru kemm aħna wlied maħbubin u aktar insiru nafu aħjar il-kobor ta’ mħabbtu (cfr Rum8,14-17).
L-Evanġelju tal-lum, imbagħad, jiddeskrivi xi aspetti tal-paternità ta’ Alla permezz ta’ xbiehat suġġestivi: dik tar-raġel li jqum fil-qalba tal-lejl biex jgħin lil ħabibu li wasal għandu bla mistenni; inkella dik tal-ġenitur li lil uliedu jara li jtihom ħwejjeġ tajbin.
Dan ifakkarna li Alla qatt ma jtina daharu meta nduru lejh, lanqas jekk naslu tard biex inħabbtu fuq biebu, forsi wara żbalji, opportunitajiet mitlufa, fallimenti, lanqas jekk biex jilqgħana jkollu “jqajjem lil uliedu reqdin f’daru (cfr Lq 11,7). Anzi, fil-familja kbira tal-Knisja, il-Missier ma joqgħodx jittituba biex itina sehem minn kull ġest tal-imħabba tiegħu. Il-Mulej jismagħna dejjem meta nitolbuh, u jekk xi drabi jweġibna fi żmien u b’modi li diffiċli nifhmuhom, jagħmel dan għax jaġixxi b’għerf u providenza akbar, li jmorru ‘l hinn minn kif nifhmuha aħna. Għalhekk f’dal-mumenti wkoll, qatt m’għandna nhedew nitolbu u nitolbu bil-fiduċja: fih dejjem se nsibu dawl u qawwa.
Però, aħna u ngħidu “l-Missierna”, minbarra li nkunu niċċelebraw il-filjolanza divina, inkunu qed nesprimu wkoll l-impenn li nilqgħu dan id-don billi nħobbu lil xulxin bħal aħwa fi Kristu. Hu u jirrifletti fuq dan, wieħed mill-missirijiet tal-Knisja jikteb: “Hemm bżonn li meta lil Alla nsejħulu “Missierna” niftakru fid-dmir tagħna li nġibu ruħna bħala wlied” (San Ċiprijanu ta’ Kartaġni, De dominica Oratione, 11), u ieħor iżid: “Ma tistgħux issejħu lil Missierkom, Alla ta’ kull tjieba, jekk qlubkom huma krudili u diżumani; infatti, f’dal-każ, fikom jintilef it-timbru tat-tjubija tal-Missier ċelesti” (San Ġwann Kriżostmu, De angusta porta et in Orationem dominicam, 3). Ma nistgħux induru lejn Alla bħala “Missier” imbagħad inkunu iebsin u insensibbli mal-oħrajn. Pjuttost, huwa importanti nħallu t-tjubija tiegħu, il-paċenzja tiegħu, il-ħniena tiegħu jittrasformawna biex wiċċu jkun jidher f’wiċċna qiesu f’mera.
Għeżież ħuti, il-liturġija llum tistedinna, bit-talb u l-karità, biex inħossuna maħbubin u biex inħobbu bl-istess imħabba li biha jħobbna Alla: bid-disponibbiltà, bid-diskrezzjoni, bil-premura għal xulxin, mingħajr kalkoli. Nitolbu lil Marija tgħinna nagħrfu nwieġbu għal dis-sejħa sabiex inkunu mera tal-ħlewwa tal-wiċċ tal-Missier.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Illum qed niċċelebraw il-V Jum Dinji tal-Nanniet u l-Anzjani bit-tema “Hieni min ma tilifx it-tama”. Lin-nanniet u lill-anzjani għandna narawhom bħala xhieda tat-tama, li għandhom ħila jdawlu l-mixja tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Ma nħalluhomx waħedhom, imma nintrabtu magħhom b’rabta ta’ mħabba u bit-talb.
Qalbi qrib ta’ dawk kollha li qed ibatu minħabba l-kunflitti u l-vjolenza li hawn fid-dinja. Nitlob partikolarment għal dawk li qed jitqabdu fil-konfini ta’ bejn it-Thailandia u l-Cambogia, speċjalment għat-tfal u l-familji evakwati. Jalla l-Prinċep tal-paċi jispira lil kulħadd biex ifittex id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.
Qed nitlob ukoll għall-vittmi tal-vjolenza fin-nofsinhar tas-Sirja.
Qed insegwi bi tħassib kbir is-sitwazzjoni umanitarja mill-aktar gravi f’Gaża, fejn il-popolazzjoni ċivili hi distrutta minħabba l-ġuħ u għadha dejjem esposta għall-vjolenza u għall-mewt. Inġedded l-appell tiegħi minn qiegħ qalbi biex jieqaf il-ġlied, jinħelsu l-ostaġġi u biex ikun hemm rispett sħiħ tad-dirttijiet umanitarji.
Kull persuna umana għandha dinjità intrinsika mogħtija lilha minn Alla nnifsu: inħeġġeġ lill-partijiet kollha f’dal-kunflitt biex jagħtuha għarfien u jwaqqfu kull azzjoni li tmur kontriha. Inħeġġeġ biex ikun hemm negozjati għal futur ta’ paċi għall-popli kollha u biex ikun miċħud kulma jista’ jippreġudika dan.
Nafda f’idejn Marija, Reġina tal-paċi, il-vittmi innoċenti tal-kunflitti u lill-governanti li għandhom is-setgħa jtemmu dan kollu.
Insellem lir-Radju tal-Vatikan u lill-Vatican News, talli biex ikunu qrib il-fidili u l-pellegrini waqt il-Ġublew, flimkien mal-Osservatore Romano, inawguraw uffiċċju żgħir taħt il-kolonni ta’ Bernini. Grazzi tas-servizz li tagħtu b’tant lingwi li jwasslu leħen il-Papa madwar id-dinja. U grazzi lill-ġurnalisti kollha tal-kontribut li jagħtu permezz ta’ komunikazzjoni ta’ paċi u verità.
Insellem lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, partikolarment lin-nanniet minn San Cataldo, lill-patrijiet kapuċċini żgħażagħ tal-Ewropa, lill-adoloxxenti tal-Griżma mill-Unità Pastorali Grantorto-Carturo, liż-żgħażagħ minn Montecarlo di Lucca u l-iscouts minn Licata.
Insellem b’għożża partikolari liż-żgħażagħ minn diversi pajjiżi li jinsabu f’Ruma għall-Ġublew taż-Żgħażagħ. Nawgura li din tkun okkażjoni għalihom kollha biex jiltaqgħu ma’ Kristu u bih jissaħħu fil-fidi u fl-impenn biex isegwuh bil-koerenza.
(Bl-Ingliz)
Nagħti merħba lill-fidili minn Kearny (New Jersey), lill-grupp Catholic Music Award u lill-EWTN Summer Academy. Insellem b’għożża partikolari liż-żgħażagħ minn bosta pajjiżi li nġabru f’Ruma għall-Ġublew tagħhom li se jibda għada. Nittama li din tkun opportunità biex ikoll tiltaqgħu ma’ Kristu ħalli jsaħħilkom il-fidi u l-impenn li timxu warajh b’integrità fil-ħajja tagħkom.
(Bl-Ispanjol)
Insellem b’għożża speċjali liż-żgħażagħ ġejjin minn diversi pajjiżi li jinsabu Ruma għall-Ġublew taż-Żgħażagħ. Nittama li din tkun okkażjoni biex tiltaqgħu ma’ Kristu li jsaħħaħkom fil-fidi biex issegwuh bil-koerenza.
Illejla ssir il-purċissjoni tal-Madonna “fiumarola” fuq ix-xsmara Tevere: jalla l-parteċipanti f’dit-tradizzjoni marjana mill-isbaħ jitgħallmu minn Omm Ġesù jipprattikaw l-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum! Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber