Kitba ta’ Joe Galea
“Kultura mingħajr verità ssir strument f’idejn min hu b’saħħtu.” Kliem il-Papa Ljun XIV, f’dinja fejn naqas ir-rispett lejn dak li hu sagru. Il-Papa qed ikun ċar biex iħajjar b’ċerta insistenza għal serjeta’ li tixraq lill-ħwejjeġ t’Alla. Is-sens tas-sagru hu marbut mal-kultura tal-verità għax jista’ jkun li f’reliġjon, inkluża dik Kattolika, nintilfu f’dak li mhux essenzjal, li mhuwiex vera fidi, li mhuwiex spiritwalità, li mhuwiex evanġeliku.
Għalhekk il-Papa Ljun, qabel ma mar Castel Gandolfo, qal li: “l-Knisja u d-dinja m’għandhomx bżonn nies li jagħmlu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom qisu li l-fidi hi xi tikketta, għad-dehra. Minflok, il-Knisja u d-dinja għandhom bżonn ħaddiema bix-xewqa li jagħtu xhieda tas-sewwa kull fejn ikunu”. “Għax forsi m’aħniex neqsin”, jgħid il-Papa. “minn insara ‘tal-okkażjoni’, li kultant juru xi sentiment reliġjuż jew xi kultant jieħdu sehem f’xi okkażjoni. Imma huma ftit dawk lesti jaħdmu ta’ kuljum fl-għalqa ta’ Alla, jikkultivaw fi qlubhom iż-żerriegħa tal-Evanġelju biex issir parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħhom, fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol jew tal-istudju, fl-ambjenti soċjali differenti jew għal min isib ruħu fil-bżonn.”
Il-Papa jistieden għal Insara ‘ta’ veru’. U jkompli: “Biex dan iseħħ mhemmx bżonn ta’ ħafna ideat u teoriji dwar x’hemm bżonn fil-pastorali. Fuq kollox meħtieġ talb lil Sid il-ħsad. Ifisser li fl-ewwel post hemm ir-relazzjoni mal-Mulej, li nikkultivaw id-djalogu miegħu. Imbagħad Hu jagħmilna ħaddiema tiegħu u jibgħatna fl-għalqa tad-dinja bħala xhieda tas-Saltna tiegħu.
Il-Papa ndirizza realtà fil-knejjes waqt il-liturġija, bħall-Quddiesa: id-distrazzjoni waqt iċċelebrazzjoni, u enfazizza l-importanza tal-qima, ir-riverenza u l-attenzjoni partikularment waqt il-Quddiesa. Tkellem dwar il-ħtieġa li nikkultivaw kultura ta’ talb biex nikkumbattu d-distrazzjoni u l-influwenzi mundani li jistgħu jfixklu dak li hu sagru u qaddis. Il-Papa kien ukoll dirett dwar id-diċenzja fid-Dar t’Alla u qal li l-ilbies irid ikun ta’ rispett u mhux mod ta’ tfixkil għall-oħrajn. Ma jiddejjaqx jiddeskrivi lbies li mhux aċċettabbli għaliex għajnejna bla ma jridu jmorru fuq il-persuni li jkunu quddiemna fil-knisja.
Lanqas ma qagħad lura milli jfiehem lit-tfal biex fil-knisja jġibu ruħhom kif inhu xieraq, anke bil-mod li jkunu lebsin, għax il-knisja hi post qaddis, post ta’ qima, u dak li jgħaddi fi bnadi oħra mhux bil-fors li hu tajjeb għall-knisja.
Ix-xewqa tal-Papa għal rispett lejn dak li hu sagru dehret ukoll f’laqgħa li kellu mal-knejjes tal-Lvant fil-ġurnata tal-Ġublew dedikat għall-Knejjes Orjentali fil-Vatikan. Kellu għalihom messaġġ emozzjonat ta’ inkuraġġiment għax dawn jiċċelebraw iċ-ċerimonji liturġiċi, bħas-Sagramenti, b’mod tassew solenni u għandhom tradizzjonijiet għeżież ta’ liturġija mimlija spiritwalita’. Il-Papiet dejjem riedu li dawn ikomplu bir-rit Orjentali tagħhom għaliex fih rikkezza partikulari. Il-Papa Ljun semmielhom li wħud minnhom jużaw il-lingwa ta’ Ġesù. (Xi villaġġi żgħar, bħal Maalouia is-Sirja, għadhom jitkellmu din il-lingwa tal-Aramajk.) Fakkarhom kemm il-Knejjes tal-Lvant għaddew minn perekuzzjoni.
Il-Papa qal li l-Knisja għandha bżonn il-Knejjes Orjentali għax il-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu hi immensa. “Għandna bżonn,” qal il-Papa, li nerġgħu niskopru s-sens tas-sagru li għadu ħaj fil-Lvant, liturġiji li jinvolvu l-persuna kollha, li tkanta s-sbuħija tas-salvazzjoni u tevoka sens ta’ stagħġib fuq kif il-majesta’ t’Alla tħaddan il-fraġilita’ umana.
Il-Papa qalilhom li t-tradizzjonijiet tagħhom ta’ spiritwalita, għalkemm jidhru antiki, huma dejjem ġodda, anzi huma mediċinali. Fihom id-dramm tal-miżerja umana mħallta bl-istagħġib tal-ħniena t’Alla, biex id-dnub tagħna ma jwassalx għad-disperazzjoni, imma jiftaħna biex naċċettaw ir-rigal ta’ grazzja li nkunu nies li ġejna mfejqa, merfugħa għal dak li hu divin u ljn il-Ġenna.
Mhux li kien li nilqgħu l-istedina tal-Papa għal rispett lejn dak li hu sagru fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fil-knejjes tagħna.