Ħsieb minn D. Edward Vella
‘O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet. O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!’ Forsi tissorprendina din il-Kelma ta’ Alla għalina llum permezz tal-ktieb ta’ Qoħelet. Xi jrid jgħid il-kittieb sagru b’dawn il-kelmiet? Milli jidher il-kittieb sagru, imdawwal minn Alla, wara li għadda ħajja jfittex dak li hu tad-dinja, jintebaħ li wara kollox ta’ din id-dinja kollu jgħaddi, u li rridu nħallu kollox warajna. Huwa mument li fih, biex ngħidu hekk Alla żaru, kif iżur lilna, u wrieħ li ‘kollox hu frugħa’.
Fl-istess ħin kemm fihom għaqal tas-sema dawn il-Kelmiet qaddisa! Il-bniedem meta jintebaħ li ta’ din id-dinja kollox jgħaddi, u mhux biss il-flus u kulma jakkwista bihom, iżda wkoll unuri u pjaċiri, huwa f’dak il-mument li l-bniedem ikollu opportunità tad-deheb li jpoġġi l-fiduċja tiegħu f’Alla biss. Żġur li Alla lil kulħadd jagħtiha din il-grazzja, iżda żgur ukoll li mhux kulħadd jaċċettaha. Ħafna jħallu mument ta’ dawl bħal dan jaħrab, jew aħjar jaħarbuh huma stess billi jkomplu jaljenaw ruħhom f’dak li hu tad-dinja.
Kemm huma f’posthom u qawwija l-kliem tas-Salm tal-lum, ‘Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.’ Iva l-bniedem li jagħraf li ta’ din id-dinja kollox jgħaddi u jrid iħalli kollox warajah, il-bniedem li f’dan il-mument jiftaħ qalbu għall-grazzja t’Alla, mas-salmista jgħid dawn il-kelmiet. U jkompli, ‘Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.’ Nitolbuh lill-Mulej li sa minn kmieni f’ħajjitna jgħarrafna dan biex hekk il-ferħ ta’ ħajjitna ma jkunx mibni fuq ir-ramel, iżda fuq il-blat, jew aħjar fuq il-blata li hu Ġesù.
Dan hu li jgħidilna ċar u tond Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. Kemm ġlied u firdiet fuq wirt sfortunatament, kemm familji mkissra għal dejjem, kemm faċli l-bniedem għal dak li jgħaddi u jrid iħallih warajh jagħmel inġustiżżji, jew ikun lest ibiegħ il-paċi ta’ qalbu biex jakkwista ftit iżjed. Fil-parabbola li jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum naraw lil dan ir-raġel li akkwista ħafna. F’dan il-mument li fih ħassu fl-abbundanza, wera kemm kellu qalb egoista u ħaseb biss fih innifsu; ma ħasibx fil-fqar u fil-batuti biex jgħinhom, ma ħasibx li jrid iħalli kollox warajh. Ġesù jwiddbu, u mhux biss lilu iżda wkoll lilna; ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’
Mulej Ġesù, kemm tassew għandna għax ngħidulek grazzi llum talli tiftħilna għajnejna fuq il-frugħa ta’ din id-dinja. Kemm tassew għandna għax ngħidulek grazzi għax turina fejn għandna nfittxu t-teżor tagħna. Għinna Mulej ħalli ma naljenawx ruħna, kif jiġrielna ħafna drabi, iżda nżommu f’moħħna u f’qalbna l-Kelma tiegħek, u fuq kollox minn dak li inti tipprovdielna ngħinu dejjem lil min hu fil-bżonn, għax huwa biss dak li nagħtu li nieħdu magħna meta tasal is-siegħa li nħallu kollox warajna. Ammen.