Il-Papa Ljun XIV waqt Velja ta’ Talb fil-Ġublew taż-Żgħażagħ

ĠUBLEW TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
VELJA TA’ TALB
IPPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Tor Vergata
Is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2025

Mistoqsija 1 – Il-Ħbiberija

Santità, jien jisimni Dulce María, għandi 23 sena u ġejja mill-Messiku. Qed indur lejk u nistaqsik dwar realtà li qed ngħixu aħna ż-żgħażagħ f’ħafna partijiet tad-dinja. Aħna wlied ta’ żmienna. Qed ngħixu f’kultura li hi tagħna u bla ma nintebħu qed tagħġinna; hi mmarkata mit-teknoloġija fuq kollox fil-qasam tax-xbieki soċjali. Spiss nilludu ruħna li għandna ħafna ħbieb u li qed noħolqu rabtiet ta’ qrubija, meta qegħdin dejjem aktar nagħmlu esperjenza ta’ tant forom ta’ solitudni. Ninsabu qrib ta’ xulxin u konnessi ma’ tant persuni, u safrattant dawn mhumiex rabtiet veri u fit-tul, imma jtiru mar-riħ u spiss illużorji.

Santità, din hi l-mistoqsija tiegħi: kif nistgħu nsibu ħbiberija sinċiera u mħabba ġenwina li jiftħulna qalbna għat-tama vera? Kif tista’ l-fidi tgħinna nibnu l-futur tagħna?

Għeżież żgħażagħ, ir-relazzjonijiet umani, ir-relazzjonijiet tagħna mal-persuni l-oħra huma indispensabbli għal kull wieħed u waħda minna, ibda mill-fatt li l-irġiel u n-nisa kollha tad-dinja jitwieldu wlied ta’ xi ħadd. Il-ħajja tagħna tibda grazzi għal rabta u hu permezz tar-rabtiet li aħna nikbru. F’dan il-proċess, il-kultura għandha rwol fundamentali: hija l-kodiċi li bih ninterpretaw lilna nfusna u d-dinja. Bħal vokabularju, f’kull kultura hemm kliem nobbli u hemm kliem vulgari, hemm kemm valuri u kemm żbalji, li rridu nitgħallmu nirrikonoxxu. Meta b’passjoni nfittxu l-verità, aħna mhux biss nirċievu kultura, imma nibdluha permezz ta’ għażliet ta’ ħajja. Fil-fatt, il-verità hija rabta li torbot il-kliem mal-ħwejjeġ, l-ismijiet mal-uċuħ. Imma l-gidba taqta’ minn xulxin dawn l-affarijiet, u ġġib konfużjoni u ekwivoku.

Issa, fost il-ħafna konnessjonijiet kulturali li jikkaratterizzaw il-ħajja tagħna, l-internet u l-midja saru “opportunità straordinarja ta’ djalogu, laqgħa u skambju bejn il-persuni, barra li jagħtu aċċess għall-informazzjoni u għall-għarfien” (il-Papa Franġisku, Christus vivit, 87). Imma dawn l-għodod isiru ambigwi meta jinħakmu mil-loġika kummerċjali u minn interessi li jfarrku r-relazzjonijiet tagħna f’elf biċċa. Dwar dan, il-Papa Franġisku fakkarna li xi kultant “il-mekkaniżmi tal-komunikazzjoni, tal-pubbliċità u tax-xbieki soċjali jistgħu jintużaw biex jagħmluna suġġetti rieqda, dipendenti fuq il-konsum” (Christus vivit, 105). U hawn ir-relazzjonijiet tagħna jispiċċaw imħawdin, imdendlin jew instabbli. Barra minn hekk, kif tafu, illum hemm algoritmi li jgħidulna dak li għandna naraw, dak li għandna naħsbu, u liema għandhom ikunu l-ħbieb tagħna. U hawn ir-relazzjonijiet tagħna jsiru konfużi, xi kultant anzjużi. Dan għax meta l-istrument jiddomina fuq il-bniedem, il-bniedem isir strument: iva, strument tas-suq, isir oġġett tal-bejgħ hu stess. Huma biss ir-relazzjonijiet sinċiera u r-rabtiet stabbli li jgħinu biex jikbru stejjer ta’ ħajja tajba.

Għeżież, kull persuna naturalment tixtieq din il-ħajja tajba, bħalma l-pulmuni jfittxu l-arja, imma kemm hu diffiċli ssibha! Kemm hu diffiċli ssib ħbiberija awtentika! Sekli ilu, Santu Wistin fehem ix-xewqa profonda tal-qalb tagħna – hija x-xewqa ta’ kull qalb umana – anki mingħajr ma kien għadu jaf x’inhu l-iżvilupp teknoloġiku tal-lum. Hu wkoll għadda minn żgħożija mqallba: imma ma kkuntentax ruħu, ma sikkitx il-karba tal-qalb tiegħu. Wistin kien qed ifittex il-verità, il-verità li ma tqarraqx, il-ġmiel li ma jgħaddix. U kif sabu? Kif sab ħbiberija sinċiera, imħabba li kapaċi tagħti t-tama? Meta ltaqa’ ma’ dak li diġà kien qed ifittxu, meta ltaqa’ ma’ Ġesù Kristu. Kif bena l-futur tiegħu? Billi mexa warajh, ħabib tiegħu għal dejjem. Dawn huma l-kelmiet tiegħu: “L-ebda ħbiberija ma hi fidila jekk mhux fi Kristu. Huwa fih biss li din tista’ ssir hienja u eterna” (Kontra ż-żewġ ittri tal-Pelaġjani, I, I, 1); u l-ħbiberija vera dejjem hi f’Ġesù Kristu b’fiduċja, imħabba u rispett. “Iħobb tassew lill-ħabib tiegħu dak li fil-ħabib tiegħu jħobb lil Alla” (Diskors 336), jgħidilna Santu Wistin. Il-ħbiberija ma’ Kristu, li tinsab fil-bażi tal-fidi, mhix biss għajnuna fost ħafna oħra biex nibnu l-futur tagħna: hija l-kewkba polari tagħna. Kif kiteb il-Beatu Pier Giorgio Frassati, “li tgħix bla fidi, bla wirt xi tħares, bla ma tissielet għall-Verità, dan mhux tgħix tkun, imma kemm tgħaddiha” (Ittri, 27 ta’ Frar 1925). Meta l-ħbiberiji tagħna jirriflettu din ir-rabta qawwija ma’ Ġesù, ċertament isiru sinċieri, ġenerużi u veri.

Għeżież żgħażagħ, ħobbu lil xulxin! Ħobbu lil xulxin fi Kristu. Araw lil Ġesù fl-oħrajn. Il-ħbiberija tista’ tassew tibdel id-dinja. Il-ħbiberija hi triq lejn il-paċi.

Mistoqsija 2 – Il-kuraġġ li nagħżlu

Santità, jisimna Gaia, għandi 19-il sena u jien Taljana. Illejla lkoll kemm aħna żgħażagħ hawn preżenti nixtiequ nkellmuk fuq il-ħolm, it-tamiet u d-dubji tagħna. Is-snin tagħna huma mmarkati mid-deċiżjonijiet importanti li aħna msejħin nieħdu biex norjentaw il-ħajja futura tagħna. Madankollu, minħabba l-klima ta’ inċertezza li għandna madwarna aħna ttentati nħallu l-affarijiet għal darb’oħra, u l-biża’ mill-futur li ma nafux jipparalizzana. Nafu li l-għażla tfisser li niċċaħħdu minn xi ħaġa, u dan jimblukkana, madankollu nħossu li t-tama tindikalna għanijiet li jistgħu jintlaħqu anki jekk immarkati mill-prekarjetà tal-mument preżenti.

Santità, nistaqsuk: fejn nistgħu nsibu l-kuraġġ biex nagħżlu? Kif nistgħu nkunu kuraġġjużi u ngħixu l-avventura tal-libertà ħajja, u nagħmlu għażliet radikali u mimlija sinifikat?

Grazzi ta’ din il-mistoqsija. Fejn nistgħu nsibu l-kuraġġ li nagħżlu u nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin? L-għażla hi att uman fundamentali. Jekk nosservaw b’attenzjoni, nifhmu li l-importanti mhux biss li nagħżlu xi ħaġa, imma li nagħżlu lil xi ħadd. Meta nagħżlu, f’sens qawwi, inkunu niddeċiedu min irridu nsiru. Fil-fatt, l-għażla per eċċellenza hija d-deċiżjoni fuq il-ħajja tagħna: x’raġel tixtieq tkun? X’mara tixtieq tkun? Għeżież żgħażagħ, nitgħallmu nagħżlu permezz tal-provi tal-ħajja, u qabelxejn billi niftakru li aħna ġejna magħżula. Din il-memorja rridu nesplorawha u nedukawha. Irċivejna l-ħajja b’xejn, bla ma għażilnieha aħna! Fil-bidu tagħna stess ma kienx hemm deċiżjoni tagħna, imma mħabba li riditna. Matul il-ħajja tagħna, hu tassew ħabib tagħna min jgħinna nagħrfu u nġeddu din il-grazzja fl-għażliet li aħna msejħin nieħdu.

Għeżież żgħażagħ, għidtu tajjeb: “tagħżel ifisser anki tiċċaħħad minn ħaġa oħra, u xi drabi dan jimblukkana”. Biex inkunu ħielsa, jeħtieġ mibdew mill-fundament stabbli, mill-blata li twieżen il-passi tagħna. Din il-blata hija mħabba li timxi qabilna, tissorprendina u tissuperana bla qies: hija l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk quddiemu l-għażla ssir ġudizzju li ma jeħdilna ebda ġid, imma jwassalna dejjem għall-aħjar.

Il-kuraġġ biex nagħżlu jiġi mill-imħabba, li Alla jurina fi Kristu. Huwa hu li ħabbna b’dak kollu li hu, salva d-dinja u hekk uriena li d-don tal-ħajja huwa t-triq biex naslu għall-milja ta’ dak li aħna. Għalhekk, il-laqgħa ma’ Ġesù tikkorrispondi max-xewqat l-aktar profondi tal-qalb tagħna, għax Ġesù huwa l-Imħabba ta’ Alla li sar bniedem.

Dwar dan, 25 sena ilu, proprju hawn fejn ninsabu, San Ġwanni Pawlu II qal: “Huwa lil Ġesù li qed tfittxu meta toħolmu l-ferħ; huwa hu li qed jistenniekom meta xejn ma jissodisfakom minn dak li ssibu; huwa hu l-ġmiel li tant jiġbidkom lejh; huwa hu li jipprovokakom b’dak l-għatx għar-radikalità li ma jħallikomx toqogħdu għall-kompromess; huwa hu li jimbuttakom biex tinżgħu l-maskri li jagħmlu l-ħajja falza; huwa hu li jaqralkom f’qalbkom id-deċiżjonijiet l-aktar veri li oħrajn iridu jifgaw” (Velja ta’ talb fil-15-il Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 19 ta’ Awwissu 2000). Il-biża’ allura jagħmel wisa’ għat-tama, għax aħna ċerti li Alla jġib għall-milja tiegħu dak li beda.

Il-fedeltà tiegħu narawha fil-kliem ta’ min iħobb tassew, għax ġie tassew maħbub. “Int il-ħajja tiegħi, Mulej”: dak hu li saċerdot jew persuna kkonsagrata jlissnu mimlija ferħ u libertà. “Int il-ħajja tiegħi, Mulej”. “Nilqgħek bħala għarusa tiegħi u bħala għarus tiegħi”: hija l-frażi li tibdel l-imħabba tar-raġel u tal-mara f’sinjal effikaċi tal-imħabba ta’ Alla fiż-żwieġ. Dawn huma għażliet radikali, għażliet mimlijin tifsira: iż-żwieġ, l-ordni sagri, u l-konsagrazzjoni reliġjuża jesprimu d-don tal-persuna, ħieles u li jeħles, li jagħmilna tassew hienja. U hemm insibu l-ferħ: meta nitgħallmu nagħtu lilna nfusna, nagħtu ħajjitna għall-oħrajn.

Dawn l-għażliet jagħtu sens lill-ħajja tagħna, jibdluha skont ix-xbieha tal-Imħabba perfetta, li ħalqitha u fdietha minn kull ħażen, anki mill-mewt. Qed ngħid dan illejla jiena u naħseb f’żewġ tfajliet, María, ta’ 20 sena, Spanjola, u Pascale, ta’ 19, Eġizzjana. It-tnejn għażlu li jiġu Ruma għall-Ġublew taż-Żgħażagħ, u f’dawn il-jiem żarithom il-mewt. Nitolbu flimkien għalihom; nitolbu wkoll għall-familjari tagħhom, ħbiebhom u l-komunitajiet tagħhom. Kristu Rxoxt jilqagħhom fil-paċi u fil-ferħ tas-Saltna tiegħu. U mill-ġdid nixtieq nitlobkom titolbu għal ħabib ieħor, ġuvni Spanjol, Ignacio Gonzalvez, li jinsab rikoverat fl-isptar Bambino Gesù: nitolbu għalih, biex jikseb saħħtu.

Sibu l-kuraġġ li tagħmlu l-għażliet diffiċli u tgħidu lil Ġesù: “Int il-ħajja tiegħi, Mulej”. Grazzi.

Mistoqsija 3 – Is-sejħa għat-tajjeb u l-valur tas-skiet

Santità, jisimni Will. Għandi 20 sena u ġej mill-Istati Uniti. Nixtieq nistaqsik f’isem tant żgħażagħ hawn madwarna li jixtiequ, fil-qlub tagħhom, xi ħaġa iżjed profonda. Inħossuna miġbuda mill-ħajja interjuri anki jekk mal-ewwel daqqa t’għajn jiġġudikawna bħala ġenerazzjoni superfiċjali jew li ma taħsibhomx. Inħossu fil-fond tagħna nfusna s-sejħa għas-sabiħ u għat-tajjeb bħala għajn ta’ verità. Il-valur tas-skiet bħal f’din il-Velja jaffaxxinana, imqar jekk f’xi wħud iqanqal biża’ minħabba s-sens ta’ vojt.

Santità, nistaqsik: kif nistgħu niltaqgħu tassew ma’ Kristu Rxoxt fil-ħajja tagħna u nkunu żguri mill-preżenza tiegħu anki qalb id-diffikultajiet u l-inċertezzi?

Proprju fil-ftuħ tad-Dokument li bih ħabbar il-Ġublew, il-Papa Franġisku kiteb li “fil-qalb ta’ kull persuna hemm it-tama bħala xewqa u stennija ta’ ġid” (Spes non confundit, 1). Meta tgħid “qalb”, fil-lingwaġġ bibliku, ifisser “kuxjenza”: ladarba kull persuna tixtieq il-ġid fil-qalb tagħha, minn din l-għajn toħroġ it-tama li tilqa’ dan it-tajjeb. Imma x’inhu t-“tajjeb”? Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija, għandna bżonn ta’ xhud: xi ħadd li jagħmlilna l-ġid. Iżjed minn hekk, hemm bżonn ta’ xi ħadd li jkun il-ġid tagħna, jisma’ bi mħabba x-xewqa li hemm tħabbat fil-kuxjenza tagħna. Mingħajr dawn ix-xhieda ma twelidniex, lanqas kbirna fil-ġid: bħala veri ħbieb, huma jwieżnu x-xewqa komuni tagħna għat-tajjeb, u jgħinuna nwettquh fl-għażliet ta’ kuljum.

Għeżież żgħażagħ, il-ħabib li dejjem isieħeb il-kuxjenza tagħna hu Ġesù. Tixtiequ tiltaqgħu tassew ma’ Kristu Rxoxt? Isimgħu l-kelma tiegħu, li hu l-Vanġelu tas-salvazzjoni! Fittxu l-ġustizzja, billi ġġeddu l-mod kif tgħixu, biex tibnu dinja iżjed umana! Aqdu lill-fqir, agħtu xhieda ta’ dak li hu tajjeb u li nixtiequ dejjem nirċievu mill-proxxmu tagħna! Ibqgħu magħqudin ma’ Ġesù fl-Ewkaristija! Aduraw l-Ewkaristija, għajn tal-ħajja ta’ dejjem! Studjaw, aħdmu, ħobbu bl-istil ta’ Ġesù, l-Imgħallem tajjeb li jimxi dejjem magħna.

Ma’ kull pass, waqt li nfittxu dak li hu tajjeb, nitolbuh: ibqa’ magħna, Mulej (ara Lq 24:29)! Ibqa’ magħna, Mulej! Ibqa’ magħna, għax mingħajrek ma nistgħux nagħmlu dak il-ġid li nixtiequ. Int trid il-ġid tagħna; int, Mulej, int il-ġid tagħna. Min jiltaqa’ miegħek, jixtieq li l-oħrajn ukoll jiltaqgħu miegħek, għax il-kelma tiegħek hija dawl iżjed ċar minn kull kewkba, li ddawwal imqar l-iktar lejl sewdieni. Kif kien iħobb itenni l-Papa Benedittu XVI, min jemmen, qatt mhu waħdu. Għalhekk niltaqgħu tassew ma’ Kristu fil-Knisja, jiġifieri fil-komunjoni ta’ dawk li l-Mulej stess jiġbor madwaru biex isir laqgħa, matul l-istorja, għal kull bniedem li sinċerament ifittxu. Kemm għandha bżonn id-dinja ta’ missjunarji tal-Vanġelu li jkunu xhieda ta’ ġustizzja u ta’ paċi! Kemm għandu bżonn il-futur ta’ rġiel u nisa li jkunu xhieda ta’ tama! Din hi, għeżież żgħażagħ, il-ħidma li Kristu Rxoxt qed jafdalna.

Santu Wistin kiteb: “Irid ifaħħrek, Mulej, il-bniedem, din in-nitfa mill-ħolqien tiegħek. Inti nnifsek tqanqlu biex jitgħaxxaq ifaħħrek, għax int għamiltna għalik, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik. Ħa nfittxek mela billi nsejjaħlek, Mulej, u ħa nsejjaħlek billi nemmen fik” (Stqarrijiet, I). Waqt li ngħaqqad din l-invokazzjoni mal-mistoqsijiet tagħkom, nafdalkom din it-talba: “Grazzi, Ġesù, li ġejt għandna: ix-xewqa tiegħi hi li nibqa’ fost il-ħbieb tiegħek, biex, jiena u nħaddan lilek, nista’ nsir sieħeb fil-mixja ta’ kull min jiltaqa’ miegħi. Agħmel, o Mulej, li min jiltaqa’ miegħi, jista’ jiltaqa’ miegħek, imqar bil-limitazzjonijiet tiegħi, imqar bid-dgħufijiet tiegħi”. B’dawn il-kelmiet, id-djalogu tagħna jissokta kull darba li nħarsu lejn il-Kurċifiss: fih jiltaqgħu l-qlub tagħna. Kull darba li naduraw lil Kristu fl-Ewkaristija, il-qlub tagħna jingħaqdu ma’ tiegħu. Għalhekk, ipperseveraw fil-fidi b’ferħ u kuraġġ. U hekk nistgħu ngħidu: grazzi, Ġesù, li ħabbejtna; grazzi, Ġesù, li sejjaħtilna. Ibqa’ magħna, Mulej! Ibqa’ magħna!

__________________________

Kelmtejn spontanji tal-Papa fi tmiem il-Velja maż-Żgħażagħ

Nixtieq nirringrazzja lill-kor, il-mużika: grazzi li akkumpanjajtuna! Grazzi lilkom kollha! Gracias! Isimgħu minni: strieħu ftit. L-appuntament għal għada filgħodu hawn għall-Quddiesa. Awguri lil kulħadd. Il-lejl it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading