Kitba ta’ Joe Galea
Kienu kontemporanji: Gejtanu twieled f’Ottubru ta’ l-1480, Luteru f’Novembru ta’ tliet snin wara; Gejtanu miet fis-7 ta’ Awissu ta’ l-1547, Luteru fit-18 ta’ Frar tas-sena ta’ qabel. It-tnejn kellhom idea għolja tal-Knisja ta’ Kristu; għalihom it-tnejn il-Knisja kellha tkun fid-dinja, imma ma kellhiex tkun tad-dinja. Għalhekk it-tnejn kienu diżappuntati bl-istat tal-Knisja ta’ żmienhom: Knisja mundana mehdija bis-setgħa materjali, mogħtija għall-frugħa u mitlufa wara l-arti. U kemm il-wieħed, daqskemm l-ieħor, it-tnejn ħabirku biex jerfgħu l-Knisja mill-istat ti kienet fih.
Imma fil-waqt li Luteru fittex li jirriforma l-Knisja billi rvella, infired mill-Knisja u waqqaf reliġjon għalih, Gejtanu ħaseb li jirriforma l-Knisja minn ġewwa u beda billi rriforma lilu nnifsu u l-ambjent ta’ madwaru. Hekk, bħall-ħmira li jsemmi l-Vanġelu, hu beda dak il-moviment fil-Knisja, li għalkemm jissejjaħ ‘Kontro-riforma’, beda qabel Luteru għamel ir-‘Riforma’ tiegħu.
Gejtanu twieled f’Viċenza, belt bejn Milan u Venezja, magħrufa għad-drappijiet tas-suf u l-ħarir, u kburija li tagħmel sehem mir-repubblika ta’ Venezja. Missieru kien Gaspare, Konti ta’ Thiene, u ommu kienet Marija di Porto, min-nobbilta’ ta’ Viċenza. Jingħad li qabel ma twieled, ommu li kien għalqilha ż-żmien li teħles, ma setgħetx tagħti lid-dinja l-frott fi ħdanha, qabel ma niżlet, kif kienet imnebbħa tagħmel, fil-kantina li kienet isservi ta’ stalla. B’hekk, jekk dan hu minnu, it-tarbija wriet li riedet tixbah sa minn twelidha, lill-Imgħallem li twieled fi stalla.
It-tarbija, it-tieni waħda mian tliet subien, issemmiet Gejtanu għal zijuh, kanonku magħruf għall-għerf tiegħu, li min-naħa tiegħu kien issemma hekk għaliex kien minn Gaeta.
Kollox kien jidher sabiħ għall-familja Thiene, sakemm il-Konti Gaspare safa maqtul f’waħda mill-gwerer imdemma li r-repubblika Venezjana kellha kontra s-saltna ta’ Napli. Fortunatament għat-tlett itfal orfni, il-Kontessa Marija wriet li kienet omm denja li tieħu post il-missier. B’għożża kbira hi għarfert trabbi ’l uliedha li ma damux ma saru tnejn, billi ż-żgħir fosthom miet meta kien għadu ta’ eta’ tenera.
Ftit huwa t-tagħrif li għandna dwar it-tfulija u ż-żgħożija ta’ Gejtanu: nafu li kien jitgħallem taħt it-tuturi f’daru stess, kif kienet id-drawwa tal-familji nobbli f’dak iż-żmien, u li kien sikwit iżur il-knisja qadima tal-Kuruna Mqaddsa li għadha wieqfa ġewwa Viċenza sallum. Nafu wkoll li kellu mħabba mhux tas-soltu lejn il-foqra li kien jgħin b’ġenerożita’ kbira, minkejja li l-familjari tiegħu ma kenux iħalluh jagħmel dan. Storja li nibtet wara mewtu tgħid li darba meta kien għadu tifel, inqabad minn zijuh ħiereġ mid-dar b’pakkett ikel li kien warrab minn sehmu, biex jagħtih lill-foqra.
“X’għandek hemm?”, staqsih zijuh li kien jissuspetta x’kien hemm fil-pakkett.
“Fjuri! biss fjuri!”, wieġeb Gejtanu mnebbaħ mis-sema. U verament, meta fetaħ il-pakkett, fih ma kienx hemm ħlief fjuri.
Storja oħra li wkoll x’aktarx nibtet mill-memorja ta’ dawk li kienu jafuh u kienu jiftakru l-paċi li l-qaddis abitwalment kien ikollu f’qalbu, tgħid li darba waħda, waqt li tfal ta’ l-eta’ tiegħu kienu qegħdin jilagħbu fi ġnien, Gejtanu qagħad għalih waħdu jitlob. ħin minnhom, ħamiema bajda li dehret tittajjar madwaru, strieħet fuq rasu u bi kliem ċar qaltlu: “Il-paċi miegħek għal dejjem, Gejtanu! Oqgħod attent li qatt ma titlifha!”
Li ħamiema tkellmet jista’ jkun li hi leġġenda, bħalma leġġenda wkoll setgħat kienet li l-ħobż inbidel fi fjuri. Imma li Gejtanu meta kiber kien spiss jistaqsi bejnu bejn ruħu: “Kif jista’ bniedem jeħodha kontra bniedem ieħor?”, hi verita’ storika, bħalma storika wkoll hi t-tweġiba li ta lil zijuh li ċanfru talli kien jilbes mhux skond il-kundizzjoni tan-nobbilta’ tiegħu u talli kien jitħallat mal-foqra: “Tassew li aħna twelidna kavallieri, imma mbagħad aħna twelidna mill-ġdid bħala nsara permezz tal-grazzja. Jekk it-twelid naturali tagħna jiġbidna għall-pompi tad-dinja, it- twelid ġdid tagħna fi Kristu jesiġi minna li ma ninsewx l-umiljazzjonijiet tal-Kalvarju.”
Tabilħaqq, Gejtanu kien umli, ubbidjenti u sottomess, imma din it-tweġiba tiegħu turi li meta kien meħtieġ, kien jaf ikun sod fi twemminu u riżolut li jistqarr dan it-twemmin mingħajr ebda ħabi. U hekk baqa’ ħajtu kollha.
Hekk kif spiċiea l-ewwel studji tiegħu ġewwa Viċenza, Gejtanu, kif kien jixraq lin-nobbilta’ tiegħu, mar Padova fejn kien hemm l-eqdem universita’ fil-peniżula Taljana. Il-qabża mill-ambjent devot u miġbur ta’ Viċenza, għal dak iktar miftuħ u liberali ta’ Padova setgħet kienet għal Gejtanu, bħalma kienet għal żgħażagħ oħra ta’ mparu, tentazzjoni li jħalli d-drawwiet tajba li fihom trawwem minn ommu. F’belt kbira bħalma kienet Padova, ’il bogħod mill-ħarsa attenta tal-ġenituri u liberi li jagħmlu dak li jiftlilhom, ħafna miż-żgħażagħ studenti oħra kienu jħalltu l-istudji tagħhom ma’ xalar bla rażan. Imma mhux hekk Gejtanu. Waqt li kien jimxi ’l quddiem fl-istudji, hu kien jissaħħaħ fid-drawwiet tajba bit-talb u l-mortifikazzjoni. Ma’ dan kien iżid jitħarreġ f’egħmil ta’ karita’, billi jżur il-morda fl-isptarijiet, li kien jeħdilhom rigali u jaqdihom fil-ħtiġiet tagħhom. Ma’ dan, il-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum ma kienu jonqsu qatt. Wieħed jiskanta kif kien ilaħħaq, madankollu kien isib ħin ukoll biex iżur il-kunventi, jindiehes mal-patrijiet u jingħaqad magħhom fit-talb u l-penitenzi li kienu jagħmlu.
Kien f’Padova li Gejtanu ħass għall-ewwel darba s-sejħa għas-saċerdozju, iżda fl-umilta’ tiegħu dehrlu li ma kienx denn ta’ dinjita’ hekk għolja: “Jien naf”, kiteb fi djaru, “li ma jistħoqqlix nissieħeb fil-kumpanija ma’ dawn l-anġli libsin ta’ bnedmin (hekk kien isejħilhom lis-saċerdoti); b’danakollu nixtieq u nitlob ħafna li jsir jistħoqqli. Inti tixhed għax-xewqa kbira ta’ qalbi li nintrabat b’mod li ma jinħallx bir-rabta tal-voti mqaddsa. Għaliex mela ma tikkonslanix, Maħbub tiegħi? Hu x’inhu, din hi l-volonta’ tiegħi: li nagħmel mhux ir-rieda tiegħi, tiegħek.” Din is-silta tispjega l-għala Gejtanu ħalla sakemm kellu sitta u tletin sena biex sar saċerdot, għalkemm intrabat bil-voti malajr wara li temm l-istudji tiegħu.
F’Padova ġejtanu dam jistudja erba’ snin. Hemm iddistingwa ruħu fit-teoloġija u kiseb żewġ lawreji, waħda fil-liġi kanonika u l-oħra f’dik ċivili. U kien għadu ma għalaqx l-erbgħa u għoxrin sena. Wara li temm l-istudji tiegħu u għamel il-voti reliġjużi bħala kjeriku, kif għedna diġa’, u rħielha għal Rampazzo, raħal żgħir proprjeta’ tal-familja tiegħu. Hawn, imbiegħed mill-ħsejjes u l-għagħa ta’ l-ibliet, hu taha għall-ħajja kontemplattiva. Iżda, malajr intebaħ bl-injuranza reliġjuża tar-raħħala, u l-ħeġga tiegħu ma ħallitux ma jagħmel xejn. Biex jirmedja beda jgħallihom il-katekiżmu. Barra minn dan, meta ra li l-kappella ta’ San Fermo kienet żgħira wisq biex taqdi n-nies tar-raħal, hu bena minn flusu knisja ikbar li ddedika għal Santa Marija Madalena.
Fiż-żmien qasir li għamel magħhom, in-nies ta’ Rampazzo laħqu ħabbewh lil Gejtanu, u għalhekk tgħidx kemm iddispjaċihom meta, bħal sajjetta f’nofs il-bnazzi, Gejtanu ddeċieda li jħalli Rampazzo biex imur Ruma. Ruma minn dejjem kellha bħal ġibda ta’ seħer għal nies ta’ kultura, atisti u nies ta’ fidi. Gejtanu kien ta’ kultura u kellu fidi profonda; iżda fuq kollox, kellu idejali għolja: kien iħoss li hu, żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena, kien meħtieġ Ruma għal xogħol kbir, li l-providenza kienet qed issejjaħlu għalih.
F’Ruma Gejtanu ma tilef xejn minn dik il-ġabra ta’ qdusija li fiha kien imrawwem: minflok ma qagħad jinħela jammira l-ġmiel u l-kobor ta’ l-arkitettura antika u moderna, hu kien iżur il-knejjes u l-katakombi tal-martri, fejn ta’ sikwit kien jgħaddi iljieli sħaħ ifittex li jimitahom fil-kuraġġ u l-eroiżmu tagħhom.
Għalkemm l-isem biss tal-familja tiegħu kien biżżejjed biex jiftaħlu l-bibien ta’ l-iktar familji għonja u influwenti tal-belt, hu kien ifittex il-fqar fil-kerrejjiet u l-morda fl-isptarijiet. Għalihom kien dejjem ikollu kelma ta’ faraġ, minbarra l-għajnuna materjali li kien iwasslilhom.
Gejtanu kien bin is-sinjuri, iżda billi ma kienx it-tifel il-kbir, sehmu mill-ġid tal-familja kien modest ħafna. Barra minn hekk, f’Rampazzo hu kien nefaq ħafna minn dak li kien imiss lilu fil-bini tal-knisja ta’ Santa Marija Madalena. Għalhekk, biex jgħajjex lilu nnifsu, hu ħtieġlu jidħol fis-servizz tal-Papa bħala prelat domestiku. Dak iż-żmien il-Papa kien Ġulju II, li ma damx ma ntebaħ bil-kwalitajiet sbieħ tal-qaddis tagħna. Meta għalhekk inħolqot vakanza ta’ Protonotarju Appostoliku, għal din il-kariga għolja hu nnomina lil Gejtanu. Ix-xogħol tal-protonotarji appostoliċi kien li jabbozzaw il-bolli u d-dokumenti papali. Huma kienu jieħdu preċedenza saħansitra fuq l-arċisqfijiet u, ħafna drabi, il-kardinali kienu jintgħażlu minn fosthom. Barra minn dan, il-kariga kellha marbut magħha dħul sustanzjali ta’ ġid materjali.
L-unuri ma kenux jagħmlu bih lil Gejtanu: hu kien jagħmel ix-xogħol tiegħu bl-ikbar reqqa u dak li kien jibqagħlu mid-dħul tiegħu, kien jgħaddih lill-foqra. Imma l-lussu ta’ madwaru u l-użanza li l-benefiċċji ekkleżjastiċi jinbigħu lil min jiflaħ iħallas, xejn ma kienu jogħġnu ’l Gejtanu; għalhekk wara l-mewt ta’ ġulju II, hu rrinunzja għall-kariga tiegħu.
Sadanittant f’Ruma Gejtanu ltaqa’ ma’ għadd ta’ nies twajba, saċerdoti u lajċi, li kienu ngħaqdu flimkien f’konfraternita’ msejħa ta’ l-“Imħabba divina”. Dawn kienu jiddiskutu, fil-laqgħat tagħhom, dwar l-istat ikrah tal-Knisja ta’ żmienhom u fehmu li biex jirrifurmawha l-aħjar kien li jibdew minnhom infushom. Għalhekk kienu jersqu għall-qrar u t-tqarbin ta’ sikwit, jagħmlu għemejjel ta’ karita’, jitolbu flimkien u jistudjaw.
Kien fi ħdan din il-konfraternita’ li l-ħajra qadima għas-saċerdozju, li f’Gejtanu qatt ma kienet mietet, reġgħet ħadet il-ħajja. Fehem li bħala saċerdot kien jista’ jiswa aktar għall-poplu ta’ Alla. Barra minn hekk, irrealiza li l-umilta’ wkoll, li s’issa żammitu milli jieħu l-pass deċisiv, kienet virtu’ li seta’ jitħarreġ fiha wkoll bħala saċerdot. Għalhekk, wara tliet snin tħejjija, Gejtanu ordna saċerdot fit-30 ta’ Settembru ta’ l-1516 u, wara rtir ta’ tliet xhur, qaddes għall-ewwel darba nhar l-Epifanija tassena ta’ wara, fil-bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.
Kien f’din l-istess bażilika li, fil-lejl tal-Milied ta’ l-istess sena, 1517, irċieva grazzja straordinarja. Kien qed jitlob f’din il-bażilika, eżattament fil-kappella tal-maxtura, hekk imsejħa għaliex skond it-tradizzjoni, fiha kien hemm xi njam mill-maxtura ta’ Betlehem, meta f’daqqa waħda, , Gejtanu medd dirgħajh ’il quddiem, bla ma jaf għaliex, lejn il-kwadru tal-Madonna, qisu biex jilqa’ minn għandha xi ħaġa. Dak il-ħin ġara dak li ma jitwemminx: l-Imqaddsa Marija qegħdet f’dirgħajn Gejtanu t-tarbija ġesu’. “Tassew qalbi iebsa!”, kiteb Gejtanu lil Laura Mignani, soru minn Brescia, f’ittra li minnha nafu b’din il-ġrajja, “li qalbi ma dabetx dak il-ħin.” U kompla qisu bi tnehida: “Paċenzja!” L-istess dehra, dejjem fuq l-awtorita’ ta’ l-istess ittra, irrepetiet ruħha fil-festi taċ-ċirkonċiżjoni u l-Epifanija.
Fl-1518 il-Kontessa Marija, omm San Gejtanu, mardet gravament u għalhekk il-qaddis kellu jerġa’ lura Viċenza, wara nuqqas ta’ tlettax-il sena. Gejtanu assista ma’ommu fil-ħtiġijiet spiritwali u temporali tagħha, u din, wara li għamlilha l-aħħar sagramenti, mietet Fidejh f’Awissu ta’ l-istess sena.
Wara l-mewt ta’ ommu, il-qaddis ħtieġlu jibqa’ f’Viċenza minħabba r-responsabbiltajiet familjari tiegħu. Hu, issa kien il-kap tal-familja, għaliex ħuh, Giambattista, miet ukoll dik il-ħabta. Wara li ħallas id-djun kollha li ħuh kien daħal fihom u ffissa pensjoni xierqa għal neputija żagħżugħa, hu qassam kull ma baqa’ lill-kuġini. “Jinħtieġ nixxenqu li Kristu jsaltan fina, kuljum dejjem iżjed”, kiteb fl-ittra li bagħat lill-kuġini biex jgħarrafhom bl-għotja tiegħu. “Qed nara li Kristu kien fqir waqt li jiena sinjur; Hu mżeblaħ u jiena onorat; Hu fit-tbatija u jiena fit-tgawdija. Nixtieq nagħmel xi ħaġa għalih, għalhekk qiegħed inħallielkom kull m’għandi żejjed aktar milli neħtieġ”. Għalaq l-ittra bi twissija biex j.inqdew tajjeb bil-ġid li ħallielhom: “Tinsewx li ġurnata l-mewt għad tiblgħalkom kollox.” Għalih hu żżamm biss xi ftit biċċiet ta’ art li ma damx ma ddispona minnhom ukoll.
Matul iż-żmien li Gejtanu dam f’Viċenza, wieħed m’għandux jaħseb li għammar fil-palazz tal-familja! Kif kien imdorri jagħmel Ruma, hu kien jgħix f’kamra fl-isptar tal-belt, fejn seta’ jkun qrib il-morda u seta’ jgħinhom fil-ħtiġijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom.
F’Viċenza Gejtanu ngħaqad ma’ konfraternita’, jew Oratorju, imsejjaħ ta’ San Ġirolmu, li kien imfassal fuq dak ta’ l-”Imħabba divina” ta’ Ruma, iżda li kien jiġbor fih nies mill-klassi l-aktar baxxa. Naturalment, is-sħubija tiegħu f’dan l-Oratorju naffret lill-qraba tiegħu. L-għan ta’ dan l-Oratorju kien li jgħin lill-foqra u l-morda kemm fl-isptarijiet u kemm fi djarhom. “F’dan l-Oratorju aħna nfittxu naqdu ’l Alla u nagħtuh qima,” kien jgħid lill-imseħbin, “iżda hu fl-isptar li aħna niltaqgħu miegħu tassew.”
Gejtanu dam Viċenza tliet snin. Minn hemm telaq għal Verona fejn waqqaf konfraternita’ tixbah lil dik ta’ Viċenza. Imma Gejtanu dam ħames xhur biss Verona, għaliex b’ubbidjenza għall-konfessur tiegħu, id-dumnikan Patri Gann Battista minn Crema, Gejtanu rħielha għal Venezja fejn, skond id-drawwa tiegħu, mar joqgħod fl-isptar il-ġdid tal-belt, li tant ħadem fih, li tqies il-fundatur ewlieni tiegħu. Kollox kien jagħmel: jagħmilha ta’ direttur, idur bil-morda, u jwettaq l-iktar xogħol ta’ strapazz. Barra minn dan, matul is-sentejn li għamel Venezja, Hu xerred id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u daħħal l-użanza tal-kwaranturi fil-belt. “Ma nistrieħ qatt”, kiteb fl-ittri tiegħu, “qabel nara ’l-Insara kollha jinġabru bħal tfal żgħar kollhom ħrara u ferħ, u mhux bil-biża’ u mistħija falza, madwar il-ħobż tal-ħajja.”
Lejn tmiem is-sena 1523, Gejtanu, dejjem ubbidjenti għall-konfessur tiegħu, ħalla Venezja u telaq lejn Ruma mill-ġdid. Dik il-ħabta, l-istat tal-Knisja fil-belt kapitali kien jaqsamlek qalbek. Il-korruzzjoni kienet imxerrda ma’ kullimkien. It-taħsir tal-fidi u l-ħażen morali li jimxu miegħu, ma kenux jitrażżnu mill-kleru; anzi kienu ħafna s-saċerdoti, regolari u sekolari, u saħansitra prelati, li kienu huma nfushom mgħarrgħa fil-vizzju u l-indifferenza. Il-Knisja kienet marida minn fuq s’isfel.
F’Ruma qalb Gejtanu ingħafset għal tant ħsara; għalhekk mar u fittex lil sħabu ta’ l-Oratorju ta’ l-“Imħabba divina” u ddiskuta magħhom dwar x’setgħu jagħmlu biex il-Knisja tintrefa’ mill-istat li kienet fih. Huma qablu li l-aktar li setgħu jagħmlu kien li jqajmu mill-ġdid fost il-kleru l-ispirtu u l-ħeġġa li kellhom l-appostli fil-bidu tal-Knisja. Imma kif jagħmlu dan?
L-ispirazzjoni ġiet waqt diskursata li Gejtanu kellu ma’ Don Bonifaċju da Colle, qassis żagħżugħ minn Milan, waqt waħda miż-żjajjar li kienu jagħmlu flimkien fl-isptarijiet: jibdew huma u jkunu bħal ħmira fost il-kleru ta; Ruma. Iva, li jwaqqfu komunita’ ta’ saċerdoti ta’ ħajja komuni tixbah lil dik ta’ l-appostli. Mons. Ġann Pietru Carafa, Isqof ta’ Chieti u li wara sar Papa bl-isem ta’ Pawlu IV, malli sema’ bl-idea, imtela bl-entużjażmu u xtaq li jkun wieħed mill-membri fundaturi tal-kongregazzjoni l-ġdida; iżda Gejtanu ma xtaqx li jkun hemm dinjitarji fost il-membri. Carafa solva l-problema billi rriżenja mid-djoċesi ta’ Chieti. Magħhom ingħaqad ukoll saċerdot Ruman, Don Paolo Consilieri, li bħat-tlieta l-oħra kien ukoll membru ta’ l-Oratorju ta’ l-“Imħabba divina”.
Il-kongregazzjoni l-ġdida kellha tkun waħda ta’ kjeriċi regolari, jiġifieri ta’ saċerdoti li jgħixu flimkien taħt rrgola. Din ġiet approvata mill-Papa Klement VII, li għall-ewwel sab diffikulta’ minħabba li l-kjeriċi l-ġodda kienu jipproponu li jgħixu f’faqar hekk rigoruż, li lanqas jittalbu.
“Kif, allura intom tridu tittantaw ’l Alla jagħmel il-mirakli magħkom biex tgħixu?” staqsihom.
Gejtanu wieġeb bil-pass tal-Vanġelu: “ħarsu lejn l-għasafar tas-sema: la jiżirgħu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li qiegħed fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx iktar minnhom?”
Il-Papa baqa’ milqut bil-fidi ta’ Gejtanu: “Emmnuni, imkien f’Iżrael ma rajt fidi bħal din!” esklama; u approva l-kongregazzjoni l-ġdida. Infatti, fl-24 ta’ Mejju ta’ l-1524 Gejtanu rċieva l-Bolla tal-Papa li tathom is-setgħa jagħmlu l-professjoni solenni fil-kongregazzjoni l-ġdida. Din il-professjoni għamluha fl-4 ta’ Settembru ta’ l-istess sena fil-bażilika ta’ San Pietru.
Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali tal-kongregazzjoni l-ġdida ntgħażel l-Isqof Carafa, li għalkemm ma kienx għadu Isqof ta’ Chieti, baqa’ jgawdi t-titlu tal-belt: bil-latin ‘Theate’. Minn hawn ġej l-isem ‘Teatini’, li bih il-kjeriċi regolari ta’ San Gejtanu huma magħrufa.
L-għanijiet ewlenin li l-komunita’ l-ġdida addottat għaliha nfisha kienu: jagħtu tagħlim sod lill-poplu, iduru bil-morda, iħeġġu għall-qrar u t-tqarbin ta’ sikwit, jagħtu spinta mill-ġdid lill-istudju u drawwiet t-tajba fil-kleru, u ċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa kif jixraq. Viċin id-dar tagħhom f’Campo Marzio, kien hemm daqsxejn ta’ knisja kważi abbandunata, iddedikata lil San Nikola. It-Teatini ħaduha f’idejhom u minnha għamlu ġojjel ta’ ordni u ndafa. Dan, flimkien mas-servizz ta’ qrar li kienu jagħtu u l-mod dinjituż li bih kienu jiċċelebraw il-liturġija, għamlu l-knisja ferm imfittxija mhux biss min-nies ta’ l-inħawi, imma wkoll minn bosta naħat oħra ta’ Ruma. Barra minn hekk, it-Teatini kienu sikwit jissejħu biex jippriedkaw fil-knejjes l-oħra kbar tal-belt. Imma l-ikbar appostolat tagħhom kienu jagħmluh bix-xhieda ta’ ħajjithom. Kulħadd kien jammira l-umilta’ tagħhom u d-dedikazzjoni li biha kienu jaqdu ’l-morda fl-isptar ta’ San Ġakbu. Fis-Sena Mqaddsa ta’ l-1525 ix-xogħol tagħhom f’dan l-isptar iktar milli rdoppja minħabba l-epidemja tal-pesta li faqqgħet kawża tan-numnx kbir ta’ pellegrini li żaru l-Belt Imqaddsa f’dik is-sena.
Il-kongregazzjoni tat-Teatini kibret bil-mod, anzi għal ftit ma nqeeditx meta fi-sena 1527 l-armata ta’ l-imperatur Karlu V, ħabtet għal Ruma u nisslet fiha straġi sħiħa. Is-suldati, ħafna minnhom luterani u ndixxiplinati, bdew jidħlu fil-knejjes u jħarbtu u jisirqu kulma jsibu. Wieħed mis-suldati, li fl-imgħoddi kien qaddej tal-familja Thiene, webbel lil sħabu jaħbtu għal Gejtanu fuq il-għolja tal-Pincio, fejn kienu jinsabu t-Teatini. Gejtanu kien il-werriet waħdieni ta’ familja għanja u bilfors li l-ġid tal-familja kien waqa’ fuqu; jekk jisirquh, jirnexxilhom idabbru kemxa ġmielha. Kbir kien għalhekk id-diżappunt tas-suldati, meta wara tfittxija bir-reqqa mad-dar kollha, ma sabu xejn. Għalhekk infexxew f’atti ta’ ħruxija kontra Gejtanu u sħabu. Sawtuhom, kaxkruhom barra mid-dar, u lil Gejtanu, wara li neżżgħuh minn ħwejġu, għalquh ġo kaxxa kbira, u għal ftit ma qasmuhx, meta għalqu fuqu għatu tqil tal-kaxxa, waqt li saqajh kienu għadhom imdendla ’l barra. Wara rabtuh ma’ travu minn qaddu u qagħdu jiddevertu jtellgħuh sas-saqaf u jitilquh b’sabta mill-għoli. Li Gejtanu baqa’ ħaj kien miraklu.
Meta xebgħet, il-marmalja telqet, iżda mhux qabel ma għamlet ħerba mid-dar tat-Teatini. Dawn għalhekk kellhom iħallu Ruma u jaħarbu lejn Venezja, fejn ġew milqugħa minn sħabhom ta’ l-Oratorju ta’ l-“Imħabba divina”, li Gejtanu kien waqqaf qabel meta kien Venezja. F’Venezja komplew jaħdmu u jippriedkaw, iżda ma telqux l-istudju. Anzi, Fiż-żmien li qattgħu Venezja, indaħlu għal biċċa xogħol kbira u meħtieġa: ir-riforma ta’ l-Uffiċċju Divin, li llum insejħulu l-‘Liturġija tas-Sigħat’. Dak iż-żmien l-Uffiċċju Divin kien imħawwad ħafna, u Gejtanu u sħabu ħasbu li jirranġawh għall-Ordni tagħhom. Fil-21 ta’ Jannar 1529, Papa Klement VII, b’Bolla, aċċetta li dan l-Uffiċċju riformat ikun użat mit-Teatini bi prova għal sena. Iktar tard, wara l-Konċilju ta’ Trentu, meta allura San Gejtanu kien mejjet, Papa Piju V addotta dan l-Uffiċċju għall-Knisja kollha.
Meta fis-sena 1530, Carafa għalaqlu ż-żmien bħala Superjur Ġenerali, Gejtanu ntgħazel, kontra qalbu, biex ikun is-Superjur minfloku. Madankollu, minkejja r-responsabbiltajiet ġodda li tgħabba bihom, Gejtanu ma naqqas xejn mill-ħidma tiegħu; kien jispira l-kleru bil-ħeġġa u d-dedikazzjoni tiegħu: dedikazzjoni li dehret l-aktar li waqt epidemja tal-pesta li ħakmet il-belt u l-karestija qalila li ġiet warajha.
Gejtanu dam tliet snin biss Superjur, għaliex meta għalaqlu ż-żmien, reġa’ ntgħażel floku Carafa. Dan bagħat lil Gejtanu bagħtu Verona, fejn il-kleru u l-lajċi kienu qamu f’rewwixta kontra l-isqof tagħom, minħabba r-riformi u d-dixxiplina li dan ried idaħħal fosthom. Gejtanu ħadem kemm felaħ biex ireġġa’ l-kelru u l-poplu għall-ubbidjenza. Iżda wara ftit reġa’ ġie msejjaħ biex imur Napli, fejn, flimkien ma’ patri ieħor, il-Beatu Ġwann Morinoni, kellu jwaqqaf it-Teatini.
F’Napli ntlaqgħu tajjeb, speċjalment mill-Konti ta’ Oppido li tahom id-dar tiegħu stess biex joqogħdu fiha. Dan il-Konti kien ġeneruż għall-aħħar, hekk li meta ra x-xogħol kbir li t-Teatini lieienu qegħdin jagħmlu, offrielhom qasam kbir ta’ art. Għal din l-offerta Gejtanu indihex, u qal lill-Konti: “Nirringrazzjak ta’ l-offergta tiegħek, imma nitolbok iżżomm għalik il-merti tal-ħsieb qaddis tiegħek, u lilna tħallina ngħixu l-faqar li pprofessajna.”
Iżda l-Konti kien persistenti, u biex jijipperswadi l-qaddis jaċċetta l-offerta, bagħat xi saċerdoti biex jippruvaw jikkoncvinċuh. Fost ħwejjeġ oħra lil Gejtanu dawn qalulu li kien prużuntuż, għax kien qed jittenta ’l Alla jagħmel miraklu miegħu kull darba. Gejtanu wieġeb li l-faqar tiegħu ma kienx prużunzjoni, ladarba kien approvat mill-Knisja u kien jaqbel mal-pariri tal-Vanġelu. Barra minn hekk, sa dak in-nhar, Alla dejjem ħa ħsiebhom, ukoll waqt il-karestija kiefra li kien hemm Venezja.
“Iżda intom f’Napli qegħdin”, qalulu, “u n-nies ta’ Napli mhumiex hekk ġenerużi bħan-nies ta’ Venezja!”
“Jista’ jkun”, weġibhom Gejtanu, “imma tinsewx li Alla ta’ Napli hu l-istess Alla ta’ Venezja.”
L-effett tal-ħidma u l-eżempju ta’ Gejtanu f’Napli ma damx ma beda jinħass. Kienet tidher bidla għall-aħjar fid-drawwiet u l-ħajja reliġjuża tal-poplu, avolja mas-saqajn kien hemm tliet eretiċi, tnejn minnhom ex-patrijiet, li kienu qegħdin jimminaw il-fidi bit-tagħlim tagħhom. Gejtanu malajr wera l-qerq ta’ dawn it-tlieta, hekk li ħadd ma baqa’ agħti kashom.
Iżda l-appostolat tat-Teatini ma kienx biss fil-qasam spiritwali. F’Napli kien hemm ħafna faqar u l-bankiera Lhud kienu japprofittaw irwieħhom mill-ħtieġa ta’ l-imsejkna u jitolbu imgħaxijiet esaġerati fuq is-self li kienu jagħtuhom. Biex jgħin lil dawn, Gejtanu, bl-għajnuna tal-Konti ta’ Oppido, fetaħ bank ta’ self li kien jitlob bizz minn min jissellef, xi ħaġa li titħalla bħala rahan, li wara kien jeħodha lura. Minħabba li dan is-self kien bla imgħax, il-bank issejjaħ ‘Monte di Pieta’’, jiġifieri ‘Bank tal-ħniena’. L-istituzzjoni li waqqaf Gejtanu rnexxiet, u wara l-mewt tal-Qaddis żviluppat f’azjenda kbira, li hi l-Bank ta’ Napli.
Issa Gejtanu beda jidher jixjieħ, mhux biss minħabba s-snin li għaddew minn fuqu, daqskemm minħabba x-xogħol bla hedu li kien jagħmel minkejja li riġlu waħda kienet sikwit iżżommlu. Imma minflok il-mistrieħ, fuqu waqgħet mill-ġdid it-tmexxija ta’ l-Ordni, għaliex Carafa ġie mgħolli għad-dinjita’ ta’ kardinal, u għalhekk kellu jħalli l-kariga ta’ Superjur ġenerali vakanti.
B’danakollu, la x-xogħol u lanqas ir-responsabbilta’ ma kienu jfixklu ’l Gejtanu jikber fl-imħabba lejn Alla. Huma ħafna l-esperjenzi mistiċi li ġew irraportati dwar il-qaddis. Darba minnhom, waqt li kien jimmedita fuq it-l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin, intilef f’estasi u qalbu dehret ħierġa minn sidru, trabbi l-ġwienaħ, u ttir lejn it-tabernaklu, waqt li mit-tabernaklu dehret ħierġa qalb oħra li daħlet f’sider Gejtanu. Darb’oħra, waqt li kien quddiem ġesu’ Sagramentat jibki għad-dnubiet tal-bnedmin, deherlu Ġesu’ mgħobbi s-salib, li talbu jserrħu mit-toqol tiegħu. Gejtanu offra spallejh u Ġesu’ għabba fuqhom is-salib. Gejtanu ħass it-toqol hekk kbir li stqarr li kien jitgħaffeġ taħtu, kieku Ġesu’ ma wiżnux bl-għajnuna tiegħu.
Fis-sena 1547 faqqgħet f’Napli gwerra ċivili. Kont tara ġlied fit-toroq, familji mifruda kontra xulxin, u nies mitfugħin il-ħabs. Gejtanu, mimli ħeġġa, beda jiġġerra mat-triqat b’salib f’idu, jippriedka l-paċi u jikkalma lix-xewwiexa. Iżda kien kollox jidher qisu għalxejn, għax il-ġlied, flok naqas, iktar ħrax. Qalbu maqsuma, Gejtanu mar intasab quddiem Ġesu’ Sagramentar, jitolbu jaqla’ minn għandu dak li ma rnexxilux iġib b’ħidmietu. F’imħabbtu għall-poplu, offra ħajtu b’sagrifiċċju, basta tiġi l-paċi fil-belt. U t-talba tiegħu instemgħat, għax Gejtanu malajr ħass il-forzi tiegħu jonqsu tant li fis-sajf ta’ l-istess sena, marad marda qasira ta’ ħafna uġiegħ, li sofra b’sabar ta’ l-għaġeb. Mixħut fuq ftit twavel, Gejtanu baqa’ jgħakkes lilu nnifsu, u meta t-tobba qalulu biex juża saqqu flok twavel, weġibhom: “Il-Feddej tiegħi miet fuq salib; ħalluni mela mmut fuq l-injam. Dan il-ġisem ħabbatni tant f’ħajti, sejjer jiena nfissdu f’mewti?” Dam iġebbed ġimgħa, sakemm miet f’jum il-ħadd, 7 ta’ Awissu 1547, fis-sebgħa ta’ f l-għaxija, fl-eta’ ta’ sebgħa u sittin sena.
ħaġa ta’ l-għaġeb! Mal-mewt tal-qaddis, il-kalma reġgħet waqgħet f’Napli, u n-nies tal-belt, li għarfet li l-paċi kienet immeritata mis-sagrifiċċju suprem ta’ Gejtanu, ġriet lejn il-knisja ta’ San Pawl Maggiore fejn ġismu kien jinsab għall-qima.
Gejtanu, madankollu, wara mewtu, qisu bħal intesa. Ma kienx qabel għaddew 72 sena, li ġie bbeatifikat fit-8 ta’ Ottubru ta’ 1629. ġie kkanonizzat fil-Bażilika ta’ San Pietru fit-12 ta’ April 1671, mill-Papa Klement X.
San Gejtanu hu wieħed mill-aqwa figuri tar-riforma kattolika ta’ qabel il-Konċilju ta’ Trentu. Hu kien l-ideatur tal-kjeriċi regolari, istituzzjoni fil-Knisja li għenet ħafna r-riforma kattolika. Fuq il-mudell tiegħu, kienu ħafna l-fundaturi li waqqfu kongregazzjonijiet ta’ kjeriċi regolari, fosthom dik tal-Ġiżwiti. San Gejtanu hu eżempju ta’ bniedem li flok qagħad jibki u jnewwaħ fuq l-istat ikrah tal-Knisja ta’ żmienu, medd idejh u għamel xi ħaġa biex iqiegħed lill-Knisja mill-ġdid fit-triq tal-fejqan.
