Il-qtil tal-innoċenti f’Gaża. Artiklu mill-Isqof Joe Galea Curmi

Artiklu mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi li ġie ppubblikat fuq Newsbook Malta fl-10 t’Awwissu 2025.

Ritratt: Caritas Internationalis

Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-Evanġelju skont San Mattew jirrakkonta ġrajja ta’ qsim il-qalb li hija paġna kerha fil-bidu tat-Testment il-Ġdid: il-Massakru tat-Trabi Innoċenti. Is-sultan Erodi, imbeżża’ mit-twelid ta’ “sultan ġdid”, jordna l-qtil ta’ kull tifel taħt sentejn f’Betlehem u fl-inħawi tagħha. Din hija storja ta’ biża’, ta’ kefrija, u ta’ moħqrija – u ta’ dawk l-innoċenti li spiċċaw vittmi f’nofs il-kilba għall-poter ta’ tirann.

F’dawn l-aħħar xhur, id-dinja rat orrur terribbli: f’Gaża, eluf ta’ ħajjiet innoċenti – ħafna minnhom tfal – ġew maqtula bla ħniena. Dak li qed jiġri f’Gaża mhuwiex sempliċement “kunflitt” bejn żewġ naħat ugwali. Hija katastrofi umanitarja. Familji sħaħ ġew meqruda bl-attakki mill-ajru. Skejjel, sptarijiet, kampijiet tar-refuġjati – li suppost huma protetti mil-liġi internazzjonali – ġew ridotti għal xeni ta’ diżastru. Il-karba tal-ġenituri li jibku, is-skiet tat-tfal midfuna, u l-uġigħ hekk iebes ta’ min baqa’ ħaj, għandhom jheżżu l-kuxjenza tal-umanità.

L-ebda raġunament politiku, l-ebda argument dwar is-sigurtà, ma jista’ qatt jiġġustifika l-qtil tal-massa tal-popolazzjoni ċivili. Il-liġi internazzjonali hi ċara: il-mira intenzjonata jew bla rażan tal-popolazzjoni hi delitt tal-gwerra. U madankollu, f’Gaża, l-iskala tal-qerda u l-proporzjon tal-vittmi ċivili ma jistgħux jitqiesu bħala ħsara kollaterali. Dawn juru disprezz stematiku lejn il-ħajja innoċenti.

Id-dinja trid tagħraf ir-realtà kiefra: dan huwa massakru tal-innoċenti. Meta jaqgħu l-bombi fuq familji reqdin, meta tfal jinħarġu mejta għax ikunu ntradmu taħt il-fdalijiet, meta trabi jitilfu ħajjithom fl-inkubatri minħabba qtugħ tad-dawl, meta nies imutu bil-ġuħ – ma nkunux qed naraw traġedja li ġrat minħabba ċ-ċirkustanzi, imma traġedja minħabba għażla. Hi l-għażla ta’ mexxejja li jippreferu l-vendetta flok il-ġustizzja, id-dominazzjoni flok id-djalogu, u l-vjolenza flok il-paċi.

L-ebda raġunament politiku, l-ebda argument dwar is-sigurtà, ma jista’ qatt jiġġustifika l-qtil tal-massa tal-popolazzjoni ċivili.

Għandna ngħiduha ċara: il-qtil bla waqfien ta’ nies innoċenti huwa l-ħażen fl-agħar tiegħu. Ma jistax jiġi mgħotti b’lingwaġġ politiku jew moħbi b’ewfemiżmi diplomatiċi. F’kull tifel jew tifla maqtula hemm univers meqrud. Kull ġenitur li jidfen lil ibnu jew lil bintu jingħaqad mal-bikja li darba nstemgħet f’Rama: “Rakel tibki lil uliedha, u ma tridx min ifarraġha, għax m’għadhomx iżjed” (Mt 2:18).

Li nikkundannaw il-massakru tal-innoċenti f’Gaża ma jfissirx li b’xi mod innaqqsu mill-uġigħ ta’ nies innoċenti oħra. Familji Iżraeljani wkoll sofrew vjolenza terribbli minn Hamas. L-attakki tas-7 ta’ Ottubru kienu atroċi. Il-qagħda tal-biki tal-ostaġġi hija u tibqa’ ġerħa miftuħa. Dan kollu għandu jiġi kkundannat bl-aktar mod qawwi. Imma ebda atrocità ma tiġġustifika oħra. Ir-risposta ta’ Iżrael li qed tittrasforma żoni ċivili densi f’żoni ta’ sparar liberu mhix difiża. Hija kastig kollettiv. U l-kastig kollettiv huwa wkoll delitt.

F’Gaża qed naraw ġenerazzjoni mmarkata mit-trawma, imċaħħda mill-edukazzjoni, mis-saħħa u mis-sigurtà – ġenerazzjoni midfuna taħt il-fdalijiet tal-gwerra u tal-indifferenza. Jekk id-dinja tħalli dan ikompli, mhux biss inkunu fallejna rigward it-tfal ta’ Gaża. Inkunu fallejna l-umanità tagħna stess.

Ejjew ngħollu leħinna, nibku lil dawk li m’għadhomx magħna, u nitolbu li tintrefa’ r-responsabbiltà minn min jittratta l-ħajja b’dal-mod. Permezz tad-donazzjonijiet tagħna lill-Caritas, ejjew ngħinu u nappoġġjaw lil tant nies innoċenti ta’ Gaża. Id-dinjità ta’ kull ħajja umana – Iżraeljana, Palestinjana, jew oħra – trid tkun il-punt tat-tluq għall-ġustizzja u għall-paċi vera.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading