Marija hi fjamma tat-tama. Omelija mill-Kardinal Mario Grech fil-Velja tal-Għid tal-Assunta

Il-Ħamis, 14 ta’ Awwissu 2025: Omelija mill-Kardinal Mario Grech fil-Velja tal-Għid tal-Assunta. Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Ċelebrazzjoni sħiħa:

Omelija biss:

Omelija mill-Kardinal Mario Grech

Tgerbu 75 sena minn meta l-Papa Piju XII iddikjara li t-Tlugħ ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem fis-Sema hija domma ta’ fidi. Kienu diversi l-motivi li wasslu lill-Papa biex jieħu din id-deċiżjoni straordinarja f’dak il-mument tal-istorja; imma ħafna huma tal-fehma li Piju XII għażel dak iż-żmien biex ipoġġi din il-perla prezzjuża fil-kuruna ta’ Santa Marija proprju għaliex l-umanità kellha bżonn ta’ min jixgħelilha l-fjamma tat-tama li kienet qed tintefa.

Fl-1950 id-dinja kienet qed tistejqer mit-Tieni Gwerra Dinjija. Ġimgħa ilu fakkarna t-80 anniversarju tal-qerda b’bomba atomika tal-belt ta’ Hiroshima fil-Ġappun. L-Ewropa kienet għarkupptejha – kemm it-telliefa u kemm ir-rebbieħa kienu ġarrbu devastazzjoni kbira. Iġġarrfu bliet sħaħ; imma agħar minn hekk, ħadu tisbita kbira miljuni ta’ persuni li sabu ruħhom imneżżgħa mhux biss minn ġidhom, imma wkoll mid-dinjità umana tagħhom minħabba l-brutalità li kellhom jaffrontaw jew jaraw. Kienu bla għadd dawk li tilfu ħajjithom u ħallew warajhom romol u ltiema. Fuq kollox, kien hemm it-theddida tal-Komuniżmu ateista li kien ukoll theddida għall-fidi Nisranija.

Fi ftit kliem, fl-Ewropa n-nies kienu tilfu kull tama, u bniedem bla tama huwa bniedem mejjet! Il-Papa Piju XII nnifsu fil-Kostituzzjoni Appostolika Munificentissimus Deus, li biha għamel id-Domma tal-Assunta fl-1 ta’ Novembru 1950, jikteb: “Hija tama tagħna li dawk li jimmeditaw fuq l-eżempju glorjuż li toffrilna Marija, ikunu aktar konvinti dwar il-valur tal-ħajja umana… Għalhekk, waqt li t-tagħlim falz tal-materjaliżmu u l-korruzzjoni tal-moralità li ġejja minn dan it-tagħlim jheddu li jitfgħu d-dlam fuq id-dawl tal-virtù u jeqirdu l-ħajja tal-bniedem billi jqanqlu l-inkwiet fosthom, b’dan il-mod mill-isbaħ kulħadd jista’ jara b’mod ċar lejn liema għan għoli huma msejħa ġisimna u ruħna. Fl-aħħar nett, it-tama tagħna hi li t-twemmin fl-Assunzjoni tal-Ġisem ta’ Marija fis-Sema jsaħħaħ it-twemmin tagħna fil-qawmien tagħna stess”.

Għaddew 75 sena, u ċ-cirkustanzi ta’ żminijietna ma humiex aħjar! F’soċjetà fejn qegħdin inħabbtu wiċċna ma’ diversi kriżijiet anki serji (persuni miksurin ma’ xulxin, familji mifrudin, diffikultajiet ekonomiċi, ambjentali, politiċi, u fuq kollox faqar spiritwali…) – sitwazzjonijiet li joħolqu sens ta’ inċertezza u sfiduċja – ma humiex ftit dawk li jħossu qalbhom titqal u moħħhom jiddallam. Mhux rari tisma’ lil min jilmenta li l-ħajja nbidlet għall-agħar! F’qagħda bħal din, bis-Solennità tal-lum il-komunità Nisranija għandha proposta x’tagħmel.

Għaliex dak li għaddiet minnu Marija, għad ngħaddu minnu aħna wkoll. L-Assunta hija għalina raġuni ta’ tama u ħarsa lejn dak li se nkunu. Id-destin tagħha huwa l-futur tagħna. Nistgħu ngħidu li bl-Assunzjoni, Marija rċeviet dak li stħaqqilha bħala Omm Ġesù. Hija li nisslet lil Ġesù, ħadet sehem fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt; għalina nfetaħ iż-żmien tal-wegħda – infetaħ hekk iż-żmien tat-tama u tal-konsolazzjoni. Matul dan iż-żmien il-Verġni tfakkarna li fejn tinsab hi diġà, se nkunu wkoll aħna. Fl-ittra li kitibli bħala Legat Straordinarju tiegħu fid-Djoċesi ta’ Għawdex għall-Festa ta’ Santa Marija, il-Papa Ljun XIV ifakkarna fl-“interċessjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija u l-Assunzjoni tagħha, għall-ġid tal-Insara, li fiha tingħata xhieda lil kull wieħed u waħda minnhom li Binha rebaħ il-mewt u li b’mod simili, fiha, jiġifieri l-Omm maħbuba u d-dixxiplu, irid idaħħal fil-ħajja lil dawk kollha li twieldu mill-ilma u l-Ispirtu”.

L-Assunzjoni mhijiex rakkont mitoloġiku ta’ ħtif ta’ kreatura lejn is-Sema, imma hija l-antiċipazzjoni tad-destin finali ta’ kull bniedem li jfittex lil Alla b’sinċerità tal-qalb. It-Tlugħ tagħha fis-Sema huwa sinjal tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fl-istess waqt jikkonsolida l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem għall-imgħammdin kollha. San Ġermanu ta’ Kostantinopli (madwar is-snin 635–733), meqjus bħala l-quċċata tal-Marjoloġija Patristika, jagħti tliet motivi għaliex Marija hija l-Assunta: jibda biex fil-mument tal-mewt ta’ Marija jqiegħed fuq fomm Ġesù dan il-kliem: “Ejja bil-qalb ħelwa ħdejn dak li ġġenerajt. Bħala iben, irrid nifraħ lilek; irrid inrodd lura d-dar fil-ġuf ommija, is-salarju tat-treddigħ, il-ħlas tal-edukazzjoni; irrid nagħtik ċertezza fil-qalb tiegħek. O Omm, int li kellek lili bħala iben waħdieni, agħżel li tgħix miegħi”. It-tieni raġuni hija s-safa u l-integrità totali ta’ Marija; it-tielet: ir-rwol ta’ interċessjoni u ta’ medjazzjoni li l-Verġni hija msejħa biex twettaq quddiem l-Iben favur il-bnedmin. Fil-fatt, fi żmien ta’ tfixkil, nikkontemplaw is-sema miftuħ u fih is-sinjal glorjuż tal-mara liebsa bix-xemx, jiġifieri liebsa b’Alla; l-imħabba għall-Verġni, imwassla fis-sala tar-Re, hija l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, dik li l-Papa Ljun fl-ittra li semmejt aktar ’il fuq sejħilha “mħabba li ma titfissirx bil-kliem ta’ Alla lejn il-bnedmin”.

It-tama hija l-virtù ta’ min, waqt li jġarrab il-kunflitt, il-ġlieda ta’ kuljum bejn il-ħajja u l-mewt, bejn it-tajjeb u l-ħażin, jemmen fil-Qawmien ta’ Kristu, fir-rebħa tal-Imħabba. Smajna l-Magnificat, l-għanja ta’ Marija: hija l-għanja tat-tama, l-għanja tal-Poplu ta’ Alla li miexi fl-istorja bl-inżul u t-tlugħ tagħha. Hija l-għanja ta’ ħafna minna li jaffrontaw il-ġlieda tal-ħajja bil-qalb mimlija bit-tama taż-żgħar u tal-umli. Fejn hemm is-Salib, għalina l-Insara hemm it-tama. Jekk ma hemmx tama, aħna m’aħniex Insara. Ma nħallu lil ħadd jisirqilna t-tama, għax din il-qawwa hija grazzja, rigal ta’ Alla li jmexxina ’l quddiem b’għajnejna lejn is-Sema. U Marija dejjem hemm, timxi magħna, tbati magħna, u tgħanni magħna l-Magnificat tat-tama. Marija mhix biss dik li għexet bit-tama, imma hija t-tama tagħna – Mater Spei!

Illum aktar minn qatt qabel, waqt li s-sħab mudlam tal-kriżijiet, tal-inġustizzji, tan-nuqqas ta’ ftehim, tal-firdiet u tal-mibegħda jċajpar is-sema, u joħloq għata li ma tħalliniex naraw id-dawl, Marija, mimlija bil-Grazzja, mimlija b’Alla, taqta’ n-nisġa tad-dlam biex tħalli lil dawk li jfittxu t-tama jħossu l-preżenza tagħha, u tħeġġiġhom jibnu pontijiet ta’ mħabba u paċi. Kull darba li l-Madonna kienet preżenti fl-istorja u fit-tbatijiet ta’ wliedha, qatt ma naqset is-sejħa u l-ħarsa lejn is-Sema; hi qed tistenniena u fl-istess ħin tħeġġiġna nimxu lejn is-Saltna ta’ Alla. L-Assunta hija l-garanzija brillanti li d-destin tas-salvazzjoni hu żgurat għal kulħadd, għax kif seħħ fiha, hekk ukoll fina, l-Irxoxt se jwettaq b’mod sħiħ il-fidwa tiegħu; hi diġà dak li aħna se nkunu fl-Għid tagħna.

Ilarju ta’ Poitiers, fil-Kummentarju tiegħu fuq is-Salmi (118,15,7), jirrakkonta l-mistoqsija li ħafna jagħmlu lill-Insara: “Fejn hi, ja Nsara, it-tama tagħkom?”. Din il-mistoqsija għandna nqisuha indirizzata direttament lilna llum li qed ngħixu f’‘soċjetà tal-inċertezza’, fi żmien fejn iż-żmien innifsu jidher imfarrak. Għax għalina l-Insara, it-tama hija responsabbiltà! Aħna msejħa biex nagħtu risposta lil kull min jitlobna r-raġuni (1 Piet 3:15: “kunu dejjem lesti biex twieġbu lil kull min jistaqsikom dwar it-tama li hemm fikom”). Din ir-responsabbiltà llum hija waħda mill-isfidi kbar tal-Knisja: tagħti tama lil ħajjiet konkreti, tiftaħ il-futur għal ħajjiet personali, turi li tiswa li wieħed jgħix u jmut għal Kristu.

Biex fl-1950 il-Papa Piju XII wasal ħalli jagħmel id-Domma tal-Assunta, huwa staqsa lill-isqfijiet tad-dinja kollha jekk fid-djoċesijiet tagħhom il-poplu ta’ Alla kellux devozzjoni lejn Marija Assunta. Dakinhar l-Isqof ta’ Għawdex Ġużeppi Pace kien bagħat jgħarraf lill-Papa bil-ġrajja li seħħet f’Għawdex, f’dan il-post qaddis fl-1883: meta l-Madonna qalet lil Karmni Grima biex tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li l-ġisem tal-Madonna dam fil-qabar. Fi kliem ieħor, ġensna kien jemmen fit-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem qabel saret id-Domma. Hekk kif dakinhar il-poplu Għawdxi u Malti offra s-sehem tiegħu biex issir din id-Domma tal-Assunzjoni, jalla llum il-poplu ta’ Alla f’dawn il-gżejjer jikkontribwixxi biex il-fjamma tat-tama f’Ġesù Kristu tibqa’ tixgħel fil-qlub ta’ ġensna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading