Il-Papa Ljun XIV dwar il-maħfra. Ħabbhom għall-aħħar.

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 20 ta’ Awwissu 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù.3. Il-maħfra. “Ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1)

Għeżież ħuti,

Illum se nieqfu fuq wieħed mill-ġesti l-aktar qawwija u mdawla tal-Vanġelu: il-mument li fih Ġesù, waqt l-Aħħar Ċena, inewwel loqma ħobż lil dak li sa jittradih. Mhuwiex biss ġest ta’ qsim, hu ħafna iktar minn hekk: huwa l-aħħar tentattiv tal-imħabba li ma ċċedix.

San Ġwann, bis-sensibbiltà spiritwali qawwija tiegħu, hekk jirrakuntahulna dak il-mument: “Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih” (Ġw 13:1-2). Ħabbhom għall-aħħar: dan hu l-muftieħ biex nifhmu l-qalb ta’ Kristu. Imħabba li ma ċċedix quddiem iċ-ċaħda, quddiem id-delużjoni, u lanqas quddiem l-ingratitudni.

Ġesù jafha s-siegħa, imma mhux iġarrabha: jagħżilha. Huwa hu li jagħraf il-mument li fih l-imħabba tiegħu trid tgħaddi mill-ġerħa tal-akbar tbatija, dik tat-tradiment. U flok ma jaħrab, ma jakkuża, ma jiddefendi ruħu… jibqa’ jħobb: jaħsel ir-riġlejn, ibill il-ħobż u jgħaddih.

“Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu” (Ġw 13:26). B’dan il-ġest sempliċi u umli, Ġesù jwassal sat-tmiem l-imħabba tiegħu. Mhux għax jinjora dak li qed jiġrilu, imma proprju għax qed jarah ċar. Fehem li l-libertà tal-ieħor, anki meta titkaxkar mill-ħażen, għadha tista’ tintlaħaq mid-dawl ta’ ġest twajjeb. Għax jaf li l-maħfra vera ma tistenniex l-indiema, imma toffri ruħha hi l-ewwel, bħala don mogħti b’xejn, qabel ma tiġi milqugħa.

Imma miskin Ġuda ma jifhimx. Wara li ħa l-ħobż – jgħid il-Vanġelu – “daħal fih ix-Xitan” (v. 27). Din is-silta tolqotna: bħallikieku l-ħażin, li sa dak il-ħin kien moħbi, wera ruħu wara li l-imħabba kixfet il-wiċċ tagħha. U proprju għalhekk, ħuti, dik il-biċċa ħobż hi s-salvazzjoni tagħna: għax turina li Alla jagħmel minn kollox – proprju kollox – biex jilħaqna, imqar fis-siegħa li fiha aħna niċħduh.

Huwa hawn li l-maħfra tidher fil-qawwa kollha tagħha u turi l-wiċċ konkret tat-tama. Mhix li wieħed jinsa, jew xi dgħufija. Hija l-ħila li tħalli lill-ieħor liberu, imqar jekk tħobb sal-aħħar. L-imħabba ta’ Ġesù ma tiċħadx il-verità tat-tbatija, imma ma tħallix li l-ħażen jgħid l-aħħar kelma. Dan huwa l-misteru li Ġesù jagħmel għalina, li fih aħna wkoll, xi drabi, aħna msejħin nieħdu sehem.

Kemm relazzjonijiet jitfarrku, kemm stejjer jikkumplikaw ruħhom, kemm kliem li ma jingħadx jibqa’ mdendel. Imma l-Vanġelu jurina li dejjem hemm mod kif inkomplu nħobbu, anki meta kollox jidher kompromess bla ebda rimedju. Li naħfru ma jfissirx niċħdu l-ħażen, imma li ma nħalluhx jikkawża ħażen ieħor. Ma jfissirx li ngħidu li ma ġara xejn, imma li nagħmlu kulma hu possibbli biex ma tkunx ir-rabja li tiddeċiedi l-futur.

Meta Ġuda jħalli l-kamra, “kien billejl” (v. 30). Imma dritt wara Ġesù jgħid: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa” (v. 31). Il-lejl hemm għadu, imma diġà beda jiddi dawl ġdid. U jiddi għax Kristu jibqa’ fidil sal-aħħar, u hekk l-imħabba tiegħu hi aqwa mill-mibegħda.

Għeżież ħuti, aħna wkoll ngħaddu minn iljieli ta’ tbatija u taħbit. Iljieli tar-ruħ, iljieli tad-delużjoni, iljieli li fihom xi ħadd darabna jew ittradiena. F’dawk il-mumenti, it-tentazzjoni tkun li ningħalqu fina nfusna, nipproteġu ruħna, inpattu lura d-daqqa. Imma l-Mulej jurina t-tama li teżisti, li dejjem teżisti triq oħra. Jgħallimna li nistgħu noffru loqma ħobż imqar lil min jagħtina dahru. Li nistgħu nwieġbu bis-skiet tal-fiduċja. U li nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem b’dinjità, bla ma niċħdu l-imħabba.

Nitolbu llum il-grazzja li nagħrfu naħfru, anki meta ma nħossuniex mifhuma, anki meta nħossuna abbandunati. Għax huwa proprju f’dawk is-sigħat li l-imħabba tista’ tilħaq il-quċċata tagħha. Kif jgħallimna Ġesù, li tħobb ifisser tħalli l-persuna l-oħra libera – anki li tittradik – bla ma qatt tieqaf temmen li saħansitra dik il-libertà, midruba u mitlufa, tista’ tiġi maħtufa minn taħt idejn l-ingann tad-dlamijiet u mogħtija lura lid-dawl tat-tjieba.

Meta d-dawl tal-maħfra jirnexxilu jinfed qalb ix-xquq fil-qiegħ nett tal-qalb, nifhmu li qatt mhi inutli. Imqar jekk l-ieħor ma jilqagħhiex, imqar jekk tidher vojta, il-maħfra teħles lil min jagħtiha: tħoll ir-rabja, trodd is-sliem, tagħtina lura lilna nfusna.

Ġesù, bil-ġest sempliċi tal-ħobż offrut, juri li kull tradiment jista’ jsir okkażjoni ta’ salvazzjoni, jekk magħżul bħala spazju għal imħabba ikbar. Ma jċedix għall-ħażen, imma jirbħu bit-tajjeb, u ma jħallihx jitfi dak li fina hu l-aktar ħaġa vera: il-ħila li nħobbu.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading