IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 24 ta’ Awwissu, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Fil-qalba tal-Evanġelju tal-lum (Lq 13,22-30) għandna x-xbieha “tal-bieb id-dejjaq” li Ġesù juża biex iwieġeb lil wieħed raġel li saqsieh jekk dawk li se jsalvaw humiex ftit; Ġesù jgħid: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx” (v. 24).
Mad-daqqa t’għajn din it-tixbiha tqanqal fina xi mistoqsijiet: jekk Alla hu Missier l-imħabba u l-ħniena, li dejjem dirgħajh miftuħin biex jilqagħna, għaliex Ġesù jgħid li l-bieb tas-salvazzjoni hu dejjaq? Żgur li l-Mulej ma jridx jaqtgħalna qalbna. Anzi, kliemu jiswa fuq kollox biex jheżżeż li dawk li jaħsbu li diġà kisbu s-salvazzjoni, dawk li jipprattikaw ir-religion u jħossu li b’hekk kollox f’postu. Fir-realtà dawn ma fehmux li mhux biżżejjed tagħmel atti reliġjużi jekk imbagħad ma jibdulx il-qalb: il-Mulej ma jridx kult mifrud mill-ħajja; is-sagrifiċċji u t-talb ma jogħġbuhx jekk lil dak li jkun ma jwassluhx biex iħarreġ l-imħabba lejn l-aħwa u jkun ġust. Għalhekk, meta jaslu quddiem il-Mulej bil-ftaħir li kielu u xorbu miegħu u li semgħu tagħlimu, jisimgħu t-tweġiba: “Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!” (v. 27).
Ħuti, sabiħa l-provokazzjoni li tiġina mill-Evanġelju tal-lum: jekk ximindaqqiet naslu niġġudikaw lil min hu mbiegħed mill-fidi, Ġesù jdaħħal fi kriżi “ is-sigurezzi ta’ min jemmen”. Infatti, jgħidilna li mhux biżżejjed nistqarru l-fidi bil-fomm, nieklu u nixrobu flimkien miegħu biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, jew li nkunu nafu t-tagħlim nisrani kif imiss. Il-fidi tagħna tkun awtentika meta tħaddan ħajjitna kollha, meta ssir kriterju għall-għażliet tagħna, meta tagħmilna rġiel u nisa impenjati fit-tajjeb, nieħdu riskji għall-imħabba, bħalma għamel Ġesù; Hu m’għażilx it-triq ħafifa tas-suċċess jew tal-poter, imma biex isalvana, ħabbna sa ma’ għadda “mill-bieb id-dejjaq” tas-Salib. Hu l-qies tal-fidi tagħna, Hu l-bieb li rridu ngħaddu minnu biex insalvaw (cfr Ġw 10,9), meta ngħixu l-istess imħabba tiegħu u b’ħajjitna nsiru operaturi tal-ġustizzja u tal-paċi.
Kultant dan ifisser li jkollna nagħmlu għażliet tqal u impopolari, nitqabdu mal-egoiżmu tagħna u ningħataw għall-oħrajn, nipperseveraw fit-tajjeb fejn donnu li l-loġika tal-ħażen hija minn fuq, u aktar minn hekk. Imma meta nkunu għaddejna minn din l-għatba niskopru li l-ħajja tinfetaħ quddiemna b’mod ġdid, u, minn issa, nidħlu fil-qalb wiesa ta’ Alla u fil-ferħ tal-festa eterna li Hu ħejja għalina.
Ninvokaw lill-Verġni Marija biex tgħinna ngħaddu “mill-bieb id-dejjaq” tal-Evanġelju bil-kuraġġ, biex inkunu nistgħu ninfetħu bil-ferħ għall-kobor tal-imħabba tal-Missier.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjoni ta’ Cabo Delgado, fil-Mozambique, vittma ta’ sitwazzjoni ta’ insikurezza u vjolenza li għadhom iħallu warajhom imwiet u turufnati. Waqt li nagħmel appell biex ma ninsewx lil dawn ħutna, nistedinkom titolbu għalihom u nesprimi t-tama li l-isforzi ta’ dawk li huma responsabbli fil-pajjiż jirnexxilhom iġibu lura s-sigurtà u l-paċi f’dak it-territorju.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, 22 ta’ Awwissu akkumpanjajna bit-talb u s-sawm lil ħutna li għaddejjin mit-tbatija minħabba l-gwerer. Illum ningħaqdu ma’ ħutna ukreni li bl-inizjattiva spiritwali “ Talb Dinji għall-Ukrajna” qed jitolbu biex il-Mulej jagħti l-paċi lill-pajjiżhom imbiċċer.
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u minn diversi pajjiżi, partikolarment lil dawk minn Karaganda, fil-Kazakstan, Budapest u l-komunità tal-Kulleġġ Pontifiċju Nord Amerikan. Hieni nilqa’ l-banda mużikali minn Gozzano u lill-gruppi parrokkjali minn Bellagio, Vidigulfo, Carbonia, Corlo u Val Cavallina. Insellem ukoll lill-fidili li ġew hawn bir-roti minn Rovato u minn Manerbio u lill-grupp tal-Via Crucis itineranti.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber