Saqajna fl-art. Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd

MSC World Europa

Ilbieraħ l-Cruise Liner lussuż MSC World Europa kellu xi ħsara fil-magna u waqaf, bla ma seta’ jiċċaqlaq għal numru ta’ siegħat qrib il-gżira ċkejkna u grazzjuża ta’ Ponza.

Ftit siegħat wara tqabbdu l-ġenerators u skond ma ġie rrappurtat il-ħajja fuq il-vapur tista’ tgħid reġgħet ġiet lura għan-normal, anki jekk kellhom jibqgħu f’nofs ta’ baħar bla ma setgħu jinżlu l-art (f’dan il-kas Napli).

Meta jiġri xi ħaġa bħal din, kull min ikun abbord, jiġifieri kull min ikun ħallas il-belli Ewro, jkollu xewqa waħda biss, li l-vapur ma jdumx ma jittrakka mal-moll u jinżlu l-art.

Insomma, lussuż kemm ikun lussuż il-cruise liner, ħadd ma jkun irid joqgħod fuqu s-sena kollu.

Ftit jiem huma biżżejjed, imma ġaladarba jgħaddu dawk il-jiem, trid l-art taħt saqajk.

Il-ħajja tagħna qisha ġimgħa fuq cruise

U l-ħajja hija bħal dawk il-ftit jiem li persuna tista’ tgħaddi fuq cruise liner.

Id-dinja kulljum tagħmel dawra fuqha nniffisha, bil-qamar li jdur magħna, u aħna nduru fuq medda ta’ sena madwar ix-xemx. Insomma kollox jimxi preċiż bħal arloġġ svizzeru, imma aħna mwielda biex ngħixu f’dirgħajn Alla u mhux fuq cruise liner.

Il-passiġġieri jinbidlu kull sebat ijiem, u kull min jitla’ fuq il-vapur ikollu high hopes għal dak il-cruise, imma (irridu jew ma rridux) ilkoll SE JKOLLNA NIRRITORNAW MINN FEJN INKUNU TLAQNA: ILKOLL SE NIRRITORNAW LEJN ALLA TRINITA’.

Il-bluha li tarmi kollox il-baħar

Issa għidli int x’tagħmel li kieku waqt li kont fl-ewferija tal-ewwel siegħat fuq il-vapur, int tkun bigħhejt id-dar fejn kont tgħix, tkun bigħhejt il-karrozza li tkun waslitek sal-port, u tkun battalt il-kontijiet bankarji li jkollok u titfa’ fil-baħar dawk il-flus li tkun akkummulajt bil-bejgħ li tkun għadek kif għamilt ?

Jekk tagħmel hekk, meta tasal lura l-art tispiċċa homeless, torqod x’imkien barra u timxi kilometri kulljum biex tiġbor erbgħa fliexken tal-plastic. Insomma tispiċċa bħal dak li jissejjaħ l-Iben il-ħali mxennaq li jiekol imqar il-ħarrub li kienu jieklu l-majjali.

U bosta jagħmlu bħal dan l-iblaħ li eċitat mill-esperjenza li jkunu qegħdin igħixu fuq il-cruise liner IBIEGĦU LIL ALLA (id-dar vera tagħna), IBIEGĦU S-SAGRAMENTI (li jwasslulna lil Alla), JARMU L-QARI SPIRITWALI U T-TALB (ibattlu l-kontijiet tal-bank) u jarmu kollox mid-deck għal baħar. Imbagħad wara ġimgħa fuq din l-art, jaslu fuq l-għatba tal-bieb tal-ġenna u jsibu li biegħhu u armew il-baħar dak li fl-aħħar mill-aħħar kien l-aktar importanti.

Ġimgħa cruise tista’ tkun esperjenza sabiħa għal min jogħġbuh dawn il-vaganzi, imma huwa iblah li tbiegħ kull ma jagħmlek bniedem għax taħseb li l-ħajja se tintemm hekk kif jintemm il-cruise. 

Is-suq isuq

Xi ħadd ilbieraħ issuġġerrili li l-Knisja għandha TBIDDEL it-tagħlim tagħha jekk trid li l-knejjes ma jkomplux jitbattlu. Insomma din il-persuna ssuġġeritli li nadattaw irwieħna mas-suq, għax kif qalli “is-suq isuq”.

U mhux hekk ingħidu!!!!!!

Jiena sejjer narmi l-kowt tax-xitwa għax bħalissa s-sħana !!!!!

Fix-xitwa jiena sejjer narmi l-fan għax tkun il-kesħa!!!!!

Biegħhu int kemm trid il-kowt tax-xitwa jew il-fan, imma lili ħallini nikkontempla lil Alla.

Meta tħares madwarek fuq cruise liner, tintebaħ bil-kwalitajiet u t-talenti tal-bniedem, imma meta tkun fuq id-deck f’nofs ta’ lejl u jintfew id-dwal kollha waqt li tkun f’nofs ta’ baħar tista’ tikkontempla l-kobor ta’ Alla f’tapit ta’ kwiekeb, pjaneti u sistemi solari li jgħattu s-sema kollu. U ngħiduha kif inhi, il-kobor tal-bniedem qisha traba ċkejkna meta mqiegħdha ħdejn il-muntanja Everest (li huwa Alla).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading