Il-Papa Ljun XIV lid-Delegazzjoni minn Val de Marne fi Franza.

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LID-DELEGAZZJONI TAR-RAPPREŻENTANTI POLITIĊI

U PERSONALITAJIET ĊIVILI MINN VAL DE MARNE
FID-DJOĊESI TA’ CRÉTEIL, FRANZA

Sala tal-Konċistorju
Il-Ħamis, 28 ta’ Awwissu, 2025

Fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Il-paċi magħkom!

Jien ċert li ħafna minnkom jitkellmu l-Ingliż, mhux veru?  Jien se nipprova nitkellem bil-Franċiż bit-tama fil-qalb tajba tagħkom!

Insellem minn qalbi lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Dominique Blanchet, u nagħti merħba lilkom ilkoll, eletti u personalitajiet ċivili mid-djoċesi ta Créteil li ġejtu Ruma f’pellegrinaġġ. 

Hieni li qed niltaqa’ magħkom fil-mixja tal-fidi tagħkom: erġgħu lura lejn l-impenji tagħkom ta’ kuljum imsaħħin bit-tama, aktar determinati biex taħdmu għall-bini ta’ dinja aktar ġusta, aktar umana, aktar fraterna, li ma tista’ tkun xejn aktar ħlief dinja mħawla fl-Evanġelju.  Quddiem il-kurrenti ta’ kull għamla li qed jiddominaw is-soċjetajiet tagħna fil-punent, aħna, bħala nsara, ma nistgħu nagħmlu xejn aħjar ħlief li nduru lejn Kristu u nitolbu l-għajnuna tiegħu aħna u neżerċitaw ir-reponsabbiltajiet tagħna.

Għalhekk, il-mixja tagħkom, aktar milli arrikkiment personali, hi ta’ importanza kbira u ta’ utilità kbira għall-bnedmin li intom isservu.  U dan hu ta’ min ifaħħru ferm aktar, għax fi Franza, minħabba lajċità li kultant ma tinftiehemx kif suppost, għal min hu elett u jrid jaġixxi u jieħu deċiżjonijiet koerenti mal-fidi li jħaddan hu u jaqdi r-responsabbiltajiet pubbliċi tiegħu, il-ħajja mhix ħafifa.

Is-salvazzjoni li ġabilna Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu tiġbor fiha d-dimensjonijiet kollha tal-ħajja umana, bħalma huma l-kultura, l-ekonomija u x-xogħol, il-familja, iż-żwieġ, ir-rispett lejn id-dinjità umana u lejn il-ħajja, is-saħħa, il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u l-politika.  Il-kristjaneżmu ma  nistgħux nirriduċuh għal sempliċi devozzjoni privata, għax jimplika stil ta’ ħajja f’soċjetà mirfuda bl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu li, fi Kristu, mhux aktar għadu imma ħija, oħti.

Ir-reġjun tagħkom, il-post fejn intom taħdmu, għandu quddiemu kwistjonijiet soċjali kbar bħalma huma l-vjolenza f’xi kwartieri, in-nuqqas ta’ sigurtà, il-prekarjetà, ix-xbiek tad-droga, id-diżokkupazzjoni, il-konvivjalità li għebet…  Biex jiffaċċja din is-sitwazzjoni, in-nisrani responsabbli hu msaħħaħ mill-virtù tal-karità li tgħammar fih sa mill-magħmudija tiegħu.  Din hi don ta’ Alla “qawwa li għandha ħila tiftaħ toroq ġodda biex taffronta l-problemi tad-dinja tal-lum u biex iġġedded mill-qigħ u minn ġewwa, l-istrutturi, l-organizzazzjonijiet soċjali, l-ordinamenti ġuridiċi.  F’dil-perspettiva l-karità ssir karità soċjali u politika: il-karità soċjali ġġagħalna nħobbu l-ġid komuni u ġġagħalna nfittxu l-ġid tal-persuni kollha” (Kompendju tad-duttrina doċjali tal-Knisja, nu. 207)Din hi r-raġuni għala n-nisrani responsabbli hu mħejji aħjar biex jiffaċċja l-isfidi tad-dinja tal-lum, naturalment fil-qies li bih jgħix u jkun xhud tal-fidi li taħdem fih, tar-relazzjoni tiegħu ma’ Kristu li jdawlu u jtih il-forza.  Ġesù jafferma dan bil-qawwa” “għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15,5); allura m’għandniex għalfejn nistagħġbu jekk il-promozzjoni “tal-valuri” – minkejja li huma evanġeliċi – imma “mneżżgħin” minn Kristu, li hu l-awtur tagħhom, m’għandhomx ħila jibdlu d-dinja.

Monsinjur Blanchet talabni ntikom xi parir.  L-ewwel – u l-uniku – li rrid intikom hu li ssaħħu dejjem aktar l-għaqda tagħkom ma’ Kristu, li tgħixu bih u tkunu xhieda tiegħu.  Mhemmx separazzjoni fil-personalità tal-persunaġġ pubbliku: mhemmx il-bniedem politku min-naħa u n-nisrani n-naħa l-oħra.  Iżda hemm il-bniedem politiku li, taħt il-ħarsa ta’ Alla u tal-kuxjenza tiegħu, jgħix l-impenji tiegħu u r-responsabbiltajiet tiegħu, kristjanament!

Allura, intom imsejħin biex titqawwew fil-fidi, tinżlu aktar fil-fond tad-duttrina – partikolarment id-duttrina soċjali – li Ġesù għallem lid-dinja, u tqegħduha fis-seħħ fit-tħaddim tal-funzjonijiet tagħkom u fit-tfassil tal-liġijiet.  Il-pedamenti tagħhom sostanzjalment huma f’armonija man-natura umana, il-liġi naturali li kulħadd jista’ jagħrafha, anki min mhux nisrani, u saħansitra min ma jemminx.  Għalhekk m’għandkomx tibżgħu tipproponuha u tiddefenduha b’konvinzjoni: hi duttrina ta’ salvazzjoni li trid il-ġid ta’ kull bniedem, trid tibni soċjetajiet paċifiċi, armonjużi, ta’ riżq u rikonċiljati.

Jien ferm konxju li l-impenn apertament nisrani ta’ min għandu responsabbiltajiet pubbliċi xejn mhu ħafif, partikolarment f’ċerti soċjetajiet tal-punent li fihom Kristu u l-Knisja tiegħu ingħataw il-ġenb, sfaw injorati u kultant anki mwaqqgħin għar-redikolu.  U lanqas ma jaqbiżli l-fatt tal-pressjoni, tad-direttivi tal-partit, “tal-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi” – biex nikkwota espressjoni feliċi tal-Papa Franġisku – , li huma suġġetti għalihom in-nies tal-politika.  Għandu jkollhom il-kuraġġ: il-kuraġġ li xikultant  jgħidu “le, ma nistax!”, meta tiżżeffen fin-nofs il-verità.  Hawn ukoll, l-għaqda ma’ Ġesù – Ġesù msallab! – itikom il-kuraġġ li ssofru f’ismu.  Dan qalu lid-dixxipli tiegħu: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16,33).

Għeżież ħbieb, irroddilkom ħajr għaż-żjara tagħkom u ibqgħu żguri li jien ninkoraġġikom sinċerament fit-tkomplija tal-attivitajiet tagħkom għas-servizz tal-konċittadini tagħkom.  Ibqgħu għożżu t-tama ta’ dinja aħjar; iċ-ċertezza li, magħqudin ma’ Kristu, l-isforzi tagħkom iħallu l-frott u għad tirċievu l-ħlas tagħhom. 

Inqiegħed pajjiżkom taħt il-protezzjoni ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, u minn qalbi ntikom il-Barka Appostolika.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading