Ġwanni Pawlu II f’park provinċjali ġo Winnipeg. 16/09/1984.

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
ĊELEBRAZZJONI SOLENNI TAL-EWKARISTIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Park provinċjali “Bird’s Hill”(Winnipeg)
Il-Ħadd, 16 ta’ Settembru 1984

“Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bħsaħħtek kollha” (Dt 6, 5).

Ħuti għeżież fi Kristu.

1. Dan il-kmandament, l-ikbar wieħed, kien imxandar fit-Testment il-Qadim lill-Iżrael biss. Kien l-ewwel u l-ikbar kmandament tal patt l-antik li Alla kkonkluda mal-poplu magħżul. Dan tah permezz ta’ Mosè wara l-ħelsien mill-iskjavitù tal-Eġittu. Il-patt li kien marbut mal-kmandamenti, kien jimponi lill-Iżraeliti kollha l-obbligi relatati mal-appartenenze fil-poplu ta’ Alla.

L-ewwel qari tal-liturġija tallum jindikalna b’mod ċirkustanzjat sewwa b’liema mod l-Iżraeliti kellhom jagħrfu u jqegħdu fil-prattika “l-ordnijiet, il-liġijiet u d-digrieti” (Dt 6, 1) li Alla kien għallem permezz ta’ Mosè. L-Iżraeliti kellhom jittrażmettuhom u jgħallmuhom lil uliedhom u lill-ġenerazzjonijiet tal-futur, kemm matul il-mixja lejn l-art imwegħda kif ukoll meta jkunu jgħixu fiha.

“Torbothom b’sinjal ma’ idek  ddendilhom bejn għajnejk u tiktibhom mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek” (Dt 6, 8-9).

Il-patt ma’ Alla sar sors fundamentali ta’ identità spiritwali għal Iżrael bħala nazzjon fost il-popli l-oħra u n-nazzjonijiet l-oħra tad-dinja.

2. It-tieni qari, mill-ewwel ittra ta’ San Pawl lit-Taessalonkin, jintroduċina fid-dimensjoni tal-patt il-ġdid. Dan il-patt huwa ġdid u etern. Twettaq fil-ġisem u fid-demm ta’ Kristu, bil-mewt tiegħu fuq is-salib u bil-qawmien mill-imwiet, u huwa universali. Huwa miftuħ għall-popli kollha u għan-nazzjonijiet tad-dinja. L-Appostli, infatti, kienu mibgħuta għand kull wieħed biex ixandru l-Vanġelu: “Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 19).

San Pawl setà jikteb lit-Tessalonkin hekk: “Aħna nxandru l-Evanġelju skont ma konna mġarrbin minn Alla qabel ma fdahulna f’idejna u nfittxu li nogħġbu mhux lill-bnedmin imma lil Alla li jġarrab qlubna . . . Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqs kemm ħabbejniekom” (1 Ts 2, 4.8).

Il-Vanġelu sar – u għadu dejjem isir – is-sors tal-kultura spiritwali għal irġiel u nisa ta’ nazzjonijiet, lingwi u razez differenti. Sar ukoll il-bażi tal-individwalità u tal-identità kulturali ta’ bosta popli u bosta nazzjonijiet fid-dinja kollha.

Din l-affermazzjoni tassumi elokwenza partikolari fil-Kanada, fejn wara l-immigrazzjoni patrimonju diversifikat ta’ popli, ta’ nazzjonijiet u ta’ kulturi sar il-ġid komuni tas-soċjetà kollha.

3. Il-kmandament ta’ Alla lil Iżrael jesprimi l-ġid tas-soċjetà. It-twettiq tiegħu huwa l-introduzzjoni li fuqha tikkonsolida ruħha l-identità kulturali kollha, u li mingħajrha ma jistax ikun hemm komunità multikulturali dejjiema u effikaċi. Il-kelma ta’ Alla espressa permezz ta’ Mosè iġġib magħha introduzzjoni u tikkostitwixxi  pleġġ ta tama għas-soċjetà kollha: “Billi tħarsu dejjem il-liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu, li jien qiegħed nagħtikom biex ikollokom għomor twil . . . Ismà, o Iżrael, u ħu ħsieb agħmilhom; biex ikollok il-ġid u toktor ħafna” (Dt 6, 2-3).

Huwa fil-prospettiva tal-fidi li jirnexxilna naraw kemm-il kelma ta’ Alla – mwettqa fil-Vanġelu – tikkontribwixxi għall-bini  u għall-preservazzjoni tal-kulturi. U naraw kemm huwa meħtieġ  li nwettqu l-messaġġ tal-Vanġelu biex jirnexxilna narmonizzaw kulturi f’kollezzjoni pluralistika. Fl-ordni ċivili wkoll il-Vanġelu huwa għas-servizz tal-armonija. Tifred il-kultura mir-rabta mal-kmandament evanġeliku tal-imħabba ifisser tirrendi impossibbli l-interazzjoni li hija l-karatteristika tal-Kanada. Il-Knisja tkellimna ripetutament dwar il-bżonn li nevanġelizzaw fi profondità l-kultura u l-kulturi tal-bniedem, “billi nieħdu dejjem il-bniedem bħala punt tat-tluq u billi  nerġgħu lura dejjem għar-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom u ma’ Alla”. Aħna fl-istess ħin imwissija li “l-qasma bejn il-Vanġelu u l-kultura hija bla ebda dubju id-dramm tal-epoka tagħna” (Pauli VI, Evangelii Nuntiandi, 20).

L-esperjenza storika taż-żewġ popli fundaturi tal-Kanada li mpenjaw ruħhom biex jgħixu fir-rispett reċiproku tal-identitajiet kulturali relattivi, uniċi fil-ġeneru tagħhom, ħolqot providenzjalment dik l-atmosfera ta’ rispett tad-diversitajiet kulturali li llum tikkaraterizza l-Kanada. Fl-interazzjoni multikulturali tagħha l-Kanada ma toffrix biss lid-dinja viżjoni krejattiva tas-soċjetà, imma wkoll okkażjoni splendida li turi konsistenza bejn dak li temmen u dak li tagħmel. U dan jiġi mwettaq billi tapplika il-kmandament ta’ Kristu fl-imħabba.

4. Il-Manitoba stess tirrifletti realment varjetà ta’ kulturi differenti numeruża. Mġemb il-popolazzjoni tagħha ta’ oriġni Ingliża u ta’ oriġni Franċiża – li żdiedu mal-popolazzjoni indiġena – huma hawn rappreżentati l-Pajjiżi tal-Punent. L-immigrazzjoni mill-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant, mill-Asja, mill-Afrika u mill-Amerka t’Isfel tikkontribwixxi biex tifforma r-realtà ta’ din is-soċjetà ċivili. Ġurisdizzjonijiet Latini u Ukrajni jikkostitwixxu Knisja kattolika waħda. Irrid insellem illum b’mod speċjali lill-Knisja ta’Winnipeg tal-Ukraini mmexxija mill-Arċisqof Hermaniuk; u lill-fidili tal-arċidjoċesi ta’ Saint Boniface taħt it-tmexxija pastorali tal-Arċisqof Hacault. It-tislijiet tiegħi jmorru wkoll għad-delegazzjonijiet dijoċeżani tal-fidili li ġew minn Saskatchewan, lill-isqof Charles Halpin ta’ Reġina u lill-isqfijiet tad-dijoċesijiet ċirkustanti ta’ Prince Albert, Saskatoon e Gravelbourg. Nikkunsidra, bi gratitudni profonda, il-preżenza tal-awtoritajiet ċivili maġġuri, inklużi l-gvernatur ġenerali preċedenti tal-Kanada, l-onorevoli Albert Schwier, logutenent gvernatur ta’ Saskatoon u l-prim ministru ta’ Manitoba u l-logutenet gvernatur ta’  Saskatchewan. Iva, intom ġejjin tassew minn kważi “kull tribù, lingwa, poplu, u nazzjon” (Ap 5, 9). U din ir-realtà hija espressa illum fl-assemblea liturġika tagħna, mhux biss permezz tad-diversi lingwi imma wkoll permezz tat-tradizzjonijiet liturġiċi differenti tal-kristjaneżmu, kemm mill-Punent kif ukoll mil-Lvant. F’din l-Ewkaristija l-Knisja tal-Kanada tiċċelebra d-diversità tagħha u xxandar l-għaqda tagħha fi Kristu u fil-Knisja universali.

5. Fil-kuntest wiesà tal-istorja u tal-kultura, l-ewwel u l-iktar dokument important li ngħata minn Mosè lill-uniku poplu magħżul tal-patt il-qadim jassumi elokwenza mġedda fiż-żminijiet tagħna.

Ġesù Kristu jgħid: “Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12).

Il-kmandament tal-imħabba huwa radikat, b’mod ġdid, fl-imħabba ta’ Alla; “Bħalma l-Missier ħabb lili, hekk jien ukoll ħabbejt lilkom. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, tibqgħu f’imħabbti, kif jien ħarist l-kmandamenti tal-Missier u qiegħed f’imħabbtu” (Ġw 15, 9-10).

L-mħabba ta’ Alla hija mela, fuq kull ħaġa, sehem fl-imħabba ta’ Kristu, l-imħabba li biha Kristu jħobb.

U fl-istess ħin, l-imħabba ta’ Alla hija b’mod organiku marbuta mal-imħabba għall-oħrajn. “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja . . . sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15, 15).

Din l-imħabba hija espressjoni morali u eżistenzjali tal-għażla u tas-sejħa ta’ Kristu “biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom  jibqà;  ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom” (Gv 15, 16). 

6. Il-pluraliżmu tat-tradizzjonijiet, il-pluraliżmu tal-kulturi, il-pluraliżmu tal-identitajiet nazzjonali, dan kollu huwa kompatibbli mal-għaqda tas-soċjetà.

Aħna llum nitolbu għall-għaqda morali ta’ din is-soċjetà, għaliex din l-għaqda hija is-sies u d-denominatur komuni tal-“bżonnijiet kollha tad-dinja”.

Sa miż-żminijiet l-iktar antiki l-kristjaneżmu eduka l-fidili – xhieda ta’ Kristu – biex ikollhom is-sens tar-responsabiltà fir-rigward tal-ġid komuni tas-soċjetà. Dan it-tagħlim jibqà daqstant validu meta s-soċjetà  tippreżenta għal kollox karattru pluralistiku. L-importanza tat-tagħlim tal-Knisja għal dan ir-rigward kien espress mill-Konċilju Vatikan II f’termini inekwivokabbli : “Għalhekk l-attivitajiet professjonali u soċjali mhumiex opposti min-naħa, u l-ħajja reiġjuża min-naħa l-oħra. In-nisrani li jittraskura l-impenji temporali tiegħu, jittraskura d-dmirijiet tiegħu lejn il-proxxmu, anzi lejn Alla nnifsu, u jqiegħed fil-periklu id-salvazzjoni eterna tiegħu” (Gaudium et Spes, 43).

Fis-sors ta’ dan il-maġisteru jinsab il-kmandament tal-imħabba reċiproka, li dwaru jitkellem il-Vanġelu tallum.

L-mħabba reċiproka tfisser, fid-dimensjoni essenzjali tagħha, li r-rapporti bejn l-esseri umani huma msejsa fuq ir-rispett tad-dinjità personali tal-ieħor u fuq preokkupazzjoni reali tal-ġid tiegħu. L-imħabba reċiproka għandha mportanza partikolari għall-formazzjoni tal-komunità taż-żwieġ u tal-familja. U din l-imħabba reċiproka testendi lilha nfisha għal ambjenti numerużi u għal livelli differenti tal-koeżistenza umana: għall-intern ta’ ambjenti varji, komunità, soċjetà, u saħansitra fost is-soċjetà.

F’dan is-sens, din l-imħabba hija “soċjali”, u tikkostitwixxi l-premessa essenzjali għall-formazzjoni taċ-ċiviltà tal-imħabba imxandra mill-Knisja, b’mod partikolari minn Pawlu VI.

7. F’dan il-Pajjiż kbir li hija l-Kanada, l-imħabba reċiproka bejn il-komunitajiet kollha differenti li jikkostitwixxu din is-soċjetà pluralista, ikkaratterizzata mill-multipliċità tal-kulturi, issir sforz immens għall-ġid. L-imħabba reċiproka li tgħolli u tgħaqqad l-elementi singuli, tippermetti li kulħadd, meta jkunu flimkien, li jkunu strumenti partikolarment effettivi għas-servizz tal-umanità. L-imħabba tagħti lill-persuni b’talenti differenti ħafna l-possibiltà li jingħaqdu biex iwettqu azzjoni konsistenti. B’din l-azzjoni konsistenti soċjetà magħmula minn kulturi multipli ssir kapaċi li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-oħrajn kollha d-doni li bihom tkun imfawra b’mod abbundanti. Ftakar, o Kanada, li l-ikbar għana riċevuta mid-diversità tal-kulturi tiegħek tippermettilek li tirregala lill-oħrajn u li tgħinhom, li tgħin lil ħutek fil-bżonn. Il-fidi tirrendi dan possibbli, l-imħabba tesiġih. F’isem l-imħabba, nitlob b’mod insistenti li d-disponibiltà murija lil tant immigranti u refuġjati tal-minoranzi etniċi u l-laqgħa ġeneruża riservata lilhom tkompli tikkaratterizza l-Kanada u tkun l-għana (rikkezza) tagħha, fil-ġejjieni bħal fil-preżent. 

Jidher opportun li nfakkar f’dan ir-rigward il-kliem profetiku ta’ Ġwanni XXIII: “Iservu aħjar il-kawża tal-ġustizzja dawk l-awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu dak kollu possibbli biex itejbu l-kondizzjonijiet umani tal-minoranzi etniċi tagħhom, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-lingwa tagħhom, il-kultura tagħhom, d-drawwiet tagħhom, l-attivitajiet tagħhom u l-inizjattivi ekonomiċi tagħhom” (Ioannis XXIII,Pacem in Terris AAS 55 (1963) 283). Dan il-kontribut tal-awtorità pubblika għandu jkun akkumpanjat mill-impenn attiv tal-individwi u l-gruppi kollha biex tkomplu tibnu soċjetà Kanadiża soċjalment ġusta, ċiviltà dejjiema ta’ mħabba li fiha tkun iggarantita “il-prijorità tal-etika fuq it-teknika, il-primat tal-persuna fuq l-affarijiet, is-superjoità tal-ispirtu fuq il-materja” (Ioannis Pauli PP. II,Redemptor Hominis, 16) U dan kollu għall-glorja ta’ Alla, Missierna komuni.

Ejjew nitolbu għal din l-intenzjoni, partikolarment fl-assemblea  Ewkaristika u permezz ta’ dan it-talb ejjew ningħaqdu ma’ Kristu. Ejjew realment naċċettaw l-istedina tiegħu: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading