Ġwanni Pawli II waqt konċelebrazzjoni fl-Ajruport ta’ Edmonton. 17/09/1984.

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA GĦALL-IŻVILUPP TAL- POPLI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ajruport ta’ Edmonton
It-Tnejn, 17 ta’ Settembru 1984

“Ħa nismà xi  jgħid Alla, il-Mulej, hu is-sliem ixandar. / It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu; / il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu” (Sal 85, 9.11).

Għeżież ħuti fi Kristu,

1. Dan hu kliem tal-liturġija tallum meħud mis-salm responsorjali. L-Alla tal-Patt huwa Alla ta’ paċi. Il-paċi fuq l-art hija ġid li jappartieni lis-saltna tiegħu u lis-salvazzjoni tiegħu. Dan il-ġid jinkiseb fil-ġustizzja u fil-fedeltà għall-kmandamenti divini. Dan il-ġid, li huwa l-paċi, kien imwiegħed lilna fi sferi differenti; bħala ġid intern tal-kuxjenza tagħna, bħala ġid tal-konvivenza umana, u fl-aħħarnett, bħala ġid soċjali u internazzjonali.

Dan l-aħħar sinifikat kien dak li Pawlu VI ried ifisser meta kiteb dan il-kliem memorabbli: “L-isem il-ġdid tal- paċi huwa żvilupp”. Huwa kiteb dan il-kliem fl-enċiklika Populorum progressio (Pauli VI, Populorum Progressio, n. 87).

2. Illum ninsabu miġbura ġo Edmonton biex nagħmlu minn din it-tema tal-iżvilupp jew progress tal-popli l-oġġettiv ewlieni tal-meditazzjonijiet u t-talb tagħna fis-sagrifiċċju ewkaristiku. F’din il-komunità ewkaristika hawn l-ewwelnett miġbura l-Knisja kollha tal-arċidijoċesi ta’ Edmonton. Nixtieq għalhekk insellem lil din il-Knisja flimkien mar-ragħaj tagħha, l-Arċisqof MacNeil, u hekk ukoll l-eparchia (dijoċesi) ta’ Edmonton tal-Ukraini, flimkien mal-Isqof Savaryn u l-Isqof Greschuk. Barra minn dan nilqà bi gratitudni profonda l-preżenza ta’ grupp kbir ta’ fidili ta’ Saskatchewan, li ġabu magħhom is-slaleb tagħhom biex ikunu mbierka. U nħaddan fl-imħabba ta’ Ġesù Kristu Sidna lill-pellegrini u l-viżitaturi kollha. Ir-rifuġjati mill-Amerka Ċentrali, mis-Sud Est Asjatiku u mill-Ewropa tal-Lvant, għandhom post speċjali f’qalbi.

Nixtieq insellem lil dawk kollha li ġew mid-dijoċesijiet l-oħra ta’ Alberta, minn Grouard-McLennan, minn Calgary u Saint Paul: mill- Columbia Britannika, mit-territorji tal-Majjistral, u lill-viżitaturi ġejjin mill-Istati Uniti.  Barra mill-Ukrajni ta’ lingwa Ġermanika, insellem ukoll lil kull grupp etniku u kulturali” Taljan, Portugiż, Spanjol., Litwan, Sloven, Boem, Kroat, Ungeriż, u Pollakk. U iktar: il-Filippini, iċ-Ċiniżi, il-Koreani u il-Vjetnamiżi. Lilkom ilkoll u lil dawk li jinsabu hawn illum, grazzi u paċi f’Ġesù Kristu, Bin Alla u Salvatur tad-dinja.

Meta wieħed jikkunsidra s-suġġett, jiena nemmen li sa ċertu punt il-Kanada kollha qiegħda tieħu sehem f’din il-laqgħa ta’ Edmonton. Ukoll jekk is-suġġett kien magħżul mill-komunità lokali, bla dubju dan għażlitu bil-ħsieb indirizzat lis-soċjetà kollha kemm hi, li għaliha l-kawża tal-iżvilupp tal-popli hija kwistjoni ta’ importanza massima u ta’ responsabiltà soċjali u internazzjonali. Speċjalment internazzjonali. Speċjalment mill-waqt li dan l-“iżvilupp” jew “progress” huwa l-isem il-ġdid tal-“paċi”.

3. Il-liturġija twassalna biex nikkunsidraw dan is-suġġett importanti, l-ewwelnett, hekk kif inhu preżentat fil-ħamsa u għoxrin kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Mattew.

Smajna llum il-Vanġelu dwar il-ġudizzju finali bl-istess emozzjoni ta’ dejjem. Din is-silta tmiss diversi kustjonijiet fundamentali rigward il-fidi u l-moralità tagħna. Dawn iż-żewġ oqsma huma marbutin b’mod strett ma’ xulxin. Jistà jkun li ebda silta oħra tal-Vanġelu ma titkellem dwar ir-relazzjoni tagħhom b’mod daqstant konvinċenti. 

Il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu issib hawn speċi ta’ espressjoni mwettqa: “Il-Missier infatti  ma jiġġudika lil ħadd, imma ħalla kull ħaqq lill-Iben” (Ġw 5, 22). Fil-Vanġelu tallum Kristu jinsab quddiemna bħala mħallef. Huwa għandu dritt speċjali biex iwettaq dan il-ħaqq, għaliex huwa sar wieħed minna, ħuna. Din il-fratellanza man-natura umanas, u fl-istess ħin il-fratellanza tiegħu ma kull persuna ndividwali, wasslitu għas-salib u għall-qawmien mill-imwiet. Mela hu jiġġudika f’isem is-solidarjetà tiegħu ma’ kull persuna u  u ugwalment f’isem is-solidarjetà tagħna miegħu, li huwa ħuna u feddej tagħna u li aħna niskopru f’kull esseri uman: “kont bil-ġuħ… kont bilgħatx… kont barrani… kont għeri… marid… kalzrat…” (Mt 25, 35-36).

U dawk imsejħa għall-ħaqq, fuq il-lemin jew fuq ix-xellug, se jistaqsu: fejn u meta? Fejn u meta rajniek bħal issa? Fejn u meta għamilna dak li qiegħed tgħid? Jew inkella: fejn u meta ma għamilniex dan?

It-tweġiba: “Fis-sewwa ngħidilkom: kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed minn dawn ħuti l-iktar żgħar, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). U, viċiversa: “Kull darba li m’għamiltux dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed mill-iċken ħuti, m’għamiltuhx miegħi” (Mt 25, 45).

4. “Ma wieħed mill-iċken ħuti”. Mela: lill-bniedem, ma’ persuna umana fil-bżonn.

U mill-ġdid, il-Konċilju Vatikan II, waqt li jsegwi t-tradizzjoni kollha, iwissina biex ma niqfux f’interpretazzjoni ndividwalistika tal-etika nisranija, għaliex l-etika nisranija għandha wkoll id-dimensjoni soċjali tagħha. Il-persuna umana tgħix f’komunità, f’soċjetà. U mal-komunità taqsam il-ġuħ u l-għatx u l-mard u d-dgħufija fiżika minħabba nuqqas ta’ ikel sustanzjuż u miżerja u ċ-ċaħdiet kollha li jirriżultaw. Fl-istess persuna tiegħu l-esseri uman huwa ddestinat biex jisperimenta l-bżonnijiet tal-oħrajn.

Huwa għalhekk li Kristu, l-imħallef, jitkellem dwar “wieħed mill-iċken fost ħuti”, u fl-istess ħin qiegħed jitkellem dwar kull wieħed u dwar kollha.

Iva. Huwa qiegħed jitkellem dwar id-dimensjoni globali  kollha tal-inġustizzja u tal-ħażin. Huwa qiegħed jitkellem dwar dak li llum aħna mdorrijas nsejħu il-kuntrast Nord-Sud, Mela mhux biss Ilvant-Punent, imma wkoll Nord-Sud: in-Nord dejjem iktar għani, u s-Sud dejjem iktar fqir.

Iva, is-Sud, li dejjem qed isir iktar fqir; u n-Nord, li qed isir dejjem iktar għani. Iktar għani wkoll bil-missili li bihom is-super-potenzi u l-blokki jistgħu b’mod reċiproku jhedduna. U jhedduna wieħed wara l-ieħordin ukoll hija waħdamir-raġunijiet – biex ma jinqerdux wieħed wara l-ieħor.

Din hija dimensjoni għaliha – u skont l-opinjoni ta’ bosta hija dimensjoni li tidher – tat- theddida mortali li tagħfas fuq id-dinja moderna u tinħtieġ attenzjoni speċifika.

Dan xejn inqas, fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu, dan is-Sud fqir se jiġġudika lin-Nord għani. U l-popli foqra u n- nazzjonijiet foqra – foqra b’modi differenti, mhux biss minħabba n-nuqqas ta’ ikel, imma wkoll minħabba n-nuqqas ta’ libertà u drittijiet umani oħra – se jiġġudikaw lil dawk il-popli li qegħdin jeħdulhom dan il-ġid, billi b’mod arroganti jaħtfu l-monopo;ju imperjalistiku tal-ekomomija u tas-supremazija politika a spejjeż tal-oħrajn.

5. Il-Vanġelu tal-liturġija tallum huwa ferm għani bil-kontenut. Huwa pertinenti għall-isferi differenti tal-inġustizzja u tal-krudeltà umana. F’nofs kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet hemm Kristu stess, u bħala feddej u mħallef huwa jgħid: “Agħmiltuh miegħi”, “M’għamiltuhx miegħi”.

Xejn inqas huwa jrid, f’dan il-ħaqq finali, li huwa kostantament għandu jiġi u li sa ċertu punt huwa kostantament preżenti, jixhed l-ewwel u qabel kollox dwar dak il-ġid kollu li sar.

U minn hawn tiċċaqlaq ukoll dik l-espressjoni sinifikattiva tat-tagħlim tal-Knisjas, li l-formulazzjoni ewlenija tagħha saret il-Populorum Progressio. Dik li kienet il-preokkupazzjoni intima ta’ Pawlu VI u tal-Knisja universali saret azzjoni dinamika u appell  imqanqal li għadu jidwi wkoll illum: “Mhijiex biss kustjoni li neliminaw il-ġuħ, jew ukoll li nnaqqsu l-faqar. Il-ġlieda komtra l-miżerja, għalkemm urġenti u meħtieġa, mhijiex biżżejjed. Hija kwistjoni, pjuttost, li nibnu dinja fejn kull bniedem, hi xinhi r-razza, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità tiegħu, ikun jistà jgħix ħajja għal kollox umana, ħieles mill-jasar impost lilu minn bnedmin oħra jew minn forzi naturali: dinja li fiha l-libertà ma  tkunx kelma vojta u fejn il-fqir Lazzru jkun jistà joqgħod bilqiegħda ma’ l-istess mejda flimkien mal-għani” (Pauli VI, Populorum Progressio, n. 47).

Iva, “żvilupp” huwa l-isem ġdid tal-paċi. Il-paċi hija meħtieġa; hija imperattiv ta’ żmienna. U tali huwa wkoll dan l-iżvilupp jew progress: il-progress ta’ dawk kollha svantaġġjati  .

6. Ejjew illum nitolbu b’dan l-ispirtu, Il-liturġija tallum tenfasizza b’mod ċar ħafna ir-rabta bejn il-ġustizzja u l-paċi.

Ħarsu lejn l-ewwel qari ta’ Iżaija: “Imbagħad jissawwab fuqna spirtu mill-għoli . . . Is-sliem ikun frott il-ġustizzja, u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem. U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem, jgħammar bla biżà, mistrieħ fil-kwiet” ( 32, 15.17-18).

Dan kien miktub mill-profeta sekli qabel Kristu. Kemm huma dewwiema u immutabbli x-xewqat tal-individwi u tal-popli!

U iktar tard, wara Kristu, l-appostlu Pawlu jikteb fl-Ittra lill-Filippin:  “U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jistà jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu  Ġesù” (Fil 4, 7).

Ukoll, il-kondizzjoni għal tali paċi hija l-imġieba umana f’kull dimensjoni tal-eżistenza. Mela, ikompli San Pawl: “Mill-bqija, l-aħwa, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma hu tifħir; f’dan kollu aħsbu. U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom” (Fil 4, 8-9).

7. Illum fil-Kanada, f’din il-belt ta’ Edmonton, ejjew aħna nitolbu għall-progress tal-popli. Ejjew mela nitolbu skont is-sens tal-kliem tal-Papa Pawlu VI, għall-paċi, għaliex aħna nitolbu għal dak li lilha jirregalalha attwalment is-sinifikat tiegħu. Il-kliem tal-profeta Iżaija u tal-appostlu tal-ġnus jorjentawna fl-istess sens. Għalhekk aħna nitolbu waqt li niċċelebraw din l-Ewkaristija u nieħdu sehem fiha.

Jalla it-talb tagħna jitlà sas-sema! Jalla Alla tal-paċi jkun magħna!

Jalla Alla tal-paċi jkun magħna! Din l-għajta tesprimi wkoll id-drammatiċità kollha tal-epoka tagħna, it-theddida kollha li tagħfas fuqha. It-theddida nukleari? Dażgur!

Imma wkoll: it-theddida kollha tal-inġustizzja, it-theddida li tiġi mill-istruttura riġida tas-sistemi li tagħhom il-bniedem ma jistax jevita l-oppressjoni – dawn il-misteri li ma jingħalqu qatt biżżejjed biex it-theddida tal-inġustizzja li tiġi mill-istruttura riġida tas-sistemi li tagħhom il-bniedem ma jistax jevita l-oppressjoni – dawn il-misteri li ma jingħalqu qatt biżżejjed li jistgħu imorru lejn il-bniedem, iservu l-iżvilupp tal-popli, il-ġustizzja bl-esiġenzi kollha tagħha, u l-paċi.

Kullimkien, fid-dinja, ma donnux li l-bilanċ qiegħed jiggrava dejjem iżjed, il-bilanċ li aħna “ma għamilniex ma’ wieħed minn dawn l-iżgħar ħutna”? Ma miljuni ta’ dawn l-iżgħar ħutna? Ma’ miljardi? Dan hemm bżonn li ngħiduh ugwalment hawn, fil-Kanada, Pajjiż li huwa vast daqs kontinent.

U fl-istess ħin minn hawn, minn dan l-istess post, hemm bżonn li ngħidu lill-irġiel u lin-nisa kollha ta’ rieda tajba, u lill-gruppi, lill-komunitajiet, l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet, lill-gvernijiet u lill-ġnus kollha, li dak li tassew jgħodd huwa dak kollu li aħna “għamilna” u li għad nagħmlu, li aħna nipproġettaw u nwettqu b’enerġija u determinazzjoni dejjem ikbar.

B’dan il-bilanċ jista jipprogredixxi, għandu jipprogredixxi grazzi għal dak kollu li “aħna wettaqna” ma’ persuna, ma’ miljuni, ma’ miljardi ta’ persuni: hemm se jkun il-bilanċ pożittiv ta’ dak li huwa tajjeb fl-istorja tal-bniedem.

Il-ġiudizzju li dwaru jitkellem il-Vanġelu tallum huwa  b’mod kostanti qiegħed jitħejja u diġa qiegħed iseħħ: dak li għamiltu ma’ wieħed . . . ma’ miljuni . . . ma’ miljardi, “għamiltuh miegħi”!

Alla tal-paċi jkun magħna, hawn fil-Kanada u kullimkien.

Jalla l-ġustizzja u l-paċi ibusukom (cf. Sal 85, 10) mill-ġdid għal darb’oħra fi tmiem it-tieni millennju li jħejjijna għall-miġja ta’ Kristu, fil-glorja. Amen. 

Niżżikom ħajr bil-kbir għas-sehem tagħkom, Nixtieq nesprimi il-gratitudni profonda tiegħi għaċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħkom f’Edmonton, fuq kollox lill-arċidijoċesi ta’ Edmonton u lill-arċidijoċesijiet ta’ dan ir-reġġjun, inkluża parti minn Saskatchewan. Niżżikom ħajr għal-laqgħa tal-bieraħ għal għonq it-toroq. Kienet meraviljuża. Il-grazzi tiegħi jmur b’mod speċjali lill-gruppi li kantaw u żifnu waqt il-laqgħat tal-ġurnata. U issa niżżikom ħajr b’qalbi kollha għat-talba ekumenika.

Aħna nħarsu u naħdmu għall-għaqda tal-insara, u wkoll għar- reliġjonijiet mhux insara, għall-ġnus li jemmnu f’Alla, li jfittxuh, kif inhu possibbli għal kulħadd u ma’ dawk kollha li jingħaqdu magħna biex inmorru flimkien lejn destin komuni, għaliex dan id-destin huwa Alla nnifsu. Il-Konċilju Vatikan II għamel iktar profonda l-konvinzjoni tagħna li l-irġiel u n-nisa tal-umanità kollha huma aħwa, li konna maħluqin mill-istess Ħallieq, l-istess Alla Missierna u aħna lkoll konna mifdija mill-istess Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla: minn Alla, mill-Ispirtu tiegħu, mill-Ispirtu Santu li jopera fir-ruħ ta’ kull wieħed u waħda minna u li din hija d-dimensjoni divina tal-eżistenza umana. Aħna niskopru dejjem iktar din id-dimensjoni divina u nfittxu l-mod kif nesprimuha lil Alla. It-talba ekumenika li għadna kemm spiċċajna niċċelebraw hawn f’Edmonton. Niżżikom ħajr għas-sehem tagħkom u għad-diversi tħejjijiet. Flimkien magħkom niżżi ħajr lill-Providenza għax-xemx u r-riħ. Niżżikom ħajr għat-talb tagħkom u għall-kant meraviljuż tal-kor tagħkom; mill-ġdid grazzi lill-orkestra.

Inġedded il-merħba lill-gruppi kollha, lill-gruppi etniċi kollha u lilkom ilkoll nirrepeti: ikun imfaħħar, ikun imfaħħar Alla l-Missier, Missierna, it-Trinità Qaddisa, il-Missier, l-Iben, l-Ispirtu Santu għal dejjem ta’ dejjem. Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading