VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
LAQGĦA EKUMENIKA TA’ TALB F’EDMONTON
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Katidral ta’ San Ġużep (Edmonton)
Il-Ħadd, 16 ta’ Settembru 1984
Għeżież ħuti.
1. Dan il-Ħadd filgħaxija f’Edmonton, l-għaxija tal-ewwel jum tal-ġimgħa, jum li fih l-insara jiċċelebraw il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, ninsabu flimkien nitolbu f’dan il-Katidral sabiħ ta’ San Ġużep. Ninsabu magħqudin fil-ferħ tal-Magħmudija komuni tagħna, fil-qawwa tal-kelma ta’ Alla, u fil-paċi u fl-imħabba ta’ Kristu, li nxandru dawl tad-dinja u manifestazzjoni suprema ta’ Alla. Nistedinkom ilkoll biex tirriflettu miegħi l-lejla fuq il-misteru tal-preżenza ta’ Alla.
Bħala rġiel u nisa ta’ fidi, aħna nemmnu li Alla huwa preżenti fil-ħolqien tiegħu, li huwa hu l-Mulej tal-istorja li jiddirieġi iż-żminijiet u l-istaġuni, li huwa hu qrib dawk kollha li jsejħulu: il-fqir u ta’ qalbhom maqsuma, il-miżerabbli u s-solitarju, id-debboli u l-inkwetat. Aħna nemmnu li Alla jterraq fis-skiet, u wkoll fl-istorbju ta’ ħajjitna ta’ kuljum, billi jirrivelalna il-verità u l-imħabba tiegħu. Huwa jrid iferrex il-biżà tagħna u jqawwi t-tama tagħna fil-ħniena salvatriċi tiegħu..
Alla jkellem personalment lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, imma hu jaġixxi wkoll permezz tal-komunità ta’ dawk li huwa ippredstina li jkunu tiegħu. Dan narawh qabelxejn fl-istorja tal-poplu Lhudi. Permezz ta’ Abraham, missierna fil-fidi, permezz ta’ Iżakk u Ġakobb, u b’mod partikolari permezz ta’ Mosè, Alla sejjaħ poplu biex ikun tiegħu b’mod speċali. Huwa waqqaf patt magħhom, meta qal: “Jien se nkun Alla tagħhom u huma l-poplu tiegħi” (Ġer 31, 33). Meta l-magħżulin tiegħu dinbu u marru għal triqthom Alla li kien salvahom, Alla fl-imħabba bla tarf tiegħu indaħal f’ħajjithom permezz tal-profeti. Huwa sejjaħ lill-poplu għall-indiema u wegħdhom li jistabilixxi magħhom patt ġdid u aħjar. Dan il-patt il-ġdid huwa ddeskrivih b’dan il-kliem: “Jien inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom… Ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal kbir, għx jien naħfrilhom ħżunithom u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx” (Ġer 31, 33-34).
U kif stabilixxa Alla dan il-patt? Kif kiteb il-liġi tiegħu fil-qlub tal-magħżulin tiegħu? Bid-demm ta’ Ġesù, id-demm tal-ħaruf ta’ Alla, id-demm tal-patt il-ġdid u etern, id-demm tas-Salvatur tagħna, li huwa l-prezz tal-fidwa tagħna u l-espressjoni l-iktar elokwenti possibbli tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja.
2. Il-preżenza ta’ Alla hija nkarnata fil-milja tagħha f’ Ġesù ta’ Nażżaret, l-Iben ta’ Alla li sar Bin Marija u li xerred demmu għalina fuq is-salib. Ġesù huwa l-Emanuel, Alla magħna, il-kelma magħmula bniedem, ir-rivelazzjoni tal-Missier etern. Quddiem dan il-misteru kbir tal-preżenza ta’ Alla, aħna ninsabu f’biżà u qima, u qlubna u leħinnha jitkebbsu mix-xewqa li jinfexxu f’kantiċi u innijiet ta’ tifħir. U dan huwa dak li l-iktar jixraq, għaliex l-ewwel dmir ta’ krejatura huwa li tigglorifika lill-Ħallirq, il-Mulej u Salvatur tagħha. Għal dan jiena hekk kuntent li ningħaqad magħkom illejla f’dan is-servizz serali ta’ tifħir. Kemm huwa sabiħ,, bħala aħwa fi Kristu, ngħaqqdu l-ilħna tagħna f’salmi, innijiet, u kantiċi spiritwali (Kol 3, 16).
Is-salm 103 (Sal 103, 1-2), li se nirreċitaw flimkien illejla, jurina persuna li l-esseri tagħha huwa kollu kemm hu mfawwar bit-tifħir lil Alla:
“Bierek, ruħ tiegħi, lill-mulej, / b’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu. / Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej, / la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek”.
“La tinsiex tant benefiċċji tiegħu”: qalb imfawra tifħir ma tinsa qatt il-bosta benefiċċji ta’ Alla. Infatti, it-talb ta’ tifħir jinvolvi att ta’ tifkira rikonoxxenti, fit-tifkira ta’ kif f’tant modi Alla wera mħabbtu feddejja. U hekk is-salmista jiddikjara:
“Hu li jaħfer dnubietek kollha; / ifejjaq il-mard kollu tiegħek; / jifdi lil ħajtek mill-qabar, / iħaddnek bit-tieba u l-ħniena; / ixabba bil-ġid snin ħajtek / u bħal tal-ajkla tiġġedded żgħożitek” (Sal 103, 3-5).
It-talb ta’ tifħir ikompli minn għarfien umli tal-indinjità u tad-dipendenza totali tagħna minn Alla, magħquda ma konfidenza infantili fil-ħniena għanja ta’ Alla, Hekk ikompli s-salmista:
“Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, / hekk iħenn il-Mulej ma’ min għandu l-biżà tiegħu. / Għax hu jaf kif aħna magħġuna. / jiftakar li aħna trab” (Sal 103, 13-14).
Tfaħħar lill-Mulej huwa wkoll ixxandar il-ħafna attributi ta’ Alla, tigglorifika l-kwalitajiet ta’ dan il-kbir qaddis Alla li stabilixxa patt mal-poplu tiegħu. Allura s-salmista jgħid:
“Ħanin u twajjeb il-Mulej, / idum ma jagħdab u kollu mogħdrija… / Is-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom, / ma dawk li jħarsu l-patt tiegħu” (Sal 103, 8.17-18).
3. Waqt li jgħixu fil-preżenza ta’ Alla, l-insara jinfexxu fix-xandir u fit-tifħir, waqt li jesprimu gratitudni għad-don tal-fidi u għall-atti kollha feddejja tal-Mulej, Imma rridu nduru lejn il-Mulej b’talb ta’ petizzjoni, billi nsejħu mingħand il-Mulej protezzjoni u salvazzjoni mill-qawwiet tal-ħażin, maħfra għal dnubietna u fejqan għal irwieħna feruti, qawwa biex inġorru l-piżijiet tal-ħajja u grazzja biex inwettqu r-rieda ta’ Alla. Spiss it-talb ta’ petizzjoni għandu jkun magħmul b’sens ta’ urġenza u ta’ supplika. Għal dan il-bniedem tas-salm 141 (Sal 141, 1.8) jgħid:
“Lilek Mulej, insejjaħ, fittex għinni; / Isma leħni, jiena u nsejjaħlek. / Lejk, Mulej Sidi, jiena ndawwar għajnejja: / fik nistkenn, tħallinix nintrema”.
It-talb ta’ petizzjoni joħroġ minn għarfien umli tal-bżonn kbir li għandna tal-grazzja ta’ Alla, u minn fiduċja profonda fil-ħniena qawwija ta’ Alla. Din hekk tkun akkumpanjata minn atteġġjament ta’ adorazzjoni. Ninżlu għarkubbtejna, għallinqas fl-ispirtu, għall-preżenza adorabbli tal-majjestà ta’ Alla, u l-kliem li nlissnu jkunu bħal dawk tas-salmista li jiddikjara:
“Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek, / ikunu jdejja merfugħa ‘l fuq bħas-sagrifiċċju filgħaxija” (Sal 141, 2).
4. Is-Salvatur tagħna wegħdna: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, jiena nkun f’nofshom” (Mt 18, 20). Aħna nafu li dan huwa minnu llejla waqt li bħala nsara qegħdin ningħaqdu flimkien f’talb komuni. Il-preżenza ta’ Kristu timla dan il-katidral li fih qegħdin infaħħru fil-waqt li fih infaħħru ismu, u fil-waqt li fih nitolbu għal dik l-għaqda perfetta bejn l-insara li huwa jrid għas-segwaċi tiegħu.
Ladarba t-talb veru jfawwar f’servizz ġeneruż, aħna m’aħniex illejla ninsew l-bżonnijiet kbar ta’ ħutna li qegħdin ibatu fid-dinja kollha. Bħala tweġiba fidila lill-Mulej, li l-Ispirtu Santu tiegħu qanqal il-moviment ekumeniku, mhux biss irridu nitolbu flimkiebn u nidħlu fi djalogu ekumeniku, imma nimpenjaw ruħna wkoll fi sforzi ta’ kollaborazzjoni flimkien biex nippromwovu dinja iktar ġusta u iktar paċifika. Aħna nfittxu li nsiru, u ngħinu lil xulxin biex inkunu, “il-melħ tal-art” u “id-dawl tad-dinja” (cf. Mt 5, 11-16). B’dan il-mod, ejjew inxandru flimkien il-bxara t-tajba tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, li huwa ħaġa waħda mal-Knisja tiegħu.
5. It-talba sabiħa magħrufa bħala l-Magnificat, li se nirreċitaw flimkien illejla, tindirizza l-menti tagħna lil Alla u lill-preżenza feddejja tiegħu fl-istorja umana. Din titfa wkoll l-attenzjoni tagħna lejn Marija, Omm is-Salvatur. Din il-mara ta’ fidi tibqà għalina mudell ta’ ħajja qaddisa. B’mod speċjali, hija sperimentat il-preżenza ta’ Alla f’ħajjitha meta saret Omm il-Feddej tagħna. Bħala mara li qalbha kienet mimlija tifħir hija żiedet il-kobor ta’ Alla, billi xandret it-tieba tiegħu lejn il-foqra u l-umli u billi tkellmet dwar il-ħniena tiegħu lejn il-ġenerazzjonijiet kollha. Flimkien ma’ Marija, aħna ngħaqqdu leħinna biex infaħħru “il-kobor tal-Mulej” (cf. Lq 1, 46).
Aħna nagħmlu dan f’għaqda ma’ Ġesù Kristu, li jibqà għal dejjem id-dawl tad-dinja, u li joffrilna d-dawl tal-ħajja (cf. Ġw 8, 12). Ħuti għeżież: ejjew nilqgħu mingħandu dan id-dawl u ejjew nimxu f’dan id-dawl, għall-glorja ta’ Missieru, li jgħix u jsaltan mal-Ispirtu Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb