Din hi t-tielet parti minn konferenza li ta Padre Amadeo Cencini f’laqgħa lill-promuturi vokazzjonali li saret f’Pariġi mid-19 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2018. Padre Cencini hu speċjalista tal-vokazzjonijiet saċerdotali u tal-ħajja konsagrata. Infakkru li t-tema tal-konferenza kienet ‘Il-Kultura Vokazzjonali’.
IL-KULTURA VOKAZZJONALI – 3
Persuna li tagħti ħajjitha ma tkun għamlet xejn speċjali, xejn straordinarju u xejn erojku. Li tagħti ħajtek hi normali, għax il-ħajja kienet mogħtija lilek. Inti l-frott ta’ dan ir-rigal, li ġġorr fik u li hu miktub fin-natura tiegħek. Il-ħajja mhix fil-possessjoni tiegħek, proprju għax din ġiet mogħtija lilek. U jekk il-ħajja ġiet mogħtija lilek, dan ifisser li fik hemm il-kapaċità, anzi s-sejħa sottili li forsi m’intix tintebah biha. Ġo fik hemm is-sejħa li inti tagħti ħajtek għall-ġid tal-oħrajn.

Meta ssemmi din l-idea, bħalma għamilt jiena, lil xi 50 żgħażagħ li qed tkellem, ħadd minnhom ma jista’ jgħid: “Le din mhix tajba għalija!” Iva, din tgħodd għalik ukoll; imbagħad inti ħieles li tagħmel l-għażla li trid. Tista’ tagħżel l-istat ta’ ħajja u l-professjoni li trid, imma kun af li m’intix ħieles li toħroġ minn din il-loġika, għax din hi loġika mnaqqxa, stampata u miktuba b’mod profond fil-qalb ta’ kull bniedem. Kull persuna li titwieled fid-dinja issib fiha dan l-istint. Ifhmu li ma jeżistix biss l-istint sesswali u stinti simili, imma jeżisti wkoll l-istint li wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn. Irridu ngħaddu l-idea li dan kollu jappartjeni għan-natura tal-bniedem. U din mhix ħaġa stramba.
Żewġ mudelli
Hu importanti fir-reliġjon Nisranija li nħarsu lejn żewġ mudelli: dak tal-Kreazzjoni u dak tar-Redenzjoni. Dan hu punt importanti ħafna fil-vokazzjoni. S’issa fil-pastorali vokazzjonali aħna mxejna l-aktar fid-dawl tal-mudell tal-Kreazzjoni. Dan il-mudell ifisser li l-vokazzjoni hi espressjoni ta’ dak id-disinn originarju li Alla l-Ħallieq kellu għalik fil-mument ta’ twelidek, fil-mument tal-ħolqien tiegħek. Mela f’ dan il-mudell il-vokazzjoni tfisser li twettaq il-poġett ta’ Alla l-Ħallieq.
Normalment il-pastorali vokazzjonali tesprimi l-mudell tal-Kreazzjoni, li persuna trid twettaq il-proġett li l-Missier għandu għaliha sa mill-bidu tal-Kreazzjoni, imma li jirreferi biss għall-persuna. Illum nara li hu iżjed għaqli li nimxu għall-mudell vokazzjonali tar-Redenzjoni.
Dan ifisser li l-vokazzjoni Nisranija mhix biss it-twettiq ta’ proġett personali u li jirreferi għall-persuna weħidha, imma li tieħu sehem attiv u responsabbli fl-istorja tar-Redenzjoni. B’mod konkret ifisser li tqiegħed lilek innifsek responsabbli għas-salvazzjoni tal-oħrajn. Dan il-mudell tal-attenzjoni hu iktar minn hekk. Ma jnessix il-mudell tal-Kreazzjoni imma jiżviluppah aktar, hekk li inti ma taħdimx biss għalik innifsek imma taħdem biex twettaq il-ħolma li l-Ħallieq għandu għalik. Li inti tieħu sehem fl-istorja tas-salvazzjoni.
Inti li ġejt salvat bid-demm ta’ Kristu issa inti msejjaħ biex tieħu fuqek is-salvazzjoni tal-oħrajn, għax fil-Ġenna aħna ma nidħlux weħidna. Fil-bieb tal-Ġenna hemm kitba kbira li tgħid: “Hawn ma jidħlux nies li huma weħidhom”. M’intix skużat, anke jekk inti ikkonsagrat. Int ukoll, ma tistax tidħol il-Ġenna waħdek. Tidħol biss ma’ ieħor fuq spallejk, ieħor li salvajt u li kont responsabbli għalih. Tista’ tkun kast għal kollox, fqir għal kollox, ubbidjenti għal kollox u għext sewwa l-proġett ta’ ħajtek, tista’ tkun għamilt kollox għalik innifsek biex takkwista l-merti u biex tidħol il-Ġenna.
Il-mudell tar-Redenzjoni
It-tieni mudell, tar-Redenzjoni, ifisser li inti tkun responsabbli mis-salvazzjoni tal-oħrajn. Wara kollox dan hu l-veru Nisrani, għaliex Kristu fuq is-salib salvana mill-egoiżmu u għalhekk wieħed jista’ jqis li hu salvat biss jekk hu jieħu fuqu s-salvazzjoni li ġab Kristu.
Għandna nħabbru l-vokazzjoni b’dan il-mod. Ma nibqgħux inħabbru l-vokazzjoni bħala xi ħaġa tajba li tiġi weħidha, bħallikieku saret possibbli għaliex saret spiritwali. Mhux hekk, għax il-bniedem hu maħluq biex qabel xejn jagħti l-ħajja. Diġa għedna li f’termini Nsara l-bniedem hu msejjaħ biex jieħu fuqu s-salvezzjonia tal-oħrajn.
Jiena nemmen li dawn iż-żewġ mudelli huma fundamentali llum biex noħolqu l-mentalità vokazzjonal. L-Istituti vokazzjonali jridu jaqblu dwar dan għall-vokazzjoni pastoral. Azzjoni li ma taqbilx ma dan is-sens ma twassalx għall-frott u għal riżultati mixtieqa.
Is-sensibbiltà vokazzjonali
It-tieni element hu s-sensibbiltà vokazzjonali. Tajjeb nieqfu ftit fuq dan biex ngħidu sewwasew x’inhi s-sensibbiltà vokazzjonali. Il-kunċett tas-sensibbiltà hu importanti ħafna fil-ħajja Nisranija u fil-ħajja konsagrata. Jekk naqraw l-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali dwar il-Ħajja Konsagrata, li hu dokument rikk ħafna, li jiddefinixxi l-formazzjoni u l-objettiv tal-ħajja konsagrata. Naraw x’tgħid l-ittra lill-Filippin, kapitlu 2. Hu kliem Pawlu li jikteb lil-Insara ta’ Filippi u jirrikkmandalhom li jkollhom l-istess sentimenti ta’ Kristu.
S’issa aħna konna mdorrijin fuq kunċetti oħra biex nuru x’inhu l-ideal tal-ħajja Nisranija. Per eżempju l-idea tas-Sequela Christi, l-idea tad-dixxipulat jew dik tal-konsagrazzjoni u tal-imitazzjoni ta’ Kristu. Minflok, hawnhekk qed nipproponu mudell differenti, il-mudell tal-konformazzjioni mas-sensibbiltà ta’ Kristu.
Għax is-sentimenti huma biss element ta’ dik id-dinja rikkissima, hekk interjuri, li nsejħulha sensibbiltà. Minn xhiex hi magħmula s-sensibbiltà? Is-sensibbiltà hi magħmula minn sensi esterni u sensi interni: sensazzjoni, emozzjoni, sentimenti, affetti, xewqat, gosti jew attrazzjoni, kriterji ta’ għażla, biex niddixxernu. Is-sensibbilta hi dan kollu, dinja interjuri rikkissma.
Mela li nkunu Nsara, skont San Pawl, ifisser li jkollna l-istess sensibbiltà ta’ Kristu, tal-Iben ubbidjenti, il-qaddej sofferenti, tal-Ħaruf innoċenti, li hu espressjoni tas-sensibbiltà tal-Missier. Dan hu tassew sabiħ. Għax qabel kull ħaġa oħra li dan jgħidilna, jgħidilina wkoll ħaġa li tirrigwardja t-teoloġija. Li aħna l-Insara nemmnu f’Alla li għandu emozjoni u sentimenti, Alla li jisma’ l-karba tal-poplu tiegħu, kif jgħid is-salm meraviljuż, Alla li jixxotta d-dmugħ tagħna u li jieħu sehem fin-niket ta’ min ibati.
Naraw li l-ħajja ta’ Ġesù hi kollha manifestazzjoni tas-sensibbilità ta’ Alla, li jagħti widen għall-armla tal-iltim li marret għandu biex jgħinha. Nixtieqkom tifhmu kemm hu importanti li nemmnu f’Alla hekk, li hu sensibbli, u allura li nkunu konsagrati jfisser li jkollna s-sensibbiltà tiegħu. Jiġifieri naħdmu fuq din id-dinja interjuri. Allura l-formazzjoni kollha, inizjali u permanenti, trid tkun ħidma kontinwa ta’ sensibbiltà li forsi mhix issir illum.
Sensibbiltà li hi nieqsa llum
Jekk taraw ir-Ratio Formazionis tagħna, anke l-aħħar waħda ta’ sentejn ilu, fiha ħafna kliem sabiħ bil-Latin u tinstema’ hekk sollenni, imma taraw li lanqas hemm linja f’paragrafu dedikat għall-formazzjoni tas-sensibbiltà. X’formazzjoni hi jekk ma niffurmawx fuq is-sensibbiltà? Niffurmaw dak li hu estern, niffurmaw l-imġieba. Imma diġa l-‘missirijiet’ tagħna għamlu hekk. Min huma l-‘missirijiet’ tagħna? Huma l-Fariżej. Kienu jgħixu f’imġieba korretta, imma x’kien hemm ġewwa? Hu minħabba f’hekk li Ġesu kien jinkorla għalihom.
Dan hu fatt preokkupanti għalina llum. Ngħidilkom mix-xogħol li nagħmel fil-formazzjoni: illum qed nirriskjaw li nibqgħu nagħtu formazzjoni li ma tagħtix attenzjoni għal dan l-aspett fundamentali tal-ħajja tal-bniedem, jiġifieri għas-sensibbiltà tiegħu.