Kitba ta’ Daniel Borg
Illum rajna lill-Papa jikkanonizza lil Carlo Acutis u lil Pier Giorgio Frassati, żewġ żgħażagħ li poġġew lil Ġesu’ fiċ-ċentru tal-ħajja tagħhom. U l-Papa jikkummenta l-qdusija tagħhom fid-dawl tal-qari tal-lum. Fl-ewwel qari r-re Salamnu jagħraf li għalkemm wiret saltna u ħafna ġid, hu ma jistax imexxi b’mod tajjeb jekk ma jingħatax l-għerf li ġej minn Alla: “Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek, jekk int innifsek ma tajtux l-għerf, u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?” (Għerf 9,17)
Ir-re Salamun infatti jinduna li l-ħajja tagħna tkun moħlija jekk din tkun barra mill-proġett ta’ Alla. U fil-Vanġelu Ġesu’ jfissrilna dan il-proġett: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi” (Lq 14,27). Hu wkoll jgħidilna: “ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu” (Lq 14,33). Dan huwa l-proġett li Ġesu’ qed jistedinna għalih, u li aħna nistgħu nilqgħu jekk ninżgħu minna nfusna, mill-idejat u l-affarijiet li aħna marbutin magħhom, biex nisimgħu l-Kelma tiegħU. Ħafna żgħażagħ u nies oħra għamlu din l-għażla f’ħajjithom, San Franġisk t’Assisi, Sant Wistin, u iktar riċenti San Pier Giorgio Frassati, u San Carlo Acutis. Dawn tal-aħħar urewna li b’azzjonijiet żgħar u b’impenn sħiħ fis-soċjeta, anke politiku fil-każ ta’ Pier Giorgio, nistgħu nagħmlu ħafna ġid, basta mpoġġu lil Ġesu’ fiċ-ċentru ta’ ħajjitna.
Tista’ tara dan il-ħsieb ukoll fuq din il-ħolqa ta’facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0apiLkakS5EvEvcagfup1VzgPKRuAmzAwKtxRX1gcSF2XJ1WsUfQtjfPJdPAX1VCal