Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Kanonizzazzjoni ta’ Carlo Acutis u Pierre Giorgio Frasscati

QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI:
– PIER GIORGIO FRASSATI U CARLO ACUTIS
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
It-XXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 7 ta’ Settembru 2025

Kelmtejn spontanji qabel il-Quddiesa bir-Rit tal-Kanonizzazzjonijiet

L-għodwa t-tajba lil kulħadd! Il-Ħadd it-tajjeb u merħba! Grazzi!

Ħuti, illum hija festa mill-isbaħ għall-Italja kollha, għall-Knisja kollha, għad-dinja kollha! U qabel ma tibda ċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Kanonizzazzjoni, xtaqt insellem u ngħid kelma lilkom ilkoll, għax, jekk minn naħa ċ-ċelebrazzjoni hi solenni ħafna, huwa anki jum ta’ ħafna ferħ! U xtaqt insellem fuq kollox lil tant żgħażagħ, adolexxenti, li ġew għal din il-quddiesa! Hi tassew barka tal-Mulej: li qed niltaqgħu magħkom ilkoll li ġejtu minn bosta pajjiżi. Hu tassew don tal-fidi li rridu naqsmu ma’ xulxin.

Wara l-quddiesa, jekk tistgħu tieħdu ftit tal-paċenzja, nittama li niġi u nsellmilkom fil-pjazza. U allura, jekk bħalissa tinsabu ’l bogħod, nittamaw tal-inqas li nkunu nistgħu nsellmu lil xulxin…

Insellem lill-familjari taż-żewġ Beati kważi Qaddisin, lid-Delegazzjonijiet uffiċjali, lil tant Isqfijiet u saċerdoti li ġew. Applaws lilhom kollha, grazzi anki lilkom li tinsabu hawn! Reliġjużi, l-Azzjoni Kattolika!

Ejjew nitħejjew għal din iċ-ċelebrazzjoni liturġika bit-talb, b’qalb miftuħa, bix-xewqa li nirċievu tassew din il-grazzja tal-Mulej. U nħossu lkoll fil-qalb tagħna l-istess ħaġa li għexu Pier Giorgio u Carlo: din l-imħabba għal Ġesù Kristu, fuq kollox fl-Ewkaristija, imma anki fil-foqra, fl-aħwa. Anki intom ilkoll, aħna lkoll, imsejħin insiru qaddisin. Il-Mulej iberikkom! Iċ-ċelebrazzjoni t-tajba! Grazzi li ġejtu!

* * *

Għeżież ħuti,

Fl-Ewwel Qari smajna mistoqsija: “[Mulej,] min qatt għaraf ir-rieda tiegħek, jekk int innifsek ma tajtux l-għerf, u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?” (Għerf 9:17). Smajnieha wara li żewġ Beati żgħażagħ, Pier Giorgio Frassati u Carlo Acutis, ġew ipproklamati Qaddisin, u dan hu providenzjali. Fil-fatt, din il-mistoqsija fil-Ktieb tal-Għerf hi attribwita proprju lil żagħżugħ bħalhom: is-sultan Salamun. Mal-mewt ta’ missieru David, hu ntebaħ li kellu ħafna ħwejjeġ f’idejh: il-poter, l-għana, is-saħħa, iż-żgħożija, il-ġmiel, is-saltna. Imma proprju din l-abbundanza kbira ta’ mezzi kienet qanqlitlu f’qalbu mistoqsija: “X’għandi nagħmel biex dan kollu ma jisfax mitluf?”. U kien fehem li l-unika triq biex isib tweġiba kienet dik li jitlob lil Alla don ikbar: l-Għerf tiegħu, biex jagħraf il-pjanijiet tiegħu u b’fedeltà joqgħod għalihom. Fil-fatt, kien intebaħ li hekk biss kull ħaġa ssib postha fil-pjan kbir tal-Mulej. Iva, għax l-ikbar riskju tal-ħajja hu dak li naħluha ’l barra mill-pjan ta’ Alla.

Anki Ġesù, fil-Vanġelu, ikellimna dwar pjan li għalih għandna noqogħdu sal-aħħar. Jgħid: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi” (Lq 14:27); u mill-ġdid: “Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu” (v. 33). Jiġifieri hu jsejħilna biex ninxteħtu bla biża’ fl-avventura li hu qed jipproponilna, bl-intelliġenza u bil-qawwa li jiġu mill-Ispirtu tiegħu u li nistgħu nilqgħu skont kemm nitneżżgħu minna nfusna, mill-ħwejjeġ u mill-ideat li magħhom aħna marbutin, biex nistgħu nagħtu widen għall-kelma tiegħu.

Tant żgħażagħ, mal-medda tas-sekli, kellhom jaffrontaw dan is-salib it-toroq fil-ħajja. Biżżejjed naħsbu f’San Franġisk ta’ Assisi: bħal Salamun, huwa wkoll kien żagħżugħ u għani, għatxan għall-glorja u għall-fama. Għalhekk kien telaq għall-gwerra, bit-tama li jilħaq “kavallier” u li jinkesa bl-unuri. Imma Ġesù deherlu tul il-mixja u ġagħlu jirrifletti fuq dak li kien qed jagħmel. Meta daħal fih innifsu, lil Alla għamillu mistoqsija sempliċi: “Mulej, xi tridni nagħmel?”.[1] U minn hemm, lura fuq il-passi tiegħu, beda jikteb storja differenti: l-istorja tal-għaġeb ta’ qdusija li lkoll nafuha, fejn tneżża’ minn kollox biex jimxi wara l-Mulej (ara Lq 14:33), u għex fil-faqar, u flok id-deheb, il-fidda u d-drapp prezzjuż ta’ missieru, ipprefera l-imħabba għall-aħwa, speċjalment l-aktar dgħajfa u l-aktar ċkejknin.

U f’kemm qaddisin oħra nistgħu niftakru! Xi drabi aħna nirraffigurawhom bħala persunaġġi kbar, u ninsew li għalihom kollox beda meta, xħin kienu għadhom żgħażagħ, wieġbu “iva” lil Alla u taw ruħhom lilu b’mod sħiħ, bla ma żammew xejn għalihom. Santu Wistin dwar hekk jirrakkonta li, fil-“kobba hekk imgerfxa u mħabbla” ta’ ħajtu, leħen fil-fond ta’ qalbu lissinlu: “Lilek irrid”.[2] U hekk Alla tah direzzjoni ġdida, triq ġdida, loġika ġdida, li fiha xejn mill-eżistenza tiegħu ma safa mitluf.

F’dan il-qafas, illum qed inħarsu lejn San Pier Giorgio Frassati u San Carlo Acutis: żagħżugħ tal-bidu tas-seklu 20 u adolexxent ta’ żminijietna, it-tnejn li huma nnamrati ma’ Ġesù u lesti jagħtu kollox għalih.

Pier Giorgio ltaqa’ mal-Mulej l-iskola u fil-gruppi ekkleżjali – l-Azzjoni Kattolika, il-Konferenzi ta’ San Vinċenz, il-FUCI, u t-Terz’Ordni Dumnikan – u ta xhieda tiegħu bil-ferħ tiegħu li jgħix u li jkun Nisrani fit-talb, fil-ħbiberija, fil-karità. Sal-punt li, meta rawh jiġri mat-toroq ta’ Turin b’karretti mimlija għajnuna għall-foqra, sħabu kienu laqqmuh “Frassati Impresa Trasporti”! Anki llum, il-ħajja ta’ Pier Giorgio tirrappreżenta dawl għall-ispiritwalità lajkali. Għalih il-fidi ma kinitx devozzjoni privata: imqanqal mill-qawwa tal-Vanġelu u mill-appartenenza għall-assoċjazzjonijiet ekkleżjali, ħabrek b’ġenerożità fis-soċjetà, ta sehmu fil-ħajja politika, ingħata b’ħeġġa kbira għall-qadi tal-foqra.

Carlo, min-naħa tiegħu, iltaqa’ ma’ Ġesù fil-familja, grazzi għall-ġenituri tiegħu, Andrea u Antonia – preżenti hawn illum maż-żewġ ħutu, Francesca u Michele – u mbagħad anki hu fl-iskola, u fuq kollox fis-Sagramenti, iċċelebrati fil-komunità parrokkjali. Hekk huwa kiber waqt li fil-ġranet tiegħu ta’ tifel u ta’ adolexxent integra b’mod naturali t-talb, l-isport, l-istudju u l-karità.

It-tnejn li huma, Pier Giorgio u Carlo, ikkultivaw l-imħabba għal Alla u għall-aħwa permezz ta’ mezzi sempliċi, li jista’ jilħaqhom kulħadd: il-quddiesa ta’ kuljum, it-talb, speċjalment l-Adorazzjoni Ewkaristika. Carlo kien jgħid: “Quddiem ix-xemx nismaru. Quddiem l-Ewkaristija nsiru qaddisin!”, u mill-ġdid: “Id-dwejjaq huma l-ħarsa fuqna nfusna, il-ferħ huwa l-ħarsa lejn Alla. Il-konverżjoni mhix għajr li ndawru l-ħarsa mill-baxx għall-Għoli, biżżejjed sempliċi ċaqliqa tal-għajnejn”. Ħaġa oħra essenzjali għalihom kienet il-Qrar ta’ spiss. Carlo kiteb: “L-unika ħaġa li rridu nibżgħu minnha tassew hi d-dnub”; u kien jistagħġeb kif – dan dejjem kliemu – “il-bnedmin jinkwetaw tant għas-sbuħija ta’ ġisimhom u ma jinkwetawx għas-sbuħija ta’ ruħhom”. Fl-aħħar nett, it-tnejn li huma kellhom devozzjoni kbira lejn il-qaddisin u lejn il-Verġni Marija, u kienu jipprattikaw b’ġenerożità l-karità. Pier Giorgio kien jgħid: “Madwar il-foqra u l-morda jiena nilmaħ dawl li aħna m’għandniex”.[3] Il-karità kien isejħilha “l-bażi tar-reliġjon tagħna” u, bħal Carlo, kien iħaddimha fuq kollox permezz ta’ ġesti żgħar konkreti, spiss moħbija, huwa u jgħix dik li l-Papa Franġisku sejħilha “l-qdusija ‘tal-bieb ta’ maġenbna’” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 7).

Imqar meta sfaw milquta mill-mard li ħasad il-ħajjiet żgħażagħ tagħhom, lanqas dan ma waqqafhom u ma żammhom milli jħobbu, milli joffru ruħhom lil Alla, milli jberkuh u jitolbuh għalihom u għal kulħadd. Jum wieħed Pier Giorgio qal: “Il-jum tal-mewt se jkun l-isbaħ jum ta’ ħajti”;[4] u fuq l-aħħar ritratt tiegħu, li ħadu huwa u jixxabbat ma’ muntanja tal-Val di Lanzo, b’wiċċu mdawwar lejn id-destinazzjoni, kiteb: “Lejn l-għoli”.[5] Imbagħad, f’età iktar żagħżugħa, Carlo kien iħobb jgħid li s-Sema dejjem jinsab hemm jistenniena, u li biex inħobbu l-jum ta’ għada jeħtieġ li llum nagħtu l-aħjar tal-frott tagħna.

Għeżież, il-qaddisin Pier Giorgio Frassati u Carlo Acutis huma stedina lilna lkoll, fuq kollox liż-żgħażagħ, biex ma naħlux ħajjitna, imma norjentawha lejn l-għoli u nagħmlu minnha kapulavur. Jinkuraġġuna bi kliemhom: “Mhux jien, imma Alla”, kien jgħid Carlo. U Pier Giorgio: “Jekk iżżomm lil Alla fiċ-ċentru ta’ kull azzjoni tiegħek, allura tasal sal-aħħar”. Din hi l-formula sempliċi, imma rebbieħa, tal-qdusija tagħhom. U hija wkoll ix-xhieda li aħna msejħin insegwu, biex niggustaw il-ħajja sal-aħħar u mmorru niltaqgħu mal-Mulej fil-festa tas-Sema.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] Leggenda dei tre compagni, kap. II: Fonti Francescane, 1401.

[2] Confessiones, II, 10, 18.

[3] Nicola Gori, Al prezzo della vita: “L’Osservatore Romano”, 11 ta’ Frar 2021.

[4] Irene Funghi, I giovani assieme a Frassati: un compagno nei nostri cammini tortuosi: “Avvenire”, 2 ta’ Awwissu 2025.

[5] Ibid.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading