Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Knisja ta’ Sant’Anna fil-Vatikan

QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FIL-QUDDIESA
FIL-KNISJA TA’ SANT’ANNA FIL-VATIKAN
Parroċċa ta’ Sant’Anna fil-Vatikan
Il-Ħadd 21 ta’ Settembru 2025

Għeżież ħuti,

Inħossni partikularment kuntent li qed nippresiedi din l-Ewkaristija fil-parroċċa pontifiċja ta’ Sant’Anna. Insellem bi gratitudni lir-reliġjużi Agostinjani li jwettqu hawn is-servizz tagħhom, b’mod partikulari lill-kappillan, Patri Mario Millardi, kif ukoll lill-Prijur Ġenerali l-ġdid tal-Ordni, li llum jinsab magħna hawn, Patri Joseph Farrell; u nixtieq insellem ukoll lil Patri Gioele Schiavella, li ftit ilu għalaq l-età venerabbli ta’ 103 snin.


Din il-knisja tinsab wieqfa f’pożizzjoni speċjali, li hi wkoll muftieħ għall-ministeru pastorali li jsir fiha: fil-fatt, ninsabu, biex ngħidu hekk, “fuq il-fruntiera”, u minn quddiem Sant’Anna jgħaddu kważi dawk kollha li jidħlu u joħorġu mill-Belt tal-Vatikan. Hemm min jgħaddi minħabba xogħol, min bħala mistieden jew pellegrin, min mgħaġġel, min anzjuż u min seren. Jalla kulħadd iħoss li hawn bibien u qlub miftuħa għat-talb, għas-smigħ, u għall-karità!

Dwar dan, il-Vanġelu li għadu kemm ġie pproklamat jipprovokana biex nistħarrġu b’attenzjoni r-rabta tagħna mal-Mulej u, għalhekk, bejnietna. Ġesù jpoġġi alternattiva ċarissma bejn Alla u l-ġid, u jitlobna nieħdu pożizzjoni ċara u koerenti. “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien”, u allura “ma tistgħux taqdu lil Alla u l-flus” (ara Lq 16:13). Din mhix xi għażla aċċidentali, bħal ħafna oħrajn, lanqas għażla li nistgħu nirreveduha aktar tard, skont is-sitwazzjonijiet. Hemm bżonn niddeċiedu fuq stil veru u proprju ta’ ħajja. Irridu nagħżlu fejn inpoġġu l-qalb tagħna, irridu nagħmluha ċara lil min tassew inħobbu, lil min naqdu b’dedikazzjoni u liema hu tassew il-ġid tagħna.

Huwa għalhekk li Ġesù jpoġġi proprju kontra xulxin il-flus u Alla: il-Mulej jitkellem hekk għax jaf li aħna ħlejjaq fqajra, li ħajjitna mimlija bżonnijiet. Sa minn meta nitwieldu, foqra, għarwiena, ilkoll niġu bżonn tal-kura u l-affett, ta’ dar, ta’ ikel, ta’ lbies. L-għatx għall-ġid jirriskja li jieħu post Alla fil-qalb tagħna, meta naħsbu li dan hu li jsalva l-ħajja tagħna, kif jaħseb l-amministratur ħażin tal-parabbola (ara Lq 16:3-7). It-tentazzjoni hi din: li naħsbu li mingħajr Alla nistgħu xorta waħda ngħixu tajjeb, filwaqt li mingħajr il-ġid se nkunu mdejqin u mifnija minn elf bżonn. Quddiem il-prova tal-bżonn inħossuna mhedda, imma flok ma nitolbu l-għajnuna bil-fiduċja u flok naqsmu bi fraternità, niġu ttentati nikkalkulaw, nakkumulaw, insiru suspettużi lejn l-oħrajn.

Dawn il-ħsibijiet jibdlu l-proxxmu f’konkorrent, f’għadu, jew f’xi ħadd li rridu nieħdu vantaġġ minnu. Kif iwissina l-profeta Għamos, dawk li jridu jagħmlu mill-ġid strument ta’ ħakma ma jarawx is-siegħa li “jixtru bil-flus il-foqra” (Għam 8:6), billi jisfruttaw il-faqar tagħhom. Bil-maqlub, Alla ħaseb li fil-ħolqien ikun hemm ġid għal kulħadd. Għalhekk il-faqar tagħna ta’ ħlejjaq jixhed għal wegħda u rabta, li l-Mulej jieħu ħsiebhom hu stess. Is-salmista jiddeskrivi hekk dan l-istil ta’ providenza: Alla “jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art”; hu “jqajjem mit-trab l-imsejken, u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar” (Salm 113:6-7). Hekk iġib ruħu l-Missier twajjeb, dejjem u ma’ kulħadd: mhux biss ma’ min hu fqir mill-ġid ta’ din l-art, imma anki ma’ dik il-miżerja spiritwali u morali li tifni kemm lis-setgħanin u lid-dgħajfa, lill-foqra u lill-għonja.

Fil-fatt, il-kelma tal-Mulej ma tpoġġix kontra xulxin lill-bnedmin fi klassijiet rivali, imma tixpruna lil kulħadd għal rivoluzzjoni interjuri, konverżjoni li tibda mill-qalb. Hawn jinfetħulna jdejna: biex nagħtu, mhux biex naħtfu. Hawn jinfetħu l-imħuħ tagħna: biex infasslu soċjetà aħjar, mhux biex ninnegozjaw bl-aħjar prezz. Kif jikteb San Pawl, “nitlob l-ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità” (1 Tim 2:1). Illum, b’mod partikulari, il-Knisja titlob biex il-mexxejja kollha tal-ġnus ikunu ħielsa mit-tentazzjonijiet li jużaw l-għana kontra l-bniedem, u jibdluh f’armi li jeqirdu l-popli u f’monopolji li jumiljaw lill-ħaddiema. Min jaqdi lil Alla jsir ħieles mill-għana, imma min jaqdi lill-għana jibda lsir tiegħu! Min ifittex il-ġustizzja jibdel l-għana f’ġid komuni; min ifittex il-ħakma jibdel il-ġid komuni fil-priża tar-regħba tiegħu stess.

L-Iskrittura Mqaddsa tixħet dawl fuq din ir-rabta żejda mal-ġid materjali, li tħawdilna qalbna u tgħawweġ il-futur tagħna.

Għeżież, nirringrazzjakom li, b’diversi modi, qed tikkoperaw biex iżżommu ħajja l-komunità ta’ din il-parroċċa u tħaddmu wkoll appostolat ġeneruż. Inħeġġiġkom tipperseveraw bit-tama fi żmien serjament mhedded mill-gwerra. Popli sħaħ illum qed jiġu miknusa mill-vjolenza u iktar minn hekk, minn indifferenza bla mistħija ta’ xejn, li tabbandunahom għal destin ta’ miżerja. Quddiem dawn it-traġedji, ma rridux nagħlqu għajnejna, imma nħabbru bil-kliem u bl-opri tagħna li Ġesù hu s-Salvatur tad-dinja, dak li jeħlisna minn kull deni. L-Ispirtu tiegħu jibdel il-qlub tagħna biex, mitmugħa mill-Ewkaristija, l-ogħla teżor tal-Knisja, nistgħu nsiru xhieda ta’ karità u ta’ paċi.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading