Diskors tal-Papa Ljun XIV lis-Sorijiet

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LIS-SORIJIET KARMELITANI SKALZI TAL-ART IMQADDSA
U L-PARTEĊIPANTI TAL-KAPITLI ĠENERALI
TAS-SORIJIET TA’ SANTA KATERINA VERĠNI U MARTRI,
TAS-SALEŻJANI MISSJUNARJI TA’ MARIJA IMMAKULATA
U S-SORIJIET TA’ SAN PAWL TA’ CHARTRES

Sala tal-Konċistorju
It-Tnejn 22 ta’ Settembru, 2025

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-paċi magħkom!

L-għodwa t-tajba lil kulħadd, merħba bikom!

Kuntent li qed niltaqa’magħkom dalgħodu, fl-okkażjoni tal-Kapitli Ġenerali u l-Assemblej Ġenerali.  Insellem lis-Superjuri preżenti u lilkom ilkoll, flimkien ma’ xi konfratelli li jakkumpanjawkom waqt il-laqgħat tagħkom.

Karatteristika komuni tal-Istituti tagħkom hi l-kuraġġ tipiku ta’ kif bdejtu.  Għalhekk nixtieq nieħu spunt mill-Ktieb ta-Proverbji li jgħid: “Mara ta’ ħila min isibha?  Tassew tiswa aktar mill-ġawhar” (Prov. 31,10), biex nagħmel riflessjoni qasira.

Naħseb li l-istejjer tagħkom joffru tweġiba għal dil-mistoqsija: infatti, fihom Alla ma sabx biss mara waħda iżda ħafna nisa qawwijin u kuraġġużi li ma qagħdux jaħsbuha biex jieħdu riskji u jaffrontaw problemi biex jitħaddnu mal-proġetti tiegħu u jwieġbu “iva” għas-sejħa lil għamlilhom.  Mhux biss: huma wittew it-triq għal ħafna oħrajn, li, bħalkom, fis-sekwela ta’ Kristu fqir, kast u ubbidjenti, komplew il-ħidma, kultant sal-martirju.

Qed nitkellmu dwar nisa straordinarji li marru fil-missjoni fi żminijiet diffiċli, li mielu fuq il-miżerji morali u materjali fl-ambjenti l-aktar abbandunati tas-soċjetà; li biex ikunu qrib min kien fil-bżonn, aċċettaw li jirriskjaw ħajjithom, sa ma tifluha, vittmi ta’ vjolenzi brutali fi żminijiet ta’ gwerra.

Innu antik tal-Liturġija tas-siegħat jgħanni t-tifħir ta’ dawn in-nisa, jikxef is-sigriet tagħhom b’dal-kliem: “Għakksu ġisimhom bis-sawm, mantnew ħsiebhom bl-ikel ħelu tat-talb, xorbu mill-hena tas-sema” (cfr. Innu Fortem virili pectore: Komun tal-Qaddisin Nisa, l-Ewwel Vespri).

Kliem għalqi u profond, li jfakkar l-għeruq tal-ħajja konsagrata tagħkom, kemm fil-kontemplazzjoni kif ukoll fl-impenn appostoliku.  Infatti, il-qawwa tal-fedeltà, f’dawn iż-żewġ livelli, titnissel mill-istess għajn, Kristu.  L-esperjenza millenarja tal-Knisja tgħallem li l-mod li bih tinkiseb l-għana tal-grazzja jinkludi l-axxetiżmu, it-talb, is-sagramenti, l-intimità ma’ Alla u ma’ kulma hu tas-Sema (cfr Kol 3:1-2)

Forsi xi ħadd fid-dinja immanentista tagħna jidhirlu li dan hu xi tip ta’ “spiritwaliżmu”.  Iżda propju x-xhieda ta’ dak li tul is-sekli l-Kongregazzjonijiet tagħkom għamlu u għadhom jagħmlu, tirribatti dan faċilment.  Infatti, hu biss bil-qawwa li tiġi minn Alla li dan kollu kien possibbli.  Mill-banda l-oħra dan inġarrbuh ta’ kuljum: ħidmietna jinsabu f’idejn il-Mulej u aħna m’aħniex ħlief “qaddejja li ma niswew għal xejn”, kif jgħidilna l-Evanġelju (Lq 17,10).  Madankollu, jekk nintelqu f’idejh, jekk nibqgħu marbutin miegħu, jiġru ħwejjeġ kbar, propju permezz tal-faqar tagħna.

Dwar dan, lill-verġni, Santu Wistin kien jirrikmandalhom: “Intrefa’ fil-għoli bl-umiltà.  Alla jerfa’ lil dawk li jimxu warajh bl-umiltà… Afdalu d-doni li tak, biex iħarishom; qiegħed is-saħħa tiegħek quddiemu (cfr. Salm 58:10)” (De sancta virginitate, 52,53).  U meta San Ġwanni Pawlu II kien qed jimmedita dwar il-ħajja reliġjuża fid-dawl tat-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu (cfr Mt, 1-9), tkellem dwar “it-tlugħ fuq il-muntanja” u “l-inżul mill-muntanja” (Eż. App. Vita consecrata, 25 ta’ Marzu, 1996, 14), li permettiet li “d-dixxipli li gawdew din il-familjarità mal-Imgħallem, imdawlin għal ftit mumenti mid-dija tat-Trinità u mix-xirka tal-qaddisin, qishom merfugħin ’il fuq lejn ix-xefaq tal-eternità, minnufih isibu ruħhom fil-ħajja ta’ kuljum, fejn ma jarawx ħlief lil “Kristu waħdu”, fiċ-ċokon tan-natura tiegħu ta’ bniedem bħalna, u jiġu mistiedna biex jinżlu ’l isfel ħalli miegħu jwettqu l-ħidma mitluba mill-pjan ta’ Alla, u b’rieda sħiħa jaqbdu t-triq tas-salib” (ibid).

F’dan id-dawl inħarsu lejn Regina Protman, Maria Gertrude tad-Demm Prezzjuż, Marie-Anne de Tilly – flimkien ma’ Patri Louis Chauvet – Santa Tereża ta’ Avila, l-eremiti tal-Għolja tal-Karmelu, bħala persuni magħqudin intimament ma’ Alla u għalhekk ikkonsagrati għas-servizz tiegħu u għall-ġid tal-Knisja kollha, impenjati biex iħawlu u jsaħħu fl-erwieħ ta’ ħuthom dik is-Saltna ta’ Kristu li huma kienu ġarrbu ħaj ġo fihom qabel, u biex ixerrduha f’kull rokna tad-dinja (cfr Konċ. Ekum. Vatikan II, Kost. Domm. Lumen gentium, 44).

Għeżież, dan hu l-wirt li rċevejtu li juri t-tifsir kbir tal-preżenza tagħkom hawn.  Fi żmienna wkoll, infatti, hemm bżonn ta’ nisa ġenerużi.  A propożitu, ippermettuli nsellem b‘mod partikolari lis-sorijiet Karmelitani tal-Art Imqaddsa li hawn fostna: dak li qed tagħmlu hu importanti ħafna, bil-preżenza viġilanti u silenzjuża f’postijiet li sfortunatament huma mkissrin minħabba l-mibegħda u l-vjolenza, bix-xhieda li tagħtu tal-fiduċja sħiħa tagħkom f’Alla, bit-talb ħerqan ma jaqta’ xejn tagħkom għall-paċi.  Ilkoll ninsabu magħkom bit-talb tagħna, u permezz tagħkom ukoll, inħossuna qrib ta’ min qed isofri.

Grazzi lilkom ilkoll, sorelle, għall-ġid li tagħmlu f’tant pajjiżi tad-dinja u f’tant kuntesti differenti.  Inberikkom minn qalbi u niftakar fikom fit-talb tiegħi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading