Ġwanni Pawlu II fl-Istadju ta’ Cosenza fil-Calabria

VIŻTA PASTORALI FIL-CALABRIA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Stadju ta’ Cosenza
Is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 1984

1. “L-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti hija d-dar ta’ Iżrael; u l-irġiel ta’ Ġuda huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu” (Iż 5, 7).

Il-liturġija tallum hija dominata mix-xbiha biblika tal-għalqa tad-dwieli. Fil-kantiku tal-profeta Iżaija u fil-parabbola evanġelika li għadna kemm smajna, nistgħu nilmħu l-istorja kollha tas-salvazzjoni, f’kull fażi tagħha: nistgħu naqraw l-istorja tal-ġrajjiet differenti tal-bniedem, l-infideltajiet tiegħu, l-ingratitudnijiet tiegħu, imma fuq kollox nistgħu nammiraw il-manifestazzjonijiet multipli u kontinwi tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, imħabba dejjem fidila, kemm fil-patt il-qadim kif ukoll fil-ġdid.

Alla kien għażel għalih poplu, il-poplu ta’ Iżrael; miegħu kien stabilixxa patt u kien tah liġijiet, mexxejja, saċerdoti, profeti li għenuh fil-mixja lejn l-art imwegħda, il-ħelsien mill-iskjavitù, is-salvazzjoni.

Imma l-poplu magħżul ma kienx fidil għall-patt; ma weġibx għall-imħabba ta’ Alla, ma semax mill-profeti; ma osservax il-liġijiet. L-għalqa tad-dwieli ikkultivata u kkurata hekk tajjeb kellha tipproduċi għeneb tajjeb, minflok “din għamlet għeneb selvaġġ”. Alla tal-patt stenna mill-poplu tiegħu ġustizzja “u hekk hu tixrid ta’ demm”. Stenna rettitudni “u hekk hu krib ta’ nies maħkuma”. Imma minkejja dan kollu, Alla qatt ma abbanduna l-poplu tiegħu, baqà fidil lejh, billi dejjem baqà jżomm miegħu.

2. Fil-ġrajja tal-poplu magħżul tirrifletti ruħha l-istorja kollha tal-umanità u l-istess storja ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna, li aħna l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej, kemm għeneb selvaġġ ipproduċejna, minflok l-għeneb tajjeb! Kemm mibegħda u vendetti, tixrid ta’ demm, serq, rapimenti, sekwestri ta’ persuni, inġustizzji u vjolenzi ta’ kull tip!

Quddiem din ir-realtà ta’ dwejjaq, l-espressjonijiet tas-salm responsorjali jixegħlu dawl ta’ tama; il-poplu magħżul jifhem dnubu u l-ingratitudni tiegħu u jdur lejn Alla tal-imħabba u tal-fedeltà biex jitlob maħfra u għajnuna; “Alla tal-eżerċti, dur . . . / ipproteġi r-razza li l-leminija tiegħek ħawlet . . . / Minnek qatt iktar ma nitbegħdu, / agħmel li ngħixu u nqimu l-ismek. / Qajjiemna Mulej . . . agħmel li wiċċek jiddi / u aħna nkunu salvi” (Sal  79).

Hekk hu, is-salmista jitkellem bil-lingwaġġ tal-konverżjoni u tal-indiema. Hija l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej li tokrob, lil dak li ħawwilha u kkultivaha, l-indiema tagħha, it-talb tal-għajnuna u tas-salvazzjoni.

Hija trid tirriġenera u tiġġedded. Dan għandu jkun l-atteġġjament ta’ min irid jagħti sens lil ħajtu: jagħraf l-iżbal u d-dnub tiegħu, jirrikonċilja ruħu ma’ Alla u jikkonverti qalbu għall-pjan tal-imħabba u tas-salvazzjoni li hu għandu għalina.

3. Wara l-kantiku tal-profeta u tas-salmista jiġi t-tagħlim ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Bih jitwettaq l-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-biedem. Dak kollu li l-profeti kienu ħabbru bil-quddiem bħala prospettiva fih jitwettaq b’benefiċċju tal-umanità kollha. Is-sinifikat tal-għalqa tad-dwieli mhuwiex iktar limitat għad-dar ta’ Iżrael, imma jinkludi l-bnedmin kollha tal-art bla ebda distinzjoni.

Il-parabbola riferita fil-Vanġelu tallum hija drammatika għaliex fiha jitkellem ukoll dwar vjolenza u dwar mewt; imma l-epilogu tagħha jiftaħ bit-tama għaliex il-mewt ta’ bin is-sid tipprefigura lil Kristu li minnu d-dinja infdiet.

“Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu għax qal, “Min ibni jistħu!” (Mt 21, 37). Imma dawk il-bdiewa qatlu lilu wkoll.

Mal-mewt ta’ Bin Alla seħħ il-kantiku tal-għalqa tad-dwieli, diġa ntunat sekli qabel mill-profeta Iżaija, u l-valur feddej tiegħu jidħol fl-ekonomija tal-patt il-ġdid, li fih jiġi inawgurat staġun ġdid tal-istorja tas-salvazzjoni; l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tibda tgħix ħajja ġdida, u poplu ġdid jissejjaħ biex jagħmel parti mis-saltna ta’ Alla.

4. Fix-xbiha tal-għalqa tad-dwieli, il-Knisja tara wkoll lilha nfisha. Fil-kustituzzjoni apostolika Lumen Gentium il-Knisja hija wkoll rappreżentata bħala razzett jew “l-għalqa ta’ Alla” (1 Kor 3, 9).

Din l-għalqa ta’ Alla l-ġdida, li hija l-Knisja, hija msejħa mill-Missier biex twassal il-frott tar-redenzjoni u tas-salvazzjoni f’kull żmien u f’kull post.  Għandha twassal dan il-frott f’kull bniedem.

Fix-xbiha tal-għalqa tad-dwieli, maħbuba eternament minn Alla, insibu nerġgħu lil kull wieħed u waħda minna, insibu nerġgħu l-poplu ta’ Alla, nerġgħu nsibu l-Knisja li hi fil-Calabria, il-Knisja li hija f’Cosenza u li nsellem kordjalment”: l-arċisqof Monsinjur Dino Trabalzini, is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, iż-żgħażagħ li huma t-tama tal-Knisja Cosentina, il-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-kultura, l-anzjani u l-morda.

Nindirizza wkoll ħsieb ta’ rispett lill-awtoritajiet ċivili u militari, flimkien mas-sindki numerużi preżenti.

L-istorja reliġjuża tal-Calabria tgħidilna li dan il-porzjon tal-għalqa tad-dwieli tal-Mulej laqgħet il-messaġġ tal-Vanġelu sa mill-ewwel seklu, billi pproduċiet bosta frott, billi spirat bl-ispirtu nisrani l-erwieħ, l-ħajja, il-kultura, l-arti u l-folklor tan-nies tagħha. Din l-istorja tfakkarna figura ta’ bnedmin qaddisin li għanew bl-ispiritwalità tagħhom mhux biss il-Knisja tal-Calabria imma l-Knisja kollha ta’ Kristu: infakkru lil San Bilo u lil San Bartolomeo ta’ Rossano, li huma l-figuri l-iktar rappreżentanti tal-monakiżmu ċenobitiku italu-grieg; lil San Bruno, li l-bieraħ b’kommozzjoni stajt inżur; San Francesco di Paola, fundatur tal-ordni tal-Minimi. Li kien il-qaddis tal-umiltà u tal-karità l-iktar qrib tal-qalb tan-nies tal-Calabria.

Ukoll fiż-żminjiet riċenti l-entużjażmu tal-kattolċi Kożentini wera li din l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej taf  tipproduċi l-frott tagħha: biżżejjed infakkru is-saċerdoti Carlo de Cardona u Luigi Nicoletti, animaturi bla biżà tal-moviment kattoliku kalabriż, li taħt l-imbuttatura tar-Rerum Novarum u tal-Quadeagesimo anno, għarfu jippromwovu l-inizjattivi soċjali tant important għall-promozzjoni tal-ħaddiema.

5. Imma issa hemm bżonn li nħarsu lejn il-preżent, għall-frott ta’ redenzjoni u ta’ salvazzjoni li l-Knisja fil-Calabria – u hawn il-Knisja kożentina – trid tipproduċi għall-bniedem ta’ żmienna: biex jiffaċċja ir-realtà ġdida soċjali u reliġjuża, differenti mill-passat, forsi iktar mimlija b’diffikultajiet, imma wkoll iktar għanja b’potenzjal, huwa meħtieġ xogħol pastorali modern u organiku li jimpenja madwar l-isqof il-qawwiet insara kollha: saċerdoti, reliġjużi u lajċi, animati mill-impenn komuni ta’ evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana.

Jimponi ruħu qabel kollox xogħol ta’ katekeżi għal formazzjoni kontinwa tal-kuxjenzi nsara tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-adulti; katekeżi solida msejsa fuq id-duttrina awtentika tal-fidi, li tagħti lill-bniedem tallum il-motivazzjonijiet l-iktar profondi tal-adeżjoni propja ma’ Kristu u t-tagħlim tiegħu.

Azzjoni pastorali valida trid tippromwovi b’impenn is-sehem regolari tal-fidili fil-ħajja liturġika u sagramentali, b’rigward partikolari għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd, jum il-Mulej: huwa hawn li l-ħajja nisranija, permezz tat-tmigħ tal-kelma ta’ Alla u tal-ħobż ewkaristiku, tikber, tissaħħaħ u ssir portatriċi ta’ xhieda f’nofs id-dinja.

Permezz ta’ itinerarju formattiv kontinwu ta’ katekeżi u ħajja liurġika migħuxa skont in-normi stabbiliti tal-Knisja, jiġi rkuprat dak il-fenomenu vast tar-reliġjożità popolari li, jekk meħlus mill-inkrostazzjonijiet superstizzjużi possibli, jikkostitwixxi għana spiritwali kbira tan-nies tal-Calabria; il-festi reliġjużi u l-pellegrinaġġi għas-santwarji, jekk ikunu mħejjija u iggwidati kif imiss, huma okkażjonijiet propizji ta’ formazzjoni u tkabbir fil-ħajja reliġjuża.

L-impenn ta’ apostolat li biex ikun kredibli u effettiv, irid jipproduċi fil-Knisja u fl-insara l-esiġenza tax-xhieda; ma jridx ikun hemm fih kemm qsim jew kontradizzjoni bejn il-fidi nisranija u l-implikazzjonijiet kollha li, din għandha fil-ħajja ta’ kull kredent. Il-Knisja u n-nisrani huma portaturi tad-dawl, u d-dawl huwa magħmul biex idawwal: “Anqas ma jixegħlu l-musbieħ  biex iqegħduh taħt is-siegħ. Iżda fuq l-imnara u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar” (Mt 5, 15).

Il-Knisja tal-Calabria, bl-ansjetà reliġjuża u pastorali tagħha, trid tkun preżenti fir-realtà soċjali ta’ din l-art. Il-Knisja għandha missjoni kbira xi twettaq quddiem il-bniedem u s-soċjetà.

Il-Knisja trid tgħin lir-raġel u lill-mara tal-Calabria biex isaħħu s-sens tad-dinjità umana propja, is-sens tad-drittijiet u tad-dmirijiet propji, is-sens morali tar-rispett tad-drittijiet tal-oħrajn, is-sens tal-ġustizzja u tas-solidarjetà fir-rapporti umani u soċjali.

Il-Knisja jrid ikollha attenzjoni partikolari tal-pastorali tal-familja, għaliex din il-komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba tikkorrispondi mal-pjan ta’ Alla, iżżomm l-istabilità tagħha, tkun difiża u benniena tal-ħajja naxxenti, twettaq id-dmir primordjali u oriġinarju ta’ edukazzjoni umana u reliġjuża tal-ulied u tkun fl-istess ħin ċellula tas-soċjetà u knisja domestika.

6. F’belt bħal Cosenza, li għandha tradizzjoni kulturali antika ta’ prestiġju kbir, u fejn illum għandha s-sedja waħda mill-iktar universitajiet Taljani statali mportanti, l-impenn tal-Knisja għall-kultura jrid ikollu post prominenti. L-insara jridu janimaw bil-kontribut tagħhom il-kultura tal-bniedem modern, dik il-kultura jiġifieri li tibni l-mod tal-eżistena tal-bniedem u tas-soċjetà, dik il-kultura li bl-interrelazzjonijiet u influwenzi kollha tagħha hija kapaċi li toħloq kwalità tal-ħajja iktar elevata.

Hemm imbagħad skejjel kattoliċi li hawn f’Cosenza jiżvolġu rwol insostitwibbli għall-formazzjoni kulturali u nisranija taż-żgħażagħ; kif ukoll l-iskola tas-servizz soċjali u l-iskola tat-tejoloġija għal-lajċi.

Hemm imbagħad l-impenn tal-Knisja għall-ġustizzja soċjali. F’dan ir-reġġjun il-kwistjoni soċjali tissejjaħ “kwistjoni meridjonali” u iktar speċifikament “kwistjoni kalabriża”. Din hija kwistjoni li tinvesti b’mod komplessiv l-aspetti kollha tal-ħajja ta’ poplu: hemm l-aspett ekonomiku relattiv mal-grad differenti tal-iżvilupp bejn in-Nord u s-Sud tal-Italja, hemm l-aspett soċjali li jirrigwarda l-kondizzjonijiet differenti tal-ħajja tal-popolazzjoni meridjonali, hemm l-aspett morali marbut ma’ ċerti forom ta’ mġieba u ma’ ċerti manifestazzjonijiet ta’ kriminalità, hemm tant inkwiet soċjali, l-ewwel fosthom huwa llum il-qagħad, u b’mod partikolari dak ġovanili u ntellettwali, li urġentement jitolbu li jkunu mfejqa.

Quddiem dawn il-problemi l-Knisja ma tistax tiskot, ma tistax tibqà assenti jew indifferenti. Il-Knisja u l-insara għandhom id-dmir li jkunu fl-ewwel filliera biex jesponu l-inġustizzji imma b’mod speċjali biex joħolqu kuxjenza qawwija morali, soċjali u politika, li tispira inizjattivi prattiċi.

7. Waqt li għandi quddiem għajnejja din il-problematika kollha, indur mill-ġdid għal darb’oħra lejn il-kelma ta’ Alla biex nislet inkuraġġiment u sosten.

San Pawl jistedinna biex ma ninkwetawx imma, f’kull bżonn, biex nesponu quddiem Alla t-talbiet tagħna, bit-talb, is-suppliki u r-ringrazzjamenti.

U hawn hu mill-ġdid San Pawl: “F’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu. U kulma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. U Alla tas-sliem ikun magħkom!” (Fil 4, 8-9).

Iva għeżież ħuti!

Alla tas-sliem ikun dejjem magħkom!

Nestendi dan l-awgurju, flimkien ma’ tislima kordjali, ukoll, lill-membri tal-Komunità Italo-Albaniża tar-rit Grieg tal-eparkija ta’ Kungro, li ġew numerużi għal din il-laqgħa, akkumpanjati mill-isqof tagħhom , Monsinjur Giovanni Stammati.

Għeżież, nixtieq nesprimilkom imħabbti sinċiera u dik tal-Knisja kollha; naf il-ġrajjiet storiċi tagħkom, napprezza id-doti ta’ qawwa, ta’ kburija u ta’ ġentilezza. Mal-Knejjes ħutkom viċini ikollkom relazzjonijiet fraterni u ggruppaw b’mod organiku magħhom, b’mod speċjali fi ħdan il-konferenza episkopali. B’rispett ta’ xulxin  arrikkixxu lil xulxin bit-teżori tagħkom, sabiex fil-Calabria kollha isem Kristu ikun magħruf dejjem aħjar u l-messaġġ tiegħu jinftiehem u jingħex b’mod iktar sħiħ.

Waqt li niftakar ir-rabta nattiva tagħkom mal-Albanija, art twelidkom hekk għanja bi tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi, hekk qrib ‘il hemm mix-xtut tal-Adrijatiku, nittama li l-preżenza tagħkom hawn, fl-Italja akkoljenti u maħbuba, tkun għall-insara ta’ dak in-nazzjon nobbli. U wkoll li jipprofessaw il-fidi f’Alla, bħala dawl li jindika t-tama ta’ ġejjieni aħjar, meta l-libertà reliġjuża iddawwal il-qlub ta’ dawk kollha li jemmnu.

Il-liturġija tallum hija ddominata mix-xbiha biblika tal-għalqa tad-dwieli. L-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti hija d-dar ta’ Iżrael. L-għalqa tad-dwieli tal-Mulej hija l-għażiża Calabria tagħna. Jalla tkun dejjem maħbuba minn Alla ħallieq, minn Alla redentur, kif kienet maħbuba l-għalqa tad-dwieli li dwarha jitkellem il-profeta Iżaija. Hekk għeżież ħuti, nawgura waqt din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika lilkom ilkoll. Lill-Knisja tagħkom ta’ Cosenza, tal-Calabria kollha u, permezz tak-Knisja, lill-poplu kollu ta’ dan ir-reġġjun.

Allat al-paċi ikun dejjem magħkom ilkoll. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading