Il-Papa Ljun XIV lill-Għalliema u l-Istudenti

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-GĦALLIEMA U L-ISTUDENTI
TAL-ISTITUT PONTIFIĊJU ĠWANNI PAWLU II
GĦALL-ISTUDJI DWAR IŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA

Sala ClementinaIl-Ġimgħa, 24 ta’ Ottubru, 2025

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-paċi magħkom!

Buongiorno, buenos diasgood morning!

Għeżież ħuti,

bil-ferħ nagħti merħba lilkom li tiffurmaw il-komunità  akkademika internazzjonali tal-Istitut Teoloġiku Ġwanni Pawlu II għall-istudju dwar iż-żwieġ u l-familja.  Insellem lill-Kanċillier, il-Kardinal Baldassere Reina, lill-President, Mons Philippe Bordeyne, lill-Viċi-presidenti tas-sezzjonijiet extra Urbe, lill-professuri, lill-benefatturi, lilkom ilkoll għeżież studenti , flimkien mal-eks-alunni li ġew minn diversi pajjiżi fl-okkażjoni tal-Ġublew.  Ilkoll merħba bikom!

Fid-diversi kuntesti soċjali, ekonomiċi u kulturali, hemm sfidi differenti li jisfidawna: kullimkien u dejjem però għandna sejħa biex inwieżnu, niddefendu u nippromwovu l-familja, qabel kollox, bi stil ta’ ħajja koerenti mal-Evanġelju.  L-impenn tagħkom hu li fid-dawl tal-fidi u tar-raġuni sana tistudjaw il-fraġilità u l-valur tagħha (tal-familja), studju li jindokra l-ġid tal-għarajjes li jkunu se jiżżewġu, tal-miżżewġin li se jsiru ġenituri u tal-ulied li għal kulħadd huma l-wegħda ta’ umanità mġedda bl-imħabba.  Il-vokazzjoni tal-istitut tagħkom, li tnisslet mill-viżjoni profetika ta’ San Ġwanni Pawlu II bħala riżultat tas-Sinodu dwar il-familja li sar fl-1980, toħroġ aktar għad-dawl l-impenn tagħkom li tkunu organizzazzjoni waħda miġbura f’korp akkademiku magħqud u mxerred fid-diversi kontinenti, bl-għan li jkun tweġiba għall-esiġenzi tal-formazzjoni biex tkunu qrib kemm tistgħu tal-miżżewġin u tal-familji.  B’hekk ikunu jistgħu jiġu żviluppati aħjar id-dinamiċi pastorali xierqa skont ir-realtajiet lokali, ispirati mit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja u tad-duttrina soċjali tagħha.

Bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-missjoni u l-mixja tal-Knisja kollha, l-istitut tagħkom hu kontribut għall-intelliġenza tal-maġisteru pontifiċju u għall-aġġornament kontinwu tad-djalogu bejn il-ħajja tal-familja, id-dinja tax-xogħol u l-ġustizzja soċjali, bl-istudju tal-problemi tal-ħajja attwali bħalma huma l-paċi, il-kura tal-ħajja u tas-saħħa, l-iżvilupp uman integrali, ix-xogħol għaż-żgħgżagħ, is-sostenibbiltà ekonomika, l-opportunitajiet indaqs għar-raġel u għall-mara, fatturi li kollha jinfluwenzaw l-għażla għaż-żwieġ u l-prokreazzjoni.  F’das-sens, il-missjoni speċifika tagħkom tolqot ir-riċerka u t-testimonjanza tal-verità: intom u twettqu dil-ħidma, it-teoloġija għandha sejħa biex teżamina d-diversi dixxiplini li jistudjaw iż-żwieġ u l-familja, tiddejqu xejn tgħidu l-verità dwarhom, waqt li tgħixuhom fil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu u fuq l-eżempju ta’ Kristu li wriena lill-Missier bil-kliem u bil-fatti.

It-tħabbir tal-Evanġelju, li jittrasforma l-ħajja u s-soċjetà, hu għalina impenn biex nippromwovu azzjonijiet organiċi u konkreti għas-sostenn tal-familja.  Infatti, il-kawlità tal-ħajja soċjali u politika ta’ pajjiż titkejjel, b’mod partikolari, minn kemm tippermetti li l-familji jgħixu tajjeb, ikollhom ħin tagħhom biex isaħħu r-rabtiet li jżommuhom  magħqudin.  F’soċjetà li spiss teżalta l-produttività u veloċità għad-dannu tar-relazzjonijiet, huwa urġenti li l-imħabba li tkun mgħallma fil-familja terġa’ tingħata l-ħin u l-ispazju.  Fil-familja jissawru l-ewwel esperjenzi tal-fiduċja, tad-don tal-maħfra, li huma n-nisġa tal-ħajja soċjali.

Niftakar b’emozzjoni kliem il-predeċessur tiegħi, il-Papa Franġisku, meta bil-ħlewwa kellem lin-nisa tqal u talabhom jindukraw il-ferħ li qed jagħtu ħajja ġdida lid-dinja (cfr Amoris Laetitia, 171).  Kliemu jiġbor fih verità sempliċi imma profonda: il-ħajja umana hi don u dejjem għandha tkun milqugħa bir-rispett u l-gratitutdni.  Għalhekk, quddiem ir-realtà ta’ tant ommijiet li jgħixu t-tqala tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ solitudni jew emarġinati, inħoss id-dmir li nfakkar li l-komunità ċivili u l-komunità ekkleżjali għandhom ikunu impenjati bla heda biex iroddu lura lill-maternità id-dinjità sħiħa tagħha.  Għal dan il-għan hemm bżonn ta’ inizjattivi konkreti: politika li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ ħajja u xogħol xierqa; inizjattivi formattivi u kulturali li jgħarfu kemm hu sabiħ li tiġġenera; pastorali li takkumpanja lin-nisa u l-irġiel bi qrubija u smigħ.  Il-maternità u l-paternità mħarsin hekk bl-ebda mod mhuma ta’ piż għas-soċjetà, anzi huma tama li ssaħħaħha u ġġeddidha.

Għeżież professuri u studenti, il-kontribut tagħkom lejn l-iżvlupp tad-duttrina soċjali dwar il-familja jikkorrispondi mal-missjoni tal-Knisja li l-Papa Franġisku kien ta lill-Istitut tagħkom bl-ittra Summa familae cura, fejn kien kiteb: “Iċ-ċentralità tal-familja fil-mixjiet ta’ konverżjoni pastorali tal-komunitajiet tagħna u tat-trasformazzjoni tal-Knisja jesiġi illi – anki fil-livell tal-formazzjoni akkademika – fir-riflessjoni dwar iż-żwieġ u l-familja qatt ma tkun nieqsa l-perspettiva pastorali u l-attenzjoni għall-ġrieħi tal-umanità”.  Tul dawn is-snin l-Istitut tagħkom għamel tiegħu l-indikazzjonijiet tal-Kostituzzjoni Appostolika Veritatis gaudium għal teoloġija li tħaddan ħsieb miftuħ u ta’ djalogu, kultura “ta’ laqgħa bejn il-kulturi vitali u awtentiċi, permezz tal-bdil tad-doni rispettivi fl-ispazju tad-dawl mixgħul mill-imħabba t’Alla għall-kreaturi tiegħu kollha (n. 4b).  Għaldaqstant intom impenjati biex tħaddmu metodu li fid-dawl tar-rivelazzjoni jkun inter u trans dixxiplinari (cfr ivi, 4c).  F’dil-perspettiva, il-bażi tal-istudji filosofiċi u teleologiċi konsolidata stagħniet bl-interazzjoni ma’ dixxiplini oħra u dan ippermettielkom tesploraw oqsma importanti tar-riċerka.

Fost dawn nixtieq infakkar, bħala impenn ulterjuri, l-approfondiment tar-rabta bejn il-familja u d-duttrina soċjali tal-Knisja.  Il-ħidma tista’ ssir f’żewġ direzzjonijiet kumplimentari: l-istudju dwar il-familja isir kapitlu essenzjali mill-patrimonju tal-għerf li l-Knisja tipproponi dwar il-ħajja soċjali u, reċiprokament, li dan il-patrimonju jistgħana bil-ħajja mgħejxa u d-dinamiċi tal-familja biex l-istess prinċipji tat-tagħlim soċjali tal-Knisja jkunu mifhuma aħjar.  Attenzjoni bħal din tippermetti żvilupp fl-intuwizzjoni li ġibed l-attenzjoni dwarha l-Konċilju Vatikan II u li bosta drabi tennew il-Predeċessuri tiegħi: li l-familja narawha bħala l-ewwel ċellula ewlenija tas-soċjetà għax oriġinarja u hija skola fundamentali tal-umanità.

Fil-qafas pastorali, imbagħad, ma nistgħux ninjoraw it-tendenzi, f’bosta reġjuni tad-dinja, li ma japprezzawx jew saħansitra jirrifjutaw iż-żwieġ.  Nixtieq nistedinkom biex tkunu għajnejkom miftuħin, fir-riflessjoni tagħkom dwar it-tħejjija għas-Sagrament taż-Żwieġ, għall-azzjoni tal-grazzja t’Alla fil-qalb ta’ kull raġel u mara.  Ukoll meta ż-żgħażagħ jagħmlu għażliet li ma jaqblux mal-proposta tal-Knisja skont it-tagħlim ta’ Ġesù, il-Mulej ikompli jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbhom biex iħejjihom għal-sejħa interjuri ġdida.  Jekk ir-riċerka teoloġika u pastorali tagħkom titwaħħad ma’ djalogu oranti mal-Mulej, issibu l-kuraġġ li toħolqu kliem ġdid li jista’ jmiss profondament il-kuxjenzi taż-żgħażagħ.  Infatti, żmienna mhux immarkat biss minn tensjonijiet u ideoloġiji li jħawdu l-qlub, imma wkoll minn tfittxija dejjem tiżdied għall-spiritwalità, verità u ġustizzja, speċjalment fost iż-żgħażagħ.  Li nilqgħu u nieħdu ħsieb din ix-xewqa hu dmir tagħna lkoll u biċċa xogħol mill-isbaħ u mill-aktar urġenti.

Fl-aħħar, nixtieq ninkoraġġikom biex tissuktaw il-mixja sinodali bħala parti integrali mill-formazzjoni.  B’mod speċjali f’università internazzjonali hemm bżonn tas-smigħ reċiproku għal dixxerniment aħjar dwar kif tistgħu tikbru flimkien fis-servizz li tagħtu liż-żwieġ u l-familja.  Ixorbu dejjem mill-fonti tal-Magħmudija u fiċ-ċentru qiegħdu r-relazzjoni tagħkom ma’ Kristu u l-l-akkoljenza tal-aħwa, ibda mill-aktar foqra (Diskors lid-Djoċesi ta’ Ruma, 19 ta’ Settembru, 2025).  Hekk twettqu dak li jiġri f’kull familja tajba, titgħallmu mill-istess realtà li tridu taqdu.  Kif jafferma d-Dokument finali tal-aħħar Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet, “il-familji jirrappreżentaw imkien privileġġjat biex nitgħallmu u nġarrbu l-prattiċi essenzjali ta’ Knisja sinodali.  Minkejja l-firdiet u s-sofferenzi li jgħaddu minnhom il-familji, xorta jibqgħu imkejjen li fihom nitgħallmu kif inħobbu llil xulxin, il-fiduċja, il-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni u kif nifhmu lil xuxlin” (n. 35). Verament hemm ħafna x’wieħed jitgħallem fejn tidħol it-trażmissjoni tal-fidi, tas-smigħ u tat-talb, l-edukazzjoni għall-imħabba u l-paċi, il-fraternità mal-migrant u l-istranġier, il-kura tal-pjaneta.  F’dawn id-dimensjonijiet kollha, il-ħajja tal-familja kienet qabel l-istudji tagħna u tgħallem speċjalment permezz tax-xhieda tad-dedikazzjoni u l-qdusija.

Għeżież studenti, għeżież professuri, ibdew għalhekk is-sena akkademika l-ġdida bit-tama, biċ-ċertezza li l-Mulej Ġesù iweżinkom dejjem bil-grazzja tal-Ispirtu tiegħu tal-verità u l-ħajja.  Minn qalbi nagħti lilkom ilkoll il-barka appostolika.

Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading