Il-Mirakli Ewkaristiċi (88)
minn Manwel Cutajar
Dal-allegat Miraklu Ewkaristiku .seħħ nhar Ħadd il-Palm, l-24 ta’ Marzu, 2024, fil-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fir-raħal ta’ Chekiye, Chumukedima, fl-Istat Indjan ta’ Nagaland.
Il-Kappillan inkarigat minn dil-parroċċa huwa Fr. Johnson Vadakkapurathan u l-Isqof ta’ did-djoċesi huwa Mons. James Thopill, l-Isqof ta’ Kohima.
Il-Kappillan kien l-ewwel wieħed li ra u kien xhud ta’ dal-allegat Miraklu Ewkaristiku.
Il-Ġrajja:
Madwar xahrejn qabel ma seħħ dal-allegat Miraklu, mara Kattolika flimkien ma’ ħabibitha li kienet mid-denominazzjoni Nisranija Battista, żaru l-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu waqt il-Quddiesa tal-Ħadd. Waqt li kien qed jitqassam it-Tqarbin Imqaddes, il-mara Battista rċeviet l-Ewkaristija Mqaddsa f’idejha iżda ma kkonsmatithiex.
Wara l-Quddiesa, il-mara Battista ħadet l-Ostja kkonsagrata d-dar tagħha. Madankollu, bdiet tħossha ħatja ta’ profanazzjoni u kellha lejl inkwitanti ferm. L-għada, hekk kif sebaħ, marret id-dar ta’ ħabibitha Kattolika u spjegatilha s-sitwazzjoni kollha. Ħabibitha ppruvat tikkuntattja lill-kappillan online, iżda ma setgħetx taqbdu; għalhekk ċemplet lis-Sorijiet Karmelitani inkarigati u l-Ostja Mqaddsa ġiet irritornata l-knisja.
Il-mara Battista kienet imnikkta u skużat ruħha.
Fil-Knisja, il-Kappillan ħa l-Ostja kkonsagrata, poġġieha ġo reċipjent mimli ilma imbierek u daħħalha ġewwa t-tabernaklu biex tinħall. Din hija l-prassi mitluba mill-Knisja Kattolika. Is-saċerdot jista’ jew jikkonsma l-Ostja, jekk ikun possibbli, jew iħalliha tinħall b’rispett u qima dovuta fl-ilma u wara jferra’ l-ilma fis-sagrarju.
Jumejn wara, Fr Johnson iċċekkja l-Ostja. Iżda, għall-istagħġib tiegħu, l-Ostja kkonsagrata baqgħet l-istess. Imbagħad poġġieha lura fit-tabernaklu. Madwar tlett ijiem wara l-Ostja żammet l-istess l-forma oriġinali tagħha.
Il-Kappillan kompla jagħmel hekk għal madwar xahar jew ftit aktar. Iżda l-Ostja kkonsagrata baqgħet l-istess u ma saret l-ebda bidla fil-forma tagħha.
Minħabba l-ħidma pastorali impenjattiva tiegħu, il-kappillan nesa jiċċekja bħas-soltu l-Ostja kkonsagrata . Madankollu, Nhar Ħadd il-Palm, 24 ta’ Marzu 2024, il-kappillan irċieva telefonata urġenti biex jassisti u jqarben marid u dak il-ħin ftakar fl-Ostja Mqaddsa fir-reċipjent li kien poġġa fit-tabernaklu.
Mar jara l-Ostja li, u b’sorpriża kbira għalih, sab li l-Ostja kienet inbidlet f’tebgħa sewda ħamranija. Ipprova jneħħi s-saff ta’ fuqha b’sebgħu. Peress li s-saff kien sustanza kemxejn iebes, għafsu bil-forza. Meta applika l-forza fuq s-saff, l-Ostja Mqaddsa nqasmet u beda ħiereġ minnha ilma u demm frisk. Issa l-Kappillan kien aktar sorpriz u beda jibża’. Huwa għarraf lill-qassisin l-oħra tal-parroċċa dwar l-inċident u l-Ostja Mqaddsa nżammet fit-tabernaklu.
Minnufih il-Kappillan informa lill-Isqof b’dal-każ tant misterjuż.
Intervent tal-Isqof:
L-Isqof James Thoppil interviena minnufih fil-każ, u talab li l-Ostja Mqaddsa tiġi mgħoddija lilu biex hu jibda l-investigazzjonijiet xjentifiċi kollha fuqha kif titlob il-Liġi Kanonika tal-Knisja Kattolika.
Hekk l-Ostja ġiet meħuda għand l-Isqof Thoppil.
Biex jinvestiga l-allegat Miraklu Ewkaristiku, l-Isqof Thoppil laqqa’ bord xjentifiku biex janalizza l-Ostja kkonsagrata filwaqt li żamm kustodja sigura, stretta u kostanti, mingħajr l-ebda interuzzjoni, tal-Ostja kkonsagrat.
L-Isqof Thoppil ħatar ukoll l-ispeċjalista Dr. Ricardo Castanon biex imexxi l-investigazzjonijiet xjentifiċi dwar l-allegat Miraklu.
Hawnhekk iridu ngħidu li l-proċeduri skont il-Liġi Kanonika jridu metikolożament jinkludu: il-preservazzjoni intanta tal-Ostja kkonsagrata; il-ġbir ta’ testimonjanzi tax-xhieda; u t-twettiq ta’ testijiet xjentifiċi bħad-DNA u l-istopatoloġija biex tinstab spjegazzjoni naturali.
Jekk it-testijiet xjentifiċi ma juru l-ebda kawża naturali u l-kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfati, jinkiteb rapport finali mit-tim xjentifiku għal aktar reviżjoni djoċesana u tal-Vatikan.
Il-prassi ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi aktar fid-dettall:
Intervisti max-xhieda:
L-intervisti jsiru ma’ kull min jista’ jipprovdi evidenza, inklużi isqfijiet, saċerdoti, djakni, sorijiet,, ministri Ewkaristiċi, sagristani lajċi, abbatini kemm subien kif ukoll bniet li jistgħu jkunu tfal, żgħażagħ u adulti, u parruċċani, maskli u femminili.
Testijiet xjentifiċi:
Diversi testijiet xjentifiċi jsiru fuq l-Ostja kkonsagrata. Dawn jistgħu jinkludu ttestjar tad-DNA, istopatoloġija, u analiżi oħra biex tiġi ddeterminata n-natura ta’ kwalunkwe materjal bijoloġiku preżenti.
Spjegazzjonijiet naturali:
L-Investigazzjoni l-ewwel trid teskludi l-ispjegazzjonijiet naturali kollha possibbli, bħal moffa, kontaminazzjoni, jew saħansitra DNA komuni li jinstab fil-qamħ jew minn batterji (i.e.bacteria) u fungi.
Kunsens xjentifiku:
Fl-aħħarnett, biex l-investigazzjoni titqies valida, it-testijiet xjentifiċi kollha jridu jaqblu, u l-Kap tat-tim xjentifiku jrid jikteb rapport bil-qbil unanimu tat-tim kollu mingħajr ebda żieda jew tnaqqis ta’ tagħif fl-investigazzjonijiet.
Eżami Xjentifiku:
L-Isqof Thoppil bagħat ukoll kampjuni tal-Ostja lil-laboratorju xjentifiku ieħor biex tiġi eżaminata sew u tiġi eskluża kwalunkwe frodi potenzjali.
B’dan il-mod inbdew u għadhom għaddejjin sal-ġurnata tal-lum investigazzjonijiet intensivi kemm xjentifiċi kif ukoll teoloġiċi skont il-Kodiċi tal-Knisja Kattolika.
Dikjarazzjoni Uffiċjali:
Sa Ottubru 2025, il-Knisja Kattolika għadha ma ppronunzjatx l-ebda ġudizzju finali dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku li seħħ fi Nagaland.
Il-Proċess ta’ Investigazzjoni bħalissa għaddej fuq livell djoċesan.
Konklużjoni:
Aspetti Ewlenin tal-Investigazzjonijiet tal-Mirakli Ewkaristiċi
Minn dan kollu naraw kemm il-Knisja Kattolika hija prudenti ferm speċjalment fejn jidħlu ġrajjiet sopranaturali bħal Mirakli Ewkaristiċi, kemm x’dak li huma Analiżi Xjentifiċi
F’każijiet bħal dawn, il-Knisja spiss tiddependi fuq investigazzjonijiet xjentifiċi biex teżamina kwalunkwe evidenza fiżika u biex teskludi kull possibbiltà ta’ spjegazzjonijiet naturali jew frod.
Kif ukoll u fuq kollox f’dak kollu li huma Elementi Teoloġiċi, bibliċi u Spiritwali, u bażati fuq il-Fidi Nisranija u Kattolika.
• Hekk naraw li filwaqt li l-analiżi xjentifiċi huma kruċjali, id-deċiżjoni aħħarija li tirrikonoxxi ġrajjiet bħala Mirakli Ewkaristiċi ġenwin tinvolvi wkoll u fuq kollox konsiderazzjonijiet bibliċi, spiritwali u teoloġiċi.
Proċess Bil-Mod u Deliberat:
Il-Knisja Kattolika tevalwa dawn l-istqarrijiet b’kawtela u ssegwi proċessi ta’ investigazzjoni bir-reqqa qabel ma tagħmel u tippubblika xi dikjarazzjoni uffiċjali tagħha.
Fl-aħħarnett iridu ngħidu wkoll li fid-dawl ta’ dawn il-proċessi ta’ investigazzjonijiet u prekawzjonijiet kollha, il-Knisja Kattolika ġieli ċaħdet li tirrikonoxxi xi allegati Mirakli Ewkaristiċi bħala awtentiċi, kif se naraw aktar ‘il quddiem f’din is-sensiela.
Noti Addizjonali:
Ta’ min igħid li teżisti differenza radikali bejn l-Insara Kattoliċi u l-Insara Battisti f’dik li hi d-Duttrina tal-Ewkaristija Divina:
Aħna l-Insara Kattoliċi nemmnu li l-Ewkaristija hija Sagrament fejn il-ħobż u l-inbid jiġu transubstanzjati fil-Ġisem u d-Demm reali ta’ Ġesù Kristu waqt il-Quddiesa. Dan ifisser li d-dehra fiżika tal-ħobż u l-inbid tibqa’, iżda s-sustanza fundamentali tagħhom tinbidel fil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ, u d-Divinità ta’ Kristu.
Din hija d-Domma tat-Transubstanzazzjoni.Dan it-twemmin hu ċentrali għall-Fidi tagħna peress li l-Ewkaristija hija s-“sors u l-quċċata tal-ħajja u l-Fidi Nisranija u Kattolika tagħna”.
Il-Kattoliċi prattikanti mgħammdin biss huma permessi jirċievu t-Tqarbina Mqaddsa. Għall-kuntrarju tal-Kattoliċi, l-Insara tad-denominazzjoni Battista ma jistqarrux l-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija kif jagħmlu l-Insara Kattoliċi, u għalhekk ma jistgħux jirċievu t-Tqarbin Imqaddes.
Id-duttrina Battista ma tistqarrx li Ġesù huwa verament preżenti fl-Ewkaristija.
Għall-Insara Battisti, l-Ewkaristija (jew l-Ikla tal-Mulej jew il-Komunjoni) hija att simboliku ta’ tifkira tal-Ħajja, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù, mhux Sagrament fejn il-ħobż u “il-meraq tal-għeneb mhux alkoħoliku” (kif il-Battisti jikkonsidraw l-inbid!) jinbidlu realment fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. L-Ewkaristija hija meqjusa biss bħala tifkira spiritwali u att pubbliku ta’ impenn lejn Kristu, bil-ħobż jirrappreżenta biss il-Ġisem ta’ Kristu u l-inbid jirrappreżenta biss id-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.