Mill-istorja tal-Knisja Nisranija
Din is-serje dwar l-istorja tal-Knisja hi biex ngħinu lil xulxin nifhmu kif il-Knisja Nisranija wettqet il-missjoni tagħha tul is-sekli. Tgħinna wkoll biex nifhmu d-diffikultajiet tal-Knisja u b’hekk nagħdru wkoll in-nuqqasijiet li saru fl-istorja twila tagħha. Għax aħna hekk irridu nħobbu l-Knisja, kif inhi u kif għexet maż-żmien.
L-iskop ta’ dan l-ewwel artiklu hu li aħna nifhmu ftit id-dinja li fiha nfirxu l-ewwel Insara. Għalhekk mingħajr ma niċħdu l-element divin, se nippruvaw nifhmu ċ-ċirkustanzi tal-firxa tal-fidi Nisranija, billi naraw x’kienet is-sitwazzjoni politika, ekonomika, soċjali u reliġjuża fl-Imperu Ruman ta’ dan iż-żmien.
L-Imperu Ruman
Id-dinja li fiha beda l-Kristjaneżmu kienet dominata minn Ruma. Kien x’aktarx Aristotli (fir-raba seklu Q.K) li qal: “Aħna żrinġijiet madwar għadira”; jiġifieri li d-dinja ta’ żmienu kienet iddur mal-Baħar Mediterran bħalma ż-żrinġijiet iduru madwar għadira. Iżda kienet Ruma li għamlet possibbli li f’din l-“għadira” ż-żrinġijiet jiġġerrew mingħajr wisq diffikulta’.
Dan għaliex għall-ewwel darba (u forsi l-aħħar), fuq kull naħa tal-Mediterran kellek tmexxija waħda. Dan ifisser illi x-xwieni setgħu jbaħħru mingħajr periklu eċċessiv u t-toroq fuq l-art kienu relattivament komdi (biżżejjed, hawn Malta, li wieħed jara dak li fadal mit-triq Rumana li hemm ix-Xemxija biex jieħu idea). Dan għamel possibbli t-tkabbir tal-kummerċ, l-emigrazzjoni tan-nies u fuq kollox il-firxa tal-ideat min-naħa għall-oħra tal-Imperu. Kien wieħed mill-ewwel proċessi ta’ globalizzazjoni fl-istorja.

Dan għaliex l influwenza Rumana nfirxet sal-ibgħad irkejjen tad-dinja ta’ dak iż żmien. Hekk li wieħed kien isib negozjanti Sirjani f’Longdinum ġewwa l Brittanja (Londra fl-Ingilterra), ġellieda Ġermaniżi fil-Palestina, u gwerrieri Afrikani tal-Leġjun ta’ Tebe minn fejn illum tiġi l-fruntiera bejn l-Libja u s-Sudan, fil-fruntiera li tifred il-Gallja Rumana (Franza) u l-Ġermanja “Barbara”. Mhux hekk biss, iżda maż-żmien kien possibbli li bniedem ġej mill-provinċji seta’ jilħaq fil-quċċata tal-poter u jsir Imperatur. Hekk Trajanu kien minn Spanja, Djoklezjanu ġie mill-Illirja, li llum tiġi l-Albanija, u bosta oħrajn. Dan kien possibbli jekk wieħed kien ikun ċittadin Ruman. Il-ġrajja ta’ San Pawl turina dan tant tajjeb.
Minkejja li forsi tradizzjonalment ħafna jħarsu lejn dan l-Imperu bħala ostili għall Kristjaneżmu, fil-verità kienet din is-sitwazzjoni li ffaċilitat il-firxa tat-twemmin Nisrani. Tajjeb li nifhmu li kulturalment l-Imperu kien jabbaża ruħu fuq l-ibliet, jew Cives. Tista’ tgħid li fejn ħakmu r-Rumani waqqfu bliet u daħħlu l lingwa Latina.
Bosta drabi wieħed kien isib illi dawn l-ibliet kienu qishom gżejjer f’kampanja fejn kulturalment in-nies kienu jitkellmu bil-lingwa tal-post, u fejn il-kuntatt kien biss wieħed esplojtattiv. Din is-sitwazzjoni effetwat ukoll lill-ewwel insara li tista’ tgħid kienu lkoll nies tal-ibliet u li ftit li xejn kellhom kuntatt mal-kampanja tant li l-kelma Latina għall-bidwi, ‘Paganus’ bdiet tintuża għal min mhux nisrani.
L-Influwenza Griega
Qabel ma Ruma firxet il-ħakma tagħha fil-Mediterra,n il-Griegi kienu jinsabu mifruxin mal-Mediterran kollu, fi bliet imsejħa Polis, awtonomi u indipendenti. Mhux hekk biss iżda mar-raba’ seklu, taħt il-ħakma ta’ Alessandru l-Kbir, il-kultura u t-tmexxija Griega nfirxu saħansitra sal-Indja, fejn l-istil artistiku kif ukoll it-tradizzjoni popolari għadhom xhieda sal-lum ta’ din l-influwenza (sfortunatament forsi l-akbar monumenti artistiċi ta’ dan il-fenomenu li għaqqad il-Lvant mal-Punent, il-famużi statwi tal-Budda f’Bamyan fl-Afghanistan, inqerdu mit-Talibani fl-2001).
Għalkemm il-Griegi qatt ma żammew f’postu fit-tul imperu magħqud, huma ħolqu dinja Griega mifruxa sew mal-Lvant kif ukoll mal-Punent fejn il-Polis Griega kienet is-sistema prinċipali ta’ tmexxija, fejn il-Filosofiji ta’ Platone u Aristotli kienu mgħallma; fejn id-drammi ta’ Sofokle kienu reċitati u fejn l-Epiċi ta’ Omeru kienu moqrija u studjati.
Meta r-Rumani rebħu l-Lvant tal-Mediterran, x’aktarx illi ntrebħu kważi għal kollox mill-kultura Griega. Il-Filosofija, il-Kitba u l-Arti Griega ddominaw f’Ruma. Mhux biss iżda l-istess Imperu nqasam f’żewġ sferi kulturali kbar, dik tal-Punent iddominata miċ-Cives Ruman u l-Lingwa Latina u dik tal-Lvant Ellenistiku (Ellenisti jfisser Griegi) fejn il-Polis kienet il-mudell prinċipali tal-belt u l-Grieg kien il-lingwa uffiċjali.
Din l influwenza Latina/Griega kellha tħalli wkoll impatt fuq il-Kristjaneżmu meta dan beda jinfirex mal-Mediterran.
Ir-Reliġjon ta’ qabel il-Kristjaneżmu
It-twemmin ta’ qabel id-dħul tal-Kristjaneżmu u li normalment insejħulu paganiżmu (kelma li kif diġa’ rajna ma tfisser xejn għajr bidwi) kien politeista, jiġifieri jħaddan bosta allat. Għal bosta nies dan kien twemmin ħaj fejn l-allat, li ħafna drabi kellhom kwalitajiet tal-bnedmin (Antropomorfiċi) kienu f’kuntatt mal-bniedem waqt il-qima, u fil-ġrajjiet prinċipali ta’ ħajtu. Id-devoti tal-allat xi drabi kienu jidħlu f’kuntatt dirett magħhom waqt il-ħolm jew viżjonijiet partikulari.
Din is-sistema pjuttost primittiva jidher li mhux kulħadd kien sodisfatt biha. Għalhekk bosta qagħdu għall-Kulti Misteriċi jew Misterjużi. Dawn kienu ċerimonji moħbija magħmula minn devoti ta’ allat fil-parti l-kbira ġejjin mil-Lvant. Dawn kienu jemmnu li min jidħol f’dawn il-kulti jista’ jieħu benefiċċji speċjalment fejn tidħol il-ħajja ta’ wara l-mewt. Fost il kulti l-aktar li ħabtu mal-Insara kien hemm dak ta’ Mithras. Qima li kellha tħabbat sew lil-Lhud u kif ukoll lill-Insara kienet dik li tingħata lill-Imperatur.
Uffiċjalment Ruma kienet repubblika mmexxija mis-Senat, u l-Imperaturi ppruvaw iżommu din id-dehra, anke meta ħadd ma kien jemminha. Iżda l-influwenza tal-Lvant Ellenistiku wasslet biex ir-Rumani jaddottaw is-sistema li biha l-Imperatur (li bosta drabi kien ikun ħataf it-tmexxija b’idejh) jiġi mogħti s-setgħa ta’ alla.
Ftakar
- L-għaqda u l-istabbilità li ġab l-Imperu Ruman u kif dan iffaċilita l firxa tal-ideat.
- L-influwenza kulturali Griega.
- Is-sitwazzjoni reliġjuża ta’ dak iż-żmien.
Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/