Omelija tal-Papa Ljun XIV fiċ-Ċimiterju tal-Verano, Ruma

TIFKIRA TAL-FIDILI MEJTIN KOLLHA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Ċimiterju tal-Verano, Ruma
Il-Ħadd 2 ta’ Novembru 2025

Għeżież ħuti,

Inġbarna f’dan il-post biex niċċelebraw it-tifkira tal-fidili mejtin kollha, b’mod partikulari ta’ dawk li jinsabu midfuna hawn u, b’għożża speċjali, tal-għeżież tagħna. Fil-jum tal-mewt huma ħallewna, imma aħna nġorruhom dejjem magħna fit-tifkira tal-qalb. U ta’ kuljum, f’dak kollu li ngħixu, din it-tifkira hija ħajja. Spiss hemm xi ħaġa li tfakkarna fihom, xbihat li jeħduna lura għal dak li għexna magħhom. Tant postijiet, saħansitra l-irwejjaħ tad-djar tagħna jkellmuna fuq dawk li ħabbejna u ma għadhomx fostna, u jżommu mixgħula t-tifkira tagħhom.

Imma llum m’aħniex hawn biss biex infakkru lil dawk li għaddew minn din il-ħajja. Il-fidi Nisranija, mibnija fuq l-Għid ta’ Kristu, fil-fatt tgħinna ngħixu t-tifkira, minbarra bħala waħda tal-passat, anki u fuq kollox bħala tama futura. Mhix tant li nħarsu lura, imma pjuttost li nħarsu ’l quddiem, lejn id-destinazzjoni tal-mixja tagħna, lejn il-port żgur li Alla wegħedna, lejn il-festa bla tmiem li hemm tistenniena. Hemm, ma’ Kristu Rxoxt u l-għeżież tagħna, għad niggustaw il-ferħ tal-festa bla tmiem: “F’dak il-jum”, smajna fil-Qari mill-Profeta Iżaija, “jagħmel il-Mulej tal-eżerċti għall-popli kollha fuq din il-muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa. […] Jeqred il-mewt għal dejjem” (Iż 25:6,8).

Din it-“tama futura” żżomm ħajja t-tifkira tagħna u t-talba tagħna f’dan il-jum. Mhijiex illużjoni li sservi biex ittaffi n-niket tagħna għall-firda tal-persuni li nħobbu, lanqas sempliċi ottimiżmu uman. Hija t-tama mibnija fuq il-qawmien ta’ Ġesù, li għeleb il-mewt u fetaħ anki għalina l-passaġġ lejn il-milja tal-ħajja. Hu – kif fakkart f’katekeżi riċenti – “il-post fejn tasal il-mixja tagħna. Mingħajr l-imħabba tiegħu, il-vjaġġ tal-ħajja jsir tlajjar bla destinazzjoni, żball traġiku mingħajr destinazzjoni. […] L-Irxoxt jiggarantixxi li nidħlu fil-port, iwassalna d-dar, fejn aħna mistennija, maħbuba, salvati” (Udjenza ġenerali, 15 ta’ Ottubru 2025).

U dan il-port finali, il-mejda tal-festa li madwarha l-Mulej se jiġborna, għad ikun laqgħa ta’ mħabba. Bl-imħabba Alla ħalaqna, fl-imħabba tal-Iben tiegħu jsalvana mill-mewt, fil-ferħ tal-imħabba miegħu u mal-għeżież tagħna jrid jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Proprju għalhekk, aħna nimxu lejn id-destinazzjoni u nantiċipawha, f’rabta invinċibbli ma’ dawk li waslu qabilna, biss meta ngħixu fl-imħabba u nipprattikaw l-imħabba lejn xulxin, b’mod partikulari lejn l-aktar dgħajfa u foqra. Fil-fatt, Ġesù jistedinna b’dawn il-kelmiet: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36).

L-imħabba tegħleb il-mewt. Fl-imħabba Alla għad jiġborna flimkien mal-għeżież tagħna. U, jekk nimxu fl-imħabba, il-ħajja tagħna ssir talba li titla’ ’l fuq u tgħaqqadna mal-mejtin tagħna, tqarribna lejhom, fl-istennija li niltaqgħu magħhom mill-ġdid fil-ferħ tal-eternità.

Għeżież ħuti, filwaqt li l-uġigħ tan-nuqqas ta’ min ma għadux iżjed fostna jibqa’ mmarkat fuq qalbna, ejjew nintelqu fit-tama li ma tqarraqx (Rum 5:5); inħarsu lejn Kristu Rxoxt u naħsbu fl-għeżież mejtin tagħna bħallikieku mdawra bid-dawl tiegħu; inħallu tidwi fina l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem li l-Mulej qed jagħmlilna. Hu għad jeqred il-mewt darba għal dejjem. Hu għelibha għal dejjem billi fetaħ mogħdija ta’ ħajja eterna – l-Għid tiegħu – fil-mina tal-mewt, biex, magħqudin miegħu, anki aħna nistgħu nidħlu u ngħaddu minnha.

Hu qed jistenniena u, meta niltaqgħu miegħu, fi tmiem din il-ħajja tagħna fuq din l-art, nifirħu miegħu u mal-għeżież tagħna li telqu qabilna. Din il-wegħda tweżinna, tixxotta d-dmugħ tagħna, iddawrilna ħarsitna ’l quddiem, lejn din it-tama futura li ma tqarraqx bina.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading