QUDDIESA B’SUFFRAĠJU TAL-MIBKI PAPA FRANĠISKU
U TAL-KARDINALI U ISQFIJIET LI MIETU MATUL IS-SENA
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tnejn 3 ta’ Novembru 2025
Għeżież ħuti Kardinali u Isqfijiet,
għeżież ħuti!
Illum qed inġeddu d-drawwa sabiħa, fl-okkażjoni tat-Tifkira tal-fidili mejtin kollha, li niċċelebraw l-Ewkaristija b’suffraġju tal-Kardinali u tal-Isqfijiet li ħallewna matul is-sena li għaddiet, u bi mħabba kbira noffruha għar-ruħ għażiża tal-Papa Franġisku, li miet wara li fetaħ il-Bieb Imqaddes u ta lil Ruma u lid-dinja l-Barka tal-Għid. Grazzi għall-Ġublew, din iċ-ċelebrazzjoni – għalija l-ewwel waħda – tikseb togħma karatteristika: it-togħma tat-tama Nisranija.
Il-Kelma ta’ Alla li smajna ddawwalna. Qabelxejn dan tagħmlu b’ikona biblika kbira li, nistgħu ngħidu, tiġbor fiha s-sens ta’ din is-Sena Mqaddsa kollha: ir-rakkont li jagħti Luqa tad-dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24:13-35). Fih insibu rrappreżentat b’mod ċar il-pellegrinaġġ tat-tama, li jgħaddi mil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt. Il-punt tat-tluq hu l-esperjenza tal-mewt, u fl-agħar forma tagħha: il-mewt vjolenti li toqtol l-innoċenti u hekk tħalli lill-bniedem qalbu maqtugħa, iddisprat. Kemm persuni – kemm “ċkejknin”! – anki fi żminijietna jgħaddu mit-trawma ta’ din il-mewt tal-biża’ għax sfigurata mid-dnub. Għal din il-mewt ma nistgħux u ma għandniex ngħidu “laudato si’”, għax Alla l-Missier ma jridhiex, u bagħat lil Ibnu stess fid-dinja biex jeħlisna minnha. Hemm miktub: Kristu kellu jġarrab dawn it-tbatijiet biex jidħol fil-glorja tiegħu (ara Lq 24:26) u jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Hu biss jista’ jġorr fuqu u fih din il-mewt korrotta mingħajr ma jikkorrompi ruħu minnha. Hu biss għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:68) – dan nistqarruh imriegħda hawn qrib il-Qabar ta’ San Pietru – u dawn il-kelmiet għandhom is-setgħa li jkebbsu mill-ġdid il-fidi u t-tama fil-qlub tagħna (ara v. 32).
Meta Ġesù jaqbad il-ħobż fl-idejn tiegħu li kienu ġew imsammra mas-salib, ilissen il-barka, jaqsmu u joffrih, l-għajnejn tad-dixxipli jinfetħu, fi qlubhom twarrad il-fidi u, mal-fidi, tama ġdida. Iva! Ma għadhiex iżjed it-tama li kellhom qabel u li kienu tilfu. Hija realtà ġdida, don, grazzja tal-Irxoxt: hija t-tama tal-Għid.
Bħalma l-ħajja ta’ Kristu Rxoxt ma għadhiex dik ta’ qabel, imma hi assolutament ġdida, maħluqa mill-Missier bil-qawwa tal-Ispirtu, hekk it-tama tan-Nisrani mhijiex it-tama umana, ma hix la dik tal-Griegi u lanqas dik tal-Lhud, ma tinbeniex fuq l-għerf tal-filosfi u lanqas fuq il-ġustizzja li tiġi mil-liġi, imma biss u totalment fuq il-fatt li l-Mislub qam mill-mewt u deher lil Xmun (ara Lq 24:34), lin-nisa u lid-dixxipli l-oħra. Hija tama li ma tħarisx lejn ix-xefaq ta’ din l-art, imma lil hemm, tħares lejn Alla, lejn dak l-għoli u dak il-fond mnejn feġġet ix-Xemx li ġiet iddawwal lil dawk li kienu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt (ara Lq 1:78-79).
Allura iva, nistgħu ngħannu: “Laudato si’, mi Signore, per sora nostra morte corporale”.[1] L-imħabba ta’ Kristu mislub u rxuxtat ittrasfigurat il-mewt: minn għadu għamlitha oħt, immansataha. U quddiemha aħna “ma nsewdux qalbna bħall-oħrajn li ma għandhomx tama” (ara 1 Tess 4:13). Aħna nitnikktu, iva, meta persuna għażiża tħallina. Niskandalizzaw ruħna meta bniedem ieħor, speċjalment tifel jew tifla, “ċkejken”, dgħajjef jiġi meħud minn marda jew, agħar minn hekk, mill-vjolenza tal-bnedmin. Bħala Nsara aħna msejħin inġorru ma’ Kristu l-piż ta’ dawn is-slaleb. Imma ma aħniex imdejqin bħal min hu bla tama, għax imqar l-aktar mewt traġika ma tistax iżżomm lill-Mulej tagħna milli jilqa’ f’dirgħajh ir-ruħ tagħna u jibdel il-ġisem tagħna li jmut, imqar dak l-aktar sfigurat, fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu (ara Fil 3:21).
Għalhekk, il-postijiet tad-dfin, l-Insara ma jsejħulhomx “nekropoli”, jiġifieri “bliet tal-mejtin”, imma “ċimiterji”, li litteralment tfisser “dormitorji”, postijiet fejn wieħed jistrieħ, fl-istennija tal-qawmien. Kif iħabbar is-Salmista: “Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, / għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni” (Salm 4:9).
Għeżież, il-maħbub Papa Franġisku u l-aħwa Kardinali u Isqfijiet li għalihom illum qed noffru s-Sagrifiċċju Ewkaristiku, din it-tama ġdida, tal-Għid, għexuha, taw xhieda tagħha u għallmuha. Il-Mulej sejħilhom u għamilhom ragħajja fil-Knisja tiegħu, u bil-ministeru tagħhom huma – biex ninqeda bil-lingwaġġ tal-Ktieb ta’ Danjel – “wasslu ’l ħafna fis-sewwa” (ara Dan 12:3), jiġifieri mexxewhom fit-triq tal-Vanġelu bl-għerf li ġej minn Krsitu, li sar għalina għerf, ġustizzja, qdusija u fidwa (ara 1 Kor 1:30). Jalla l-erwieħ tagħhom jiġu maħsula minn kull tebgħa u huma jiddu bħal kwiekeb fis-sema (ara v. 3). U għandna, li għadna pellegrini fuq din l-art, jasal fis-skiet tat-talb l-inkuraġġiment spiritwali tagħhom: “Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru; hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!” (Salm 42:6,12).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] San Franġisk ta’ Assisi, Għanja tal-ħlejjaq.