Il-Palestina tat-Tesment il-Ġdid

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (2)

F’din il-parti ser naraw xi aspetti tal-ħajja Lhudija ta’ żmien Kristu speċjalment fejn tidħol il-ħajja politika, soċjali u reliġjuża. Ħafna drabi meta wieħed jitkellem fuq dan iż-żmien jieħu l-impressjoni li l-Palestina kienet art li fiha kien hemm biss Lhud. Fil-verità din l-art kien fiha differenzi kbar sew f’dik li hija razza kif ukoll reliġjon.

Reġjuni Differenti tal-Palestina

  1. Galilea – Il-popolazjoni kienet imħallta bejn Lhud u Ġentili (m’humiex Lhud). Għal bosta mil-Lhud in-nies ta’ dan ir-reġjun kienu jew mhux Lhud għal kollox jew inferjuri għall-kumplament tal-poplu. Dan jispjega l-attitudni li xi drabi li ntlaqa’ biha Ġesù kif ukoll ir-riferenza għall-aċċent ta’ Pietru dak inhar tal-Passjoni. Tajjeb li ngħidu, li dan ir-reġjun kien biss bejn 100 u 150 sena qabel li kien reġa’ ġie influwenzat mil-Lhud, meta l-Makkabin kienu ħaduh taħt idejhom, u għalhekk kien żona ta’ fruntiera.
  • Samarija – Fit-Tesment il-Qadim insibu li kien hemm tensjoni bejn il-Lhud u s-Samaritani, dan għaliex tal-ewwel kienu jqishuhom bħala mħalltin mal-barranin speċjalment minħabba li dawn kienu tħalltu mal–Assiri wara l-waqgħa tas-Saltna ta’ Fuq. Min-naħa l-oħra s-Samaritani kienu jqisu lil-Lhud bħala Xiżmatiċi li ma baqgħux jimxu mal-Patt tas-Sinaj. Xi studjużi jaħsbu li din il-firda għandha l-għeruq fil-firda tas-Saltna ta’ David mijiet ta’ snin qabel. Li hu żgur hu li l-attitudni taż-żewġ naħat kienet waħda ta’ ostilità u mibegħda. 
  • Ġudea – Il-qalba tal-Palestina Lhudija, fejn kien hemm Ġerusalemm; il-belt qaddisa tal-Lhud. Dan kien ifisser li anke l-Lhud tad-Dijasporà kienu jħarsu lejha b’ċertu qima.
Fdalijiet arkeoloġiċi

Il-Partiti tal-Lhud

B’partiti, illum x’aktarx nifhmu b’movimenti politiċi. Iżda fi żmien Ġesù kellek taħlita ta’ reliġjon u politika li fiha ftit li xejn stajt tagħmel differenza bejn waħda u oħra. Xi partiti fil verità llum nistgħu nsejħulhom setet.

  1. Il-Fariżej – Bdew minn grupp magħrufin bħala l-Hassidim. Dawn kienu jemmnu fil-qawma mill-imwiet u l-immortalità tar-ruħ, l-Anġli, l-importanza tal-Liġi ta’ Mose’ u r-riti marbuta magħha. Tajjeb li ngħidu li minkejja li fit-Testment il-Ġdid jidhru f’dell ikrah, it-tagħlim tagħhom kien jixbah lil dak ta’ Ġesù. Għalhekk il-kritika ta’ Ġesù hi aktarx immirata lejn l-imġiba aktar milli lejn it-twemmin tagħhom, l-aktar lejn il-mod kif kienu jinterpretaw il-liġi. Interessanti hu l-fatt illi wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm u b’mod speċjali wara l-qerda tat-Tempju, kienet it-tradizzjoni Fariżajka li żammet it-twemmin Lhudi magħqud. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-Ġudajiżmu modern jaf l-oriġini tiegħu lil dan il-moviment importanti.
  • Is-Sadduċej – Dan il-grupp kien ġej l-aktar mill-klassi tas-saċerdoti. Bħala partit kienu jiddominaw is-Sinedriju u kienu konservattivi fl-interpretazzjoni tal-Liġi u kellhom numru ta’ twemmin li jifridhom mill-Fariżej. Skond Ġ. Flavius kienu jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, l-Immortalità tar-Ruħ u l-ħlas personali fuq l-imġiba. L-Atti tal-Appostli jsemmu li dawn is-Sadduċej kienu jiċħdu l-eżistenza tal-Anġli u l-Ispirti, għalkemm din il-ħaġa ma nsibuhiex f’sorsi oħrajn. Wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm (70AD) insibu li dan il-moviment ma jidhirx aktar fl-istorja.
  • L-Erodjani – Kienu nies leali lejn il-Familja ta’ Erodi l-Kbir; għalhekk aktarx li hawn għandna moviment pjuttost politiku aktar milli reliġjuż. Minħabba fil-lealtà tagħhom aktarx kienu meqjusin bħala kollaborazzjonisti mar-Rumani mil-Lhud l-oħra. 
  • Iż-Żeloti – L-isem bil-Malti għandu jkun l-imħeġġin, u tassew hekk kien, għax dan il-moviment kien kollu kemm hu fanatiku kontra r-Rumani, u ftit li xejn kien iqis il-konsegwenzi tal-azzjonijiet li jieħu. Il-fanatiżmu taż-Żeloti li bosta drabi kien jieħu l-forma ta’ attakki li llum insejħulhom terroristiċi, wassal għall-gwerra terribbli kontra r-Rumani u l-qerda ta’ Ġerusalemm. Mal-waqgħa ta’ Masada 72 AD kien jidher li bħala moviment huma spiċċaw, iżda x-xewqa tal-Lhud għall-ħelsien baqgħet preżenti tant li minn żmien għal żmien baqgħu jqumu xi rvellijiet.
  • L-Esseni – Fuq l-Esseni ftit li xejn konna nafu sa l-aħħar tas-snin erbgħin tas-Seklu 20, iżda wara l-iskoperta tal-kitbiet tagħhom fil-Għar tal-Qumran tqanqal interess lejhom bħala grupp, speċjalment fir-reazzjoni tagħhom mal-Kristjaneżmu. Dawn in-nies aktarx kienu jiżolaw ruħhom mill-kumplament tas-soċjetà li huma rawha bħala ħażina. Għalhekk minkejja li forsi fil-Kitba tagħhom jidher xebh mal-Kristjaneżmu, żgur li f’bosta mill-attitudinjiet tagħhom lejn id-dinja u l-oħrajn kienu ‘l bogħod mill-ideal nisrani ta’ mħabba u ftuħ lejn id-dinja (Kunu fid-dinja iżda mhux tad-dinja).

Differenza essenzjali bejn il-Lhud hija dik tal-Lhud tad-Diaspora li jgħixu barra mill-Palestina u msejħa wkoll Ellenisti jew Griegi għax influwenzati mill-kultura Griega u dawk li jgħixu fil-Palestina li ħafna drabi kellhom viżjoni aktar tradizzjonali tar-reliġjon tagħhom u l-mod kif jgħixu. Kif ser naraw aktar ‘il quddiem din il-qasma kellha taffettwa wkoll il-Knisja tal-bidu.

Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/

Ara aktar dwar l-istprja tal-Kristjaneżmu u tal-Knisja … https://www.laikos.org/storja/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?