Il-Papa Ljun XIV f’laqgħa mal-Awtoritajiet, is-Soċjetà Ċivili u l-Korp Diplomatiku f’Ankara

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAR-RAPPREŻENTANTI TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Palazz Presidenzjali (Ankara)
Il-Ħamis, 27 ta’ Novembru, 2025

Sur President,
Awtoritajiet distinti u membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri!

Grazzi mill-qalb għall-akkoljenza!  Hieni li qed nibda l-vjaġġi appostoliċi tal-pontifikat tiegħi minn pajjiżkom għax din l-art hi marbuta sfiq mal-oriġini tal-kristjaneżmu u llum qed issejjaħ lil ulied Abraham u lill-umanità kollha għal fraternità li tagħraf u tapprezza d-differenzi.

Is-sbuħija naturali ta’ pajjiżkom tħeġġiġna biex inħarsu l-ħolqien t’Alla.  U aktar, ir-rikkezza kulturali, artistika u spiritwali tal-postijiet fejn tgħixu tfakkarna li fl-inkontru bejn il-ġenerazzjonijiet, it-tradizzjonijiet u d-diversi ideat issawru ċ-ċiviltajiet il-kbar, li fihom l-iżvilupp u d-dehen jitwaħħdu.  Hu minnu li d-dinja tagħna għandha warajha sekli ta’ kunflitti u madwarna naraw li għadha mifnija minħabba ambizzjonijiet u deċiżjonijiet li jikkalpestaw il-ġustizzja u l-paċi.  Madankollu, quddiem l-isfidi li jinterpellawna, li tkun poplu ta’ passat kbir, fl-istess ħin huwa don u responsabbiltà.

L-immaġni tal-pont fuq id-Dardanelli, magħżula bħala emblema ta’ dal-vjaġġ tiegħi, tesprimi b’mod effikaċi l-irwol speċjali ta’ pajjiżkom.  Intkom għandkom post importanti fil-preżent u fil-ġejjieni tal-Mediterran u tad-dinja kollha, qabel kollox billi tivvalorizzaw id-diversitajiet interni tagħkom.  Qabel ma hu rabta bejn l-Asja u l-Ewropa, l-Orjent u l-Oċċident, infatti, dak il-pont jorbot lit-Turkija magħha nfisha.  Jorbot flimkien it-taqsimiet differenti tal-pajjiż u jagħmluh “salib it-toroq tas-sensibbiltajiet”.  F’dal-każ l-uniformità tfaqqar.  Għax soċjetà hi ħajja jekk tħaddan il-pluralità, għax huma l-pontijiet li jorbtu lill-bnedmin flimkien li jagħmilha soċjetà ċivili.  Iżda llum il-polarizzazzjoni fost il-komunitajiet umani dejjem tiżdied u qed tiżdied il-firda minħabba pożizzjonijiet estremi li qed ikissruhom.

Niżgurakom li l-Insara jixtiequ jagħtu sehem pożittiv lejn l-għaqda ta’ pajjiżkom.  Huma jħossuhom parti mill-identità Torka, u hekk huma, identità li tant apprezza San Ġwanni XXIII, li intom tirreferu għalih bħala “l-Papa Tork” minħabba l-ħbiberija kbira li dejjem rabtitu mal-poplu tagħkom.  Kien Amministratur tal-Vigarjat Latin ta’ Istanbul u Delegat Appostoliku fit-Turkija u l-Greċja bejn l-1935 u l-1945 u ħadem bla heda biex jara li l-Kattoliċi ma jinqatgħux mill-iżvilupp li kien għaddej fir-repubblika l-ġdida tagħkom.  F’dawk is-snin kien kiteb li hawn, f’dan-nazzjon “aħna l-Kattoliċi Latini ta’ Istanbul, u l-Kattoliċi ta’ riti oħra, Armeni, Griegi, Kaldin, Sirjani eċċċ, aħna minorità żgħira li qed tgħix fuq il-wiċċ vast ta’ dinja li magħha għandna kuntatt limitat.  Aħna nħobbu niddistingwu ruħna minn dawk li ma jistqarrux l-istess fidi tagħna: ħutna l-Ortodossi, Protestanti, Lhud, Musulmani, għandhom jew m’għandhomx reliġjonijiet oħra… Tidher ħaġa loġika li kulħadd jaqdef għal rasu, jieħu ħsieb familtu jew it-tradizzjonijiet nazzjonali, u jibqa’ fiċ-ċirku limitat tal-komunità tiegħu…  Għeżież ħuti, għeżież uliedi, irrid ngħidilkom li fid-dawl tal-Vanġelu u tal-prinċipji Kattoliċi, din hi loġika falza” (1).  Minn dak iż-żmien, bla dubju saru passi kbar mill-Knisja u fis-soċjetà tagħkom, iżda dak il-kliem għadu jidwi qawwi illum, u għadu jispira mod ta’ ħsieb aktar evanġeliku u genwin, dak li l-Papa Franġisku sejjaħlu “il-kultura tal-laqgħa”.

Mill-qalba tal-Mediterran il-venerabbli Predeċessur tiegħi ħadha kontra “l-globalizzazzjoni tal-indifferenza” u stedinna biex inħossu l-uġigħ tal-oħrajn u biex nisimgħu il-karba tal-foqra u tal-art.  Ħeġġiġna biex nuru mogħdrija, għax il-ħniena hi rifless ta’ Alla li hu ħanin u jagħder, “idum ma jagħdab u kollu mogħdrija” (Salm 103:8).  It-tixbiha mal-pont kbir tagħkom tgħin ukoll f’das-sens, għax meta Alla wera lilu nnifsu, bena pont bejn is-sema u l-art.  Għamel hekk biex qlubna jinbidlu u jsiru bħal tiegħu.  Hu pont twil imdendel li kważi hu sfida għal-liġijiet tal-fiżika.  Bl-istess mod, minbarra l-aspetti intimi u privati, l-imħabba wkoll għandha dimensjoni viżibbli u pubblika.

Aktar minn hekk, i-ġustizzja u l-ħniena jisfidaw il-mentalità ta’ “might is right” u jażżardaw jissuġġerixxu li l-kumpassjoni u s-solidarjetà għandhom jitqiesu bħala kriterji awtentiċi għall-iżvilupp.  Għal dir-raġuni, f’soċjetà bħalma hi dik tat-Turkija, fejn ir-reliġjon għandha rwol viżibbli, ir-rispett lejn id-dinjità u l-libertà ta’ wlied Alla kollha, kemm irġiel u kemm nisa, kompatrijoti jew barranin, fqar u għonja, huwa essenzjali.  Aħna lkoll ulied Alla u dan għandu implikazzjonijiet soċjali u politiċi.  Min hu qalbu doċli għar-rieda t’Alla dejjem jippromwovi l-ġid komuni u r-rispett lejn kulħadd.  Illum din hi sfida kbira li għandha tfassal mill-ġdid il-politika lokali u r-relazzjonijiet internazzjonali, speċjalment quddiem żviluppi teknoloġiċi li jistgħu jħarrxu l-inġustizzja minflok jegħlbuha.  L-intelliġenza artifiċjali tirriproduċi biss il-preferenzi tagħna u tħaffef proċessi li, osservati b’aktar reqqa, mhumiex xogħol il-magni imma xogħol l-umanità nfisha.  Ejjew naħdmu flimkien, għalhekk, biex nibdlu l-miri tal-iżvilupp u nsewwu l-ħsara li diġà saret lill-għaqda fost il-familja umana.

Sinjuri, għadni kif semmejt il-familja umana.  Dil-metafra tistedinna biex nistabbilixxu konnessjoni – il-pont, għal darb’oħra – bejn il-destin komuni tagħna u l-esperjenzi ta’ kull individwu.  Fil-fatt għal kull wieħed u waħda minna, il-familja kienet l-ewwel nukleju tal-ħajja soċjali, li fiha tgħallimna li mingħajr “l-ieħor” mhemmx “il-jien”.  Aktar milli f’pajjiżi oħra, il-familja għad għandha importanza kbira fil-kultura Torka, u l-inizjattivi li jissapportjaw iċ-ċentralità tagħha mhumiex nieqsa.  Fil-fatt l-attitudnijiet essenzjali għall-koeżistenza ċivili kif ukoll is-sensittività inizjali u fundamentali tal-ġid komuni, jimmaturaw preċiżament fi ħdan il-familja.  Naturalment, kull familja tista’ tingħalaq fiha nfisha, tkun ostili, jew ma tħallix lil xi membri tagħha jesprimu ruħhom tant li tkun ostaklu għall-iżvilupp tat-talenti tagħhom.  Madankollu, il-bniedem ma jiksibx opportunitajiet akbar jew kuntentizza f’kultura individwalista u lanqas billi juri disprezz lejn iż-żwieġ jew jaħrab milli jkun miftuħ għall-ħajja.

Aktar minn hekk, l-ekonomiji konsumisti huma qarrieqa għax is-solitudni jagħmluha negozju.  Għal dan għandna nwieġbu b’kultura li tapprezza l-għożża u l-konnessjonijiet personali.  Għax aħna nistgħu nuru l-vera awtentiċità tagħna biss, meta nkunu flimkien.  Il-ħajja intima tagħna tkun aktar profonda u l-identità tagħna aktar sħiħa biss, permezz tal-imħabba.  Dawk li jiddisprezzaw ir-rabtiet umani fundamentali, u li ma jirnexxilhomx jitgħallmu kif jirrelataw mal-limitazzjonijiet u l-fraġilità tagħhom, aktar faċli jsiru intolleranti u jitilfu l-ħila li jinteraġixxu mad-dinja kumplessa tagħna.  Fl-istess ħin, huwa fi ħdan il-ħajja tal-familja li nifhmu l-valur tal-imħabba konjugali fejn il-kontribut tal-mara jispikka b’mod aktar speċifiku.  Permezz tal-istudju u l-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali, kulturali u politika, in-nisa qed juru dejjem aktar kemm huma ta’ servizz għal pajjiżkom u kemm huma pożittivament influwenti fix-xena internazzjonali.  Għalhekk, rigward dan, għandna nivvalorizzaw kull inizjattiva li tagħti sapport lill-familja u l-kontribut li jagħtu n-nisa biex il-ħajja soċjali tiffjorixxi.

Sur President, jalla t-Turkija tkun sors ta’ stabbiltà u avviċinament bejn il-popli, b’servizz għal paċi ġusta u dejjiema.  Iż-żjara fit-Turkija ta’ erba’ Papiet – Pawlu VI fl-1976, Ġwanni Pawlu II fl-1979, Benedittu XIV fl-2006 u Franġisku fl-2014 – juri li s-Santa Sede mhux biss iżżomm relazzjonijiet tajba mar-Repubblika tat-Turkija, imma tixtieq ukoll tikkopera biex nibnu dinja aħjar bil-kontribut ta’ dal-pajjiż li hu pont bejn il-Lvant u l-Punent, bejn l-Asja u l-Ewropa u salib it-toroq tal-kulturi u tar-reliġjonijiet.  L-okkażjoni partikolari taż-żjara tiegħi, l-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea, tkellimna dwar il-laqgħa u d-djalogu, l-istess bħall-fatt li l-ewwel tmien konċilji ekumeniċi saru f’artijiet li llum jagħmlu parti  mit-Turkija.

Illum, aktar minn qatt qabel, neħtieġu nies li jippromwovu d-djalogu u jqegħduh fil-prattika b’rieda soda u bil-paċenzja.  Minkejja li wara t-traġedji taż-żewġ gwerer dinjija twaqqfu organizzazzjionijiet internazzjonali kbar, bħalissa għaddejjin min fażi fejn il-kunflitt reġa’ għolla rasu fuq livell globali, xprunat minn strateġiji prevalenti ta’ setgħa ekonomika u militari.  Sitwazzjoni li l-Papa Franġisku sejħilha “it-tielet gwerra dinjija miġġielda biċċa biċċa”.  Bl-ebda mod ma għandna nirrassenjaw ruħna quddiem dis-sitwazzjoni!  Fin-nofs hemm il-futur tal-umanità.  L-enerġiji u r-riżorsi li jintefgħu f’din id-dinamika qerrieda qed jinsterqu mill-isfidi veri li l-familja umana suppost li qed taffaċċja miġbura f’għaqda waħda, jiġifieri l-paċi, il-ġlieda kontra l-ġuħ u l-faqar, is-saħħa u l-eduazzjoni, il-ħarsien tal-ħolqien.

Is-Santa Sede, li s-saħħa tagħha hi biss spiritwali u morali, tixtieq tikkopera man-nazzjonijiet kollha li għandhom għal qalbhom l-iżvilupp integrali ta’ kull persuna.  Ejjew nimxu flimkien, imbagħad, fil-verità u l-ħbiberija, bl-umiltà nqiegħdu l-fiduċja tagħna fl-għajnuna t’Alla.

Grazzi.

 [1] Angelo G. Roncalli (Ġwanni XXIII), Ip-predikazzjoni f’Istanbul, Omeliji, diskorsi u noti pastorali (1935-1944), Olschki, Firenze 1993, 367-368.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading