Il-Festa tal-Madonna tal-Medalja Mirakuluża

Kitba ta’ Joe Galea

Illum, is-27 ta’ Novembru, hi l-festa tal-Madonna tal-Medalja Mirakuluża. Il-Verġni Marija kienet dehret lis-soru Katerina Labourè fil-kunvent tas-sorijiet tal-Karità, f’Rue du Bac, Pariġi, fl-1830. Talbitha xxerred id-devozzjoni lejn il-medalja li fiż-żewġ naħat tagħha hemm simboli b’tifsira teoloġika hekk profonda.

San Ġorġ Preca, bħal kull fundatur ta’ kongregazzjoni u soċjetà reliġjuża kellu qima kbira lejn Marija, ħadem ħafna biex tixtered id-devozzjoni lejn Marija taħt dan it-titolu. Fil-prietki tiegħu kien iħeġġeġ lin-nies biex iġibu mdendla m’għonqhom “dan ir-rigal li tatna l-Madonna mis-sema”.

Fil-kiteb tiegħu ‘Gwida għal min jgħallem lit-tfal’ hemm li weħed “għandu jnissel fihom (fit-tfal) devozzjoni lejn Marija Santissima biex iqimuha, u biex jittamaw fiha; għalhekk iħabrek li huma jġibu fuqhom il-labtu tagħha u l-medalja mirakoluża.” Kien jgħid: “Int min int, ġib dejjem imdendla ma’ għonqok il-medalja mirakoluża, jekk trid li l-Madonna ssalvalek ruħek u teħilsek mid-diżgrazzji anke tal-ġisem, basta ma tabbużax biha.”

Il-Madonna tal-Kappella tal-MUSEUM, il-Blata l-Bajda

Stieden hekk: “Nirrakkomandaw lil Marija Santissima ’l-midinbin biex ikollhom il-protezzjoni tagħha għar-ruħ u għall-ġisem, billi nagħtuhom medalja mirakuluża u inħabirku li jġibuha mdendla ma’ għonqhom.” U f’nota minnhom kiteb: “Isma’ l-kliem preċiż li qalet il-Madonna lil Santa Katerina Labouré: “Dawk kollha li jġibu mdendla ma’ għonqhom din l-medalja, ikollhom il-protezzjoni tiegħi ta’ Omm Alla li jien, mhux biss għar-ruħ iżda wkoll għall-ġisem.” (Gwida għal ulied il-bnedmin fit-triq tal-paċi)

San Ġorġ Preca kien isemmi li min jilbes diin il -midalja jkollu l-ħarsien ta’ Marija Santissma fil-perikli tar-ruħ u tal-ġisem. U biex isaħħaħ kliemu kien jirrakkonta grazzji kbar li jirċievi min jilbes din id-domna, bħall-mara fil-Ħamrun li kienet qed tmut u ma riditx taħfer lil min taha tbaqbiqa li wassalha s’hemm, imma San Ġorġ Preca jgħid li ħafret għax kienet liebsa l-midalja merakuluża.

Kien konvint fil-grazzja ewlenija tad-devozzjoni lejn Marija, dik tal-konverżjoni. Għalhekk kien isemmi lil l-konverżjoni klassika ta’ Alphonse Ratisbonne. Alphonse Ratisbonne kien bankier, Lhudi Franċiż, li ma kienx jemmen imma kellu konverżjoni drammatika għar-reliġjon Kattolika fl-1842 minn dak li hu ddeskriva bħala dehra mirakuluża tal-Verġni Marija fil-knisja ta’ San Andrea,  f’Ruma. Minn bniedem xettiku fir-reliġjon sar missjunarju fost il-Lhud li ħadem biex jikkonvertu. 

Alphonse Tobia Ratisbonne twieled ġo Strasbourg, France, f’familja sinjura. Kien iwaqqa’ għaċ-ċajt ir-reliġjon, l-aktar meta kkonverta ħuh ikbar minnu Theodor. Alphonse studja l-liġi f’Pariġi u ħadem fil-bank tagħhom b’suċċess. Fi vjaġġ fl-Orjent, waqaf Ruma.

Sadattant l-ostilita’ kontra l-Knisja kibret fih, l-iktar meta ħuh Theodor sar Qassis. F’Ruma Alphonse iltaqa’ ma aristokratiku li kien ikkonverta li kellmu fuq ir-reliġjon. Issuġġerielu li jilbes id-domna tal-Kunċizzjoni Immakulata u jgħid talba lill-Madonna. Qallu wkoll li se jitlob għalih. Alphonse daħaq, imma aċċetta.

Jum wieħed daħal fil-knisja ta’ San Andrija, viċin il-Funtana ta’ Trevi, jistenna karozzella. Hemmhekk f’daqqa waħda kellu dehra: il-Verġni Marija dehritlu, kollha dawl u maesta’, fil-kwiet ta’ kappella f’naħa minnhom, liebsa l-abjad bi tberfil tad-deheb, eżatt bħal dik fid-domna mirakuluża. Ma tkellmitx imma fetħet dirgħajha b’mod li qed tbierek u ħarset lejh b’kompassjoni. Alphonse niżel għarkupptejh, infaqa’ jibki u emmen minnufih. U talab li jitgħammed.

Id-dehra damet ftit minuti imma ttrasformatu. Malajr fittex qassis qerr id-dnubiet ta’ ħajtu, u beda jitgħallem dwar ir-reliġjon Nisranija. L-aħbar ta’ dil-ġrajja xterdet u ġabret folol kif ukoll studju mill-Knisja. L-awtoritajiet, fosthom l-Isqof, investigaw bir-reqqa, jistaqsu xhieda u jsaqsu dwar l-ostilita’ li kellu qabel. Kienu konvinti li d-dehra kient vera, u Alphonse tgħammed. Irċieva l-ewwel Tqarbina, u ħuh Theodore mar Ruma biex jingħaqad miegħu.

Wara xi żmien Ġiżwita, Alphonse ħalla l-ordni biex jiddedika ħajtu għall-konverżjoni ta’ nies Lhud.  Ifforma komunita’ li ħadha Gerusalemm u bena kunvent f’Ain Karim u orfanatrofju għat-tfal f’Jaffa, b’edukazzjoni fis-snajja.

L-istorja ta’ Alphonse Ratisbonne tibqa’ xhieda tat-toroq li ma tistenniex ta’ grazzja u devozzjoni lejn il-Medalja Mirakuluża u devozzjonijiet oħra Marjani.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading