VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU U PELLEGRINAĠĠ F’IZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1700 SENA
MILL-EWWEL KONĊILJU EKUMENIKU F’NIĊEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru, 2025)
ŻJARA FID-DAR TAL-ANZJANI TAL-PICCOLE SORELLE DEI POVERI
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Istanbul
Il-Ġimgħa, 28 ta’ Novembru, 2025
Għeżież ħuti,il-jum it-tajjeb!
Irrodd ħajr minn qalbi għall-indirizz ta’ merħba tas-Sorella u għall-akkoljenza li lkoll ilqajtuni biha. L-akkoljenza hi d-don ta’ din id-dar! Don ġej minn Alla u li l-Piccole Sorelle dei Poveri, l-operaturi u l-benefatturi u wkoll ir-residenti kollha fil-konvivenza tal-ħajja ta’ kuljum, jużawh biex jagħti l-frott. Grazzi lil kulħadd!
Nixtieq inħallielkom żewġ riflessjonijiet żgħar.
L-ewwel waħda nislitha mill-isem tagħkom, għeżież Sorijiet: intom tissejħu “Piccole Sorelle dei Poveri”. Isem mill-isbaħ li jġagħlek taħseb! Iva, il-Mulej ma sejħilkomx biss biex tassistu u tgħinu lill-foqra. Sejħilkom biex għalikom dawn ikunu aħwa! Bħal Ġesù, li l-Missier bagħthulna mhux biss biex jgħinna u biex jaqdina iżda biex ikun ħuna. Dan hu s-sigriet tal-karità nisranija: qabel ma nkunu għall-oħrajn, inkunu mal-oħrajn, b’kondiviżjoni msejsa fuq il-fraternità.
It-tieni riflessjoni tissuġġeruhieli intom, għeżież residenti ta’ din id-dar. Intom anzjani. Dil-kelma “anzjan” illum hemm riskju li titlef il-veru tifsira tagħha: f’ħafna kuntesti soċjali, fejn tiddomina l-effiċjenza, il-materjaliżmu, intilef is-sens ta’ rispett lejn il-persuni anzjani. Iżda l-Iskrittura Mqaddsa u t-tradizzjoniet tajba jgħallmuna illi – kif kien iħobb jgħid il-Papa Franġsiku – l-anzjani huma d-dehen tal-poplu, rikkezza għan-neputijiet, għall-familji, għas-soċjetà kollha kemm hi.
Allura grazzi doppju għal din id-dar li tilqa’ f’isem il-fraternità u tagħmel dan mal-persuni anzjani. Dan – nafuha – mhux faċli, jitlob ħafna paċenzja u talb. Għalhekk issa nitolbu lill-Mulej biex jakkumpanjana u jweżinna. Nitlob fuqkom ilkoll il-barka t’Alla.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber