VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
FL-OKKAŻJONI TAL-1700 ANNIVERSARJU TAL-EWWEL KONĊILJU EKUMENIKU TA’ NIĊEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)
LAQGĦA TA’ TALB
MA’ ISQIFIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, PERSUNI KONSAGRATI, U OPERATURI PASTORALI
DISKORS TAL-PAPA
Katidral tal-Ispirtu s-Santu (Istanbul)
Il-Ġimgħa, 28 ta’ Novembru 2025
Eċċellenzi,
Għeżież ħuti saċerdoti,
Għeżież aħwa reliġjużi, operaturi pastorali,
ħuti,
Huwa ta’ ferħ kbir għalija li ninsab fostkom. Jiena grat lejn il-Mulej li fl-ewwel Vjaġġ Appostoliku tiegħi tani l-grazzja li nżur din l-“art qaddisa” li hi t-Turkija, post fejn l-istorja tal-poplu ta’ Iżrael tiltaqa’ mat-twelid tal-Kristjaneżmu, fejn jitħaddnu flimkien it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, u fejn inkitbu l-paġni ta’ bosta Konċilji.
Il-fidi li tgħaqqadna flimkien għandha għeruq fondi. Missierna Abraham, ubbidjenti għas-sejħa li għamillu Alla, telaq minn Ur tal-Kaldin u mbagħad, mir-reġjun ta’ Ħaran fin-nofsinhar tat-Turkija tal-lum, u rħielha lejn l-Art Imwiegħda (ara Ġen 12:1). Mal-milja taż-żmien, wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, id-dixxipli tiegħu ġew ukoll f’ Anatolja. Imbagħad f’Antjokja, fejn aktar tard San Injazju sar isqof, id-dixxipli ġew imsejħa “Insara” għall-ewwel darba (ara Atti 11:26). Minn dik il-belt, San Pawl beda xi wħud mill-vjaġġi appostoliċi tiegħu li wasslu għat-twaqqif ta’ ħafna komunitajiet. Kien ukoll f’Efesu, fuq ix-xtut tal-peniżola Anatoljana, fejn, skont xi għejjun antiki, għex u miet Ġwanni, id-Dixxiplu u l-Evanġelista l-Maħbub (ara San Irinew, Adversus Haereses , III, 3, 4; Ewsebju ta’ Ċesarija, Storja tal-Knisja, V, 24, 3).
Barra minn hekk, niftakru b’ammirazzjoni l-istorja kbira Biżantina, il-ħidma missjunarja kbira tal-Knisja ta’ Kostantinopli u t-tixrid tal-Kristjaneżmu fil-Lvant kollu. Anke llum fit-Turkija hemm ħafna komunitajiet ta’ Insara tar-rit Orjentali — Armeni, Sirjani u Kaldej — kif ukoll dawk tar-rit Latin. Il-Patrijarkat Ekumeniku jibqa’ punt ta’ riferiment kemm għall-fidili Griegi tiegħu kif ukoll għal dawk ta’ Knejjes Ortodossi oħra.
Għeżież ħbieb, il-komunitajiet tagħkom ħarġu mir-rikkezza ta’ din l-istorja twila, u intom illum imsejħa biex tieħdu ħsieb iż-żerriegħa tal-fidi li għaddiet lilna minn Abraham, l-Appostli u l-Missirijiet tal-Knisja. L-istorja li hemm qabilkom mhijiex xi ħaġa li sempliċement għandha tiġi mfakkra u mbagħad meqjuma bħala passat glorjuż, waqt li nħarsu b’rassenjazzjoni lejn kemm il-Knisja Kattolika ċkienet fil-għadd. Għall-kuntrarju, aħna mistiedna li nħaddnu viżjoni evanġelika, imdawla mill-Ispirtu s-Santu.
Meta nħarsu bl-għajnejn ta’ Alla, niskopru li hu għażel it-triq tal-umiltà, billi niżel fostna. Din hija t-triq tal-Mulej, li għaliha aħna lkoll imsejħin nagħtu xhieda. Il-profeti jħabbru l-wegħda ta’ Alla billi jitkellmu dwar rimja żgħira li se tinbet (ara Is 11:1). Ġesù jfaħħar liċ-ċkejknin li jafdaw fih (ara Mk 10:13-16). Jgħallem li s-saltna ta’ Alla ma timponix ruħha b’wirjiet ta’ poter (ara Lq 17:20-21), imma tikber bħall-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha li jinżergħu fil-ħamrija (ara Mk 4:31).
Din il-loġika tal-umiltà hija l-qawwa vera tal-Knisja. Il-qawwa tagħna ma tinsabx fir-riżorsi jew fl-istrutturi, u l-frott tal-missjoni tagħha ma jiddependix min-numri, mill-poter ekonomiku jew mill-influwenza soċjali. Il-Knisja tgħix fid-dawl tal-Ħaruf ta’ Alla; miġbura madwaru, u hija mibgħuta fid-dinja bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. F’din il-missjoni, il-Knisja hija msejħa l-ħin kollu biex tafda fil-wegħda tal-Mulej: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-saltna” ( Lq 12:32). Niftakru wkoll fil-kliem tal -Papa Franġisku, “Komunità Nisranija li fiha l-fidili, is-saċerdoti u l-isqfijiet ma jimxux fit-triq tal-umiltà, m’għandhiex futur… Is-saltna ta’ Alla tinbet fl-affarijiet żgħar, dejjem f’dak li hu żgħir” ( Omelija f’Santa Marta , 3 ta’ Diċembru 2019).
Il-Knisja fit-Turkija hija komunità żgħira, iżda għammiela bħal żerriegħa u ħmira tas-saltna. Għalhekk inħeġġiġkom tikkultivaw attitudni spiritwali ta’ tama li tafda, mibnija fuq il-fidi u fl-għaqda ma’ Alla. Jeħtieġ li nagħtu xhieda tal-Evanġelju bil-ferħ, u li nħarsu lejn il-ġejjieni bit-tama. Xi sinjali ta’ tama diġà huma preżenti b’mod ċar. Ejjew għalhekk nitolbu lill-Mulej, li jagħtina l-grazzja li nagħrfuhom u nikkultivawhom. Jista’ jkun hemm hemm sinjali oħra li jista’ jkollna bżonn nesprimu b’mod kreattiv permezz tal-perseveranza fil-fidi u fix-xhieda.
Fost l-isbaħ u l-aktar sinjali promettenti, naħseb fil-ħafna żgħażagħ li jħabbtu l-bibien tal-Knisja Kattolika bil-mistoqsijiet u b’dak li jinkwetahom. F’dan ir-rigward, inħeġġiġkom tkomplu l-ħidma pastorali tajba li qed tagħmlu. Inħeġġiġkom ukoll tisimgħu u takkumpanjaw liż-żgħażagħ, tagħtu attenzjoni speċjali lil dawk l-oqsma fejn il-Knisja fit-Turkija hija msejħa biex taqdi: id-djalogu ekumeniku u ta’ bejn ir-reliġjonijiet, it-trażmissjoni tal-fidi lill-popolazzjoni lokali, u s-servizz pastorali lir-refuġjati u l-migranti.
Dan l-aħħar aspett jistħoqqlu riflessjoni speċjali. Il-preżenza sinifikanti ta’ migranti u refuġjati f’dan il-pajjiż, tippreżenta lill-Knisja bl-isfida li tilqa’ u taqdi lil xi wħud mill-persuni l-aktar dgħajfa. Fl-istess ħin, din il-Knisja nnifisha hija magħmula fil-parti l-kbira tagħha minn barranin, u ħafna minnkom – saċerdoti, sorijiet u operaturi pastorali – ġejjin minn pajjiżi oħra. Dan jitlob impenn speċjali għall-inkulturazzjoni sabiex l-ilsien, id-drawwiet u l-kultura tat-Turkija jsiru dejjem aktar tagħkom. Barra minn hekk, ix-xandir tal-Vanġelu dejjem jgħaddi minn din l-inkulturazzjoni.
Nixtieq infakkar ukoll li kien f’din l-art tagħkom li saru l-ewwel tmien Konċilji Ekumeniċi. Din is-sena timmarka s-1700 anniversarju tal-Ewwel Konċilju ta’ Niċea, “pass importanti fl-istorja tal-Knisja iżda wkoll tal-umanità kollha kemm hi” (Papa Franġisku, Diskors lill-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali , 28 ta’ Novembru 2024). Dan l-avveniment dejjem rilevanti jqiegħed quddiemna diversi sfidi li nixtieq insemmi.
L-ewwel sfida hija l-ħtieġa li nifhmu l-essenza tal-fidi u l-fatt li tkun Nisrani . Permezz tal-Kredu, il-Knisja f’Niċea skopriet mill-ġdid l-unità tagħha (ara l-Bulla Spes Non Confundit , 17). Il-Kredu mhuwiex sempliċement formula duttrinali; imma huwa stedina biex infittxu – fost sensibilitajiet, spiritwalitajiet u kulturi differenti – l-unità u l-qalba essenzjali tal-fidi Nisranija mibnija fuq Kristu u fuq it-Tradizzjoni tal-Knisja. Niċea għadha tistaqsina: Min hu Ġesù għalina? Xi jfisser essenzjalment li nkun Nisrani? Il-Kredu, li nipprofessaw flimkien b’mod unanimu, isir kriterju għad-dixxerniment, iċ-ċentru li fuqu jridu jinbnew it-twemmin u l-azzjonijiet tagħna. Meta nitkellem dwar ir-rabta li hemm bejn il-fidi u l-opri, nixtieq nirringrazzja lill-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-appoġġ tagħhom għall-attivitajiet karitattivi tal-Knisja, speċjalment għall-għajnuna li ngħatat lill-vittmi wara t-terremot tal-2023. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja b’mod partikulari lill-Caritas Internationalis u l-Kirche in Not.
It-tieni sfida hija l-urġenza li niskopru mill-ġdid fi Kristu l-wiċċ ta’ Alla l-Missier. Niċea tafferma d-divinità ta’ Ġesù u li huwa indaqs mal-Missier. F’Ġesù, niskopru l-wiċċ veru ta’ Alla u l-kelma definittiva tiegħu dwar l-umanità u l-istorja. Din il-verità tisfida kontinwament l-ideat tagħna stess dwar Alla kull meta l-ideat tagħna ma jaqblux ma’ dak li rrevelalna Ġesù. Allura hemm din l-istedina għal dixxerniment kontinwu dwar il-forom tagħna ta’ fidi, ta’ talb, ta’ ħajja pastorali u ta’ spiritwalità. Iżda hemm ukoll sfida oħra, li nistgħu nsejħulha “Arjaniżmu ġdid”, li tinsab fil-kultura tal-lum u xi kultant anke fost dawk li jemmnu. Dan iseħħ meta lil Ġesù nammirawh fuq livell sempliċement uman, forsi anke b’rispett reliġjuż, iżda ma nqisuhx bħala Alla ħaj u veru li deher fostna. Id-divinità tiegħu, il-fatt li huwa s-sid tal-istorja, dawn jingħataw il-ġenb, u nirreduċuh għal sempliċiment figura storika kbira, għalliem għaref, jew profeta li ġġieled għall-ġustizzja – iżda xejn aktar. Niċea tfakkarna li Ġesù Kristu mhuwiex figura tal-passat; huwa l-Iben ta’ Alla preżenti fostna, li jmexxi l-istorja lejn il-futur imwiegħed minn Alla.
Fl-aħħarnett, it-tielet sfida hija l-medjazzjoni tal-fidi u l-iżvilupp tad-duttrina. F’kuntest kulturali kumpless, il-Kredu ta’ Niċea esprima l-qofol tal-fidi permezz tal-kategoriji filosofiċi u kulturali ta’ żmienu. Madankollu, ftit għexieren ta’ snin wara, fl-Ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli, naraw li dan ġie approfondit u estiż aktar. Bis-saħħa ta’ dan l-iżvilupp duttrinali, ħarġet formulazzjoni ġdida, il-Kredu Niċen-Kostantinopolitan li nistqarru flimkien fil-liturġiji tal-Ħdud tagħna. Hawnhekk ukoll nitgħallmu lezzjoni importanti: il-fidi Nisranija trid dejjem tiġi espressa fil-lingwi u l-kategoriji tal-kultura li nkunu qed ngħixu fiha, l-istess kif għamlu l-Missirijiet tal-Knisja f’Niċea u fil-Konċilji l-oħra. Fl-istess ħin, irridu niddistingwu l-essenza tal-fidi mill-formuli storiċi li jesprimuha – formuli li huma dejjem parzjali u proviżorji u jistgħu jinbidlu hekk kif id-duttrina nifhmuha aktar fil-fond. Ejjew niftakru li l-aktar Duttur riċenti tal-Knisja, San Ġwann Henry Newman, insista fuq l-iżvilupp tad-duttrina Nisranija, għaliex id-duttrina mhijiex idea astratta u statika, iżda tirrifletti l-misteru nnifsu ta’ Kristu. Għalhekk, l-iżvilupp tiegħu huwa organiku, simili għal dak ta’ realtà ħajja, li bil-mod il-mod iġib fid-dawl u jesprimi b’mod aktar sħiħ il-qalba essenzjali tal-fidi.
Għeżież ħbieb, qabel ma nikkonkludi, nixtieq infakkar f’xi ħadd tant għażiż għalikom, San Ġwanni XXIII , li ħabb u serva lin-nies ta’ din l-art. Huwa kiteb, “Nixtieq intenni dak li nħoss f’qalbi: Inħobb dan il-pajjiż u n-nies li jgħixu fih.” Waqt li kien qed iħares mit-tieqa tad-dar tal-Ġiżwiti lejn is-sajjieda jaħdmu fuq id-dgħajjes u x-xbieki tagħhom fuq il-Bosforu, huwa kompla: “Din ix-xena tikkomovini. Il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, kienet nieżla xita qalila, iżda s-sajjieda kienu hemm, bla ma jaqtgħu qalbhom, fuq ix-xogħol iebes tagħhom… Li nimitaw lis-sajjieda tal-Bosforu — li jaħdmu lejl u nhar bil-fanali tagħhom mixgħula, kull wieħed fuq id-dgħajsa żgħira tiegħu, isegwu d-direzzjoni tal-mexxejja spiritwali tagħhom — dan huwa d-dmir serju u sagru tagħna.”
Nittama li tkunu mqanqlin minn din l-istess passjoni, sabiex iżżommu ħaj il-ferħ tal-fidi, u tkomplu taħdmu bħala sajjieda kuraġġużi fid-dgħajsa tal-Mulej. Jalla l-Imqaddsa Verġni Marija, it-Theotokos , tinterċedi għalikom u żżommkom taħt il-ħarsien tagħha. Grazzi.
Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes