Żgur li mhux l-ewwel darba li kkummentajna dwar kemm id-dinja għaddejja minn taqlib, u kemm qiegħda tinbidel, mhux dejjem għall-pożittiv. Illum nagħtu bidu għall-Avvent, żmien ta’ grazzja speċjali li jrid iħejjina għall-Miġja tal-Mulej Ġesù. Iżda dan kollu x’tama jista’ joffri lilna li qed ngħixu f’dinja mqallba?
Fl-ewwel qari tal-lum smajna kif il-Mulej jgħarraf lill-profeta li Ġerusalemm, il-Belt il-qaddisa, għad togħla ’l fuq għax minnha Alla għad ‘jgħallimna triqatu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu’. B’riżultat ta’ dan ‘huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed. Din il-profezija tħabbar li Alla permezz tal-Messija ser jgħallimna t-triq tal-paċi vera, dik il-paċi li tibda mill-qalb tagħna. Huwa biss għand il-Mulej li l-bnedmin jistgħu jitgħallmu din it-triq biex ikunu jistgħu jgħixuha. Għalhekk l-istedina għalina; ‘Ejja, dar Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!’
Fil-Vanġelu tal-lum il-Mulej jgħidilna, ‘Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.’ Letteralment tishar iffisser ‘ma torqodx’, però il-Mulej irid jgħidilna biex ma nintelqux fil-mixja tal-fidi tagħna, irridu nkunu dejjem lesti biex nilqgħuh meta jiġi: ‘Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem’. San Pawl jispjegalna xi jfisser dan: ‘waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas… Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl… ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.’ Allura tishar ifisser twarrab id-dnub minn ħajtek, titlob, tisma’ l-Kelma t’Alla u tagħmel ħiltek biex tifhimha sew, fuq kollox tishar ifisser tgħix il-Kelma billi tħobb kif iħobbna HU.
Il-Mulej f’dan l-Avvent irid jibdel id-dinja, però sfortunatament ħafna jgħidulu ‘le’. Int u jien x’ser inwieġbu għal din l-istedina li qed jagħmlilna l-Mulej? Id-dinja tibda tinbidel meta aħna nieħdu bis-serjetà l-istedina li l-Mulej qed jagħmlilna llum.
Mulej Ġesù, fil-bidu ta’ dan l-Avvent nixtiequ minn qalbna ngħidulek, ‘ejja Mulej Ġesù’; aħna għandna bżonnok; quddiem id-dinja tagħna bl-inkwiet u t-tbatija tagħha aħna ma għandniex tama oħra ħlief Fik. Ammen.