VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU MILL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
FI TMIEM IL-LITURĠIJA DIVINA
Knisja Patrijarkali ta’ San Ġorġ (Istanbul)
Il-Ħadd 30 ta’ Novembru 2025
Santità, maħbub ħija fi Kristu,
Beatitudinijiet,
Għeżież Ħuti fl-Episkopat,
Membri tas-Sinodu Mqaddes tal-Patrijarkat Ekumeniku,
Għeżież ħuti!
Il-pellegrinaġġ tagħna fil-postijiet fejn inżamm l-ewwel Konċilju Ekumeniku fl-istorja tal-Knisja, jagħlaq b’din l-Liturġija Divina solenni, li fiha fakkarna lill-Appostlu Indrì li, skont it-tradizzjoni antika, wassal il-Vanġelu f’din il-belt. Il-fidi tiegħu hija tagħna: l-istess waħda definita mill-Konċilji ekumeniċi u mistqarra llum mill-Knisja. Mal-Kapijiet tal-Knejjes u r-Rappreżentanti tal-Komunitajiet Insara Dinjija, dan fakkarnieh matul it-talba ekumenika: il-fidi mistqarra fil-Kredu Niċen-Kostantinopolitan tgħaqqadna f’komunjoni reali u tippermettilna nagħrfu lil xulxin bħala aħwa. Kien hemm ħafna nuqqas ta’ ftehim u saħansitra kunflitti bejn Insara ta’ diversi Knejjes fl-imgħoddi, u għad hemm ostakli li jżommuna milli nkunu f’komunjoni sħiħa, imma ma rridux inħarsu lura fl-impenn tagħna għall-għaqda u ma nistgħux nieqfu nqisu lil xulxin bħala aħwa fi Kristu u nħobbu lil xulxin bħala tali.
Imnebbħin minn dan l-għarfien, sittin sena ilu l-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Atenagora ddikjaraw solennement li d-deċiżjonijiet xejn sbieħ u l-ġrajjiet kiebja li wasslu għall-iskomuniki reċiproċi tal-1054 kellhom jiġu mħassra mill-memorja tal-Knisja. Dan il-ġest storiku tal-Predeċessuri meqjuma tagħna fetaħ mixja ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ paċi u ta’ komunjoni dejjem tikber bejn Kattoliċi u Ortodossi, li kibret anki grazzi għall-kuntatti frekwenti, għal-laqgħat fraterni u għal djalogu teoloġiku li beda jħalli l-frott.
Fid-dawl ta’ din il-mixja diġà mibdija, ħafna kienu l-passi mwettqa anki fuq livell ekkleżjoloġiku u kanoniku u, illum, aħna nħossuna sfidati biex nimpenjaw ruħna aktar lejn it-tiġdid tal-komunjoni sħiħa.
Dwar dan, nixtieq nesprimi l-gratitudni tal-Knisja Kattolika kollha u r-ringrazzjament profond personali għas-sostenn kontinwu tal-Qdusija Tiegħu u tal-Patrijarkat Ekumeniku għall-ħidma tal-Kummissjoni mħallta internazzjonali għad-Djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa. Nitlobkom tkomplu tagħmlu kull sforz biex il-Knejjes Ortodossi awtoċefali kollha jerġgħu jibdew jieħdu sehem attiv f’dan l-impenn. Min-naħa tiegħi, nixtieq nikkonferma li, f’kontinwità ma’ dak li għallem il-Konċilju Vatikan II u l-predeċessuri tiegħi, it-tiftix tal-komunjoni sħiħa bejn dawk kollha li huma mgħammdin fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, fir-rispett tad-differenzi leġittimi, hu waħda mill-prijoritajiet tal-Knisja Kattolika u b’mod partikulari tal-Ministeru tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma, li r-rwol speċifiku tiegħu fuq livell ta’ Knisja universali huwa li jkun għas-servizz ta’ kulħadd biex tinbena u tiġi ppreservata l-komunjoni u l-għaqda.
Biex nibqgħu fidili għar-rieda tal-Mulej li nieħdu ħsieb mhux biss ta’ ħutna fil-fidi, imma tal-umanità kollha u tal-ħolqien kollu, il-Knejjes tagħna huma msejħin iwieġbu flimkien għall-appelli li l-Ispirtu s-Santu qed jagħmlilhom illum. Qabelxejn, f’dan iż-żmien ta’ kunflitti mdemmija u vjolenzi f’postijiet qrib u bogħod, il-Kattoliċi u l-Ortodossi huma msejħa jkunu bennejja tal-paċi. Ċertament dan ifisser naġixxu u nagħmlu għażliet u nagħtu sinjali li jibnu l-paċi, imma mingħajr ma ninsew li din mhix biss il-frott ta’ impenn uman, imma hi don ta’ Alla. Għalhekk, il-paċi nitolbuha bit-talb, bil-penitenza, bil-kontemplazzjoni, b’dik ir-relazzjoni ħajja mal-Mulej li tgħinna niddixxernu liema kliem, ġesti u azzjonijiet nieħdu, biex ikunu tabilħaqq għall-qadi tal-paċi.
Sfida oħra li l-Knejjes tagħna għandhom jaffrontaw hija t-theddida tal-kriżi ekoloġika li, kif il-Qdusija Tiegħek spiss fakkart, titlob konverżjoni spiritwali awtentika biex nibdlu d-direzzjoni u nħarsu l-ħolqien. Kattoliċi u Ortodossi, aħna msejħin nikkollaboraw biex nippromovu mentalità ġdida li fiha kulħadd iħossu ħarries tal-ħolqien li Alla fdalna.
It-tielet sfida li rrid insemmi hija l-użu tat-teknoloġiji ġodda, speċjalment fil-qasam tal-komunikazzjoni. Fl-għarfien tal-vantaġġi enormi li dawn jistgħu joffru lill-umanità, Kattoliċi u Ortodossi għandhom jaħdmu flimkien biex jippromovu l-użu responsabbli tagħhom għas-servizz tal-iżvilupp integrali tal-persuni, u aċċessibbiltà universali, biex dawn il-benefiċċji ma jkunux riservati biss għal numru ċkejken ta’ persuni u għall-interessi ta’ ftit ipprivileġġjati.
Aħna u nwieġbu għal dawn l-isfidi, jiena fiduċjuż li l-Insara kollha, il-membri ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra, u ħafna bnedmin ta’ rieda tajba jistgħu jikkoperaw f’armonija u jaħdmu għall-ġid komuni.
Santità, b’dawn il-ħsibijiet f’qalbi, lilek u lill-aħwa li llum qed tiċċelebraw il-festa tal-Qaddis Patrun, nagħtikom l-isbaħ awguri tiegħi ta’ kull ġid, saħħa u serenità. Nixtieq nirringrazzjakom sinċerament tal-akkoljenza sabiħa u fraterna li tajtuni f’dawn il-jiem. Għalhekk, waqt li nitlob l-interċessjoni tal-Appostlu Andrija u ta’ ħuh, l-Appostlu Pietru, ta’ San Ġorġ Megalomartri li lilu hi ddedikata din il-Knisja, tal-Qaddisin Padri tal-Ewwel Konċilju ta’ Nicea, tal-għadd kbir ta’ Ragħajja Qaddisin ta’ din il-Knisja antika u glorjuża ta’ Kostantinopli, nitlob lil Alla l-Missier ħanin li jbierek bil-kotra lil dawk kollha preżenti.
Hrònia Pollà, Ad multos annos!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard