Konferenza Stampa mill-Papa Ljun XIV fit-titjira minn Beirut lejn Ruma

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
U PELLEGRINAĠĠ F’IZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1700 SENA MILL-EWWEL KONĊILJU EKUMENIKU F’NIĊEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru, 2025)

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
WAQT IT-TITJIRA LURA MINN BEIRUT LEJN RUMA

It-Tlieta, 2 ta’ Diċembru, 2025

Matteo Bruni

Il-ġurnata t-tajba Santità, il-ġurnata t-tajba lil kulħadd!

Grazzi li ġejt tiltaqa’ magħna. Grazzi ta’ dawn il-jiem li qattajna nsegwu l-vjaġġ fiż-żewġ pajjiżi li żort.  Mill-pajjiż li żort l-aħħar, il-Libanu, hawn xi ftit mistoqsijiet mill-ġurnalisti, imma qabel nixtieq ngħid kelma.  Hawn ġurnalista li ħadmet għal bosta snin issegwi s-Santa Sede, il-Vatikan, il-Papa, li f’Diċembru se tieqaf għax waslet għall-pensjoni: Cindy Wooden, li taħdem mas-CNS.  Ir-relazzjoni magħha kienet prezzjuża u ta’ ħbiberija tul dawn is-snin kollha.

Rigward il-mistoqsijiet, l-ewwel waħda hi minn ġurnalist Lebaniż, dment li qabel ma tridx tgħid xi ħaġa int.

Il-Papa Ljun XIV

Kelma waħda.  Il-ġurnata t-tajba lil kulħadd!  L-ewwelnett irrid ngħid grazzi lilkom ilkoll, għal tant ħidma tagħkom u nixtieq li tgħaddu dal-messaġġ lill-ġurnalisti l-oħra wkoll kemm fit-Turkija u anki fil-Libanu, lil dawk li ħadmu biex iwasslu l-messaġġ importanti ta’ dan il-vjaġġ.  Allura, grazzi lilkom ilkoll, intom ukoll jixirqilkom applaws kbir għall-ħidma tagħkom.  Grazzi, grazzi!

Matteo Bruni

L-ewwel mistoqsija minn Joseph Farchakh tat-televiżjoni pubblika tal-Libanu (LBC International).

Joseph Farchakh: Televiżjoni pubblika tal-Libanu (LBC International)

Qabel kollox grazzi ħafna li tajtna din l-opportunità bħala l-uniku mezz medjatiku Lebaniż, li nakkumpanjawk f’dan l-ewwel vjaġġ barra mill-Italja.   Qabel il-mistoqsija, hawn għandek rigal mill-familja tal-LBCI.  Tpinġa live minn fuq it-TV waqt li int kont tivvjaġġa bejn waqfa u oħra.  Dan int, u dawn huma d-diversi waqfiet.  Tista’ tosserva l-Madonna tal-Libanu, lil San Charbel, il-Port ta’ Beirut, kull waqfa, kull waqfa importanti.

Għalhekk verament grazzi talli beriktna b’din l-opportunità.  Fuq wara tista’ tara apprezzament mill-qalb miċ-Chairman tal-bord u martu – Pierre u Randa Daher – Huma verament grati għal din l-opportunità.  Tpinġa live fl-ajru int u tivvjaġġa minn waqfa għal oħra.

Lura għall-mistoqsija, Santità.  Int Papa Amerikan li qed tmexxi proċess ta’ paċi; int tinsab fuq missjoni ta‘ paċi fir-reġjun.  Il-mistoqsija tiegħi hi din: Se tuża r-relazzjonijiet li għandek mal-President Trump, mal-Prim Ministru Benjamin Nethanyau, u qabel fuq l-ajruplan int għidt li l-Vatikan hu ħabib ta’ Iżrael?  Se ssostni l-bżonn li tieqaf l-aggressjoni tal-Iżraeljani fuq il-Libanu?  Possibblli li naslu għal paċi sostenibbli fir-reġjun?

Il-Papa Ljun XIV

L-ewwelnett, iva, jien nemmen li l-paċi sostenibbli hi possibbli.  Naħseb li meta nitkellmu dwar il-paċi u nħarsu lejn il-futur, nagħmlu dan għax nemmen li fir-reġjun u f’pajjiżek il-Libanu, jista’ jerġa’ jkun hemm il-paċi.  Fil-fatt, diġà bdejt xi taħdidiet ma’ mexxejja tal-postijiet li semmejt int u fi ħsiebni nkompli personalment jew permezz tas-Santa Sede; għaliex il-fatt hu li għandha relazzjonijiet diplomatiċi mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fir-reġjun, u ċertament dik hi t-tama tagħna, li nkomplu ngħollu leħinna u nsejħu l-paċi li tkellimt dwarha fi tmiem il-Quddiesa llum.

Matteo Bruni

Grazzi, Santità,, il-mistoqqsija li jmiss minn Imad Atrach ta’ Sky News Arabia.

Imad Atrach – Sky News Arabia

Santità, jien Lebaniż imma se nitkellem bit-Taljan, jekk tippermettili.  Santità, fl-aħħar diskors tiegħek, li nemmen li hu importanti ħafna, kien hemm messaġġ ċar għan-negozjati indirizzat lill-awtoritajiet Lebaniżi.  Għalhekk negozjar, djalogar, twettiq.  Il-Vatikan se jagħmel xi ħaġa f’das-sens?  Imbagħad, ilbieraħ filgħaxija ltqajt ma’ esponent Xita.  Qabel il-vjaġġ tiegħek, Hezbollah kienu bagħthulek messaġġ: ma nafx irċevejtux, jekk qrajtux, u x’tista’ tgħid dwaru?  Irroddlok ħajr bil-bosta li żort il-Libanu, għax għalina din kienet ħolma.

Il-Papa Ljun XIV

Tajjeb, grazzi.  Dan hu aspett ta’ dal-vjaġġ li ma kienx, biex ngħidu hekk, l-għan prinċipali għax il-vjaġġ twieled bl-idea tal-kwistjonijiet ekumeniċi, bit-tema ta’ Niċea, il-laqgħa mal-Patrijarki kattoliċi u ortodossi, u l-għaqda bejn il-Knejjes.  Iżda fil-fatt, tul il-vjaġġ kelli diversi laqgħat personali ma’ rappreżentanti ta’ diversi gruppi li fir-realtà jirrappreżentaw awtoritajiet politiċi, persuni jew gruppi li għandhom x’jaqsmu mal-kunflitti interni u anki internazzjonali, fir-reġjun.  Il-ħidma tagħna, prinċipalment mhix ħaġa pubblika li noħorġu nxandruha fit-toroq, xi ftit jew wisq hi “minn wara l-kwinti”.  Hi ħaġa li fil-fatt diġà għamilna u li se nkomplu nagħmlu biex infittxu, biex ngħidu hekk,  li nikkonvinċu l-partijiet iwarrbu l-armi, il-vjolenza, u jersqu flimkien madwar il-mejda tad-djalogu, ifittxu tweġibiet u soluzzjonijiet li ma jkunux vjolenti imma li jistgħu jkunu aktar effikaċi, u li jaħju l-poplu.

Imad Atrach – Sky News Arabia

Il-messaġġ tal-Hezbollah inti rajtu?

Il-Papa Ljun XIV

Iva, rajtu.  Evidentement, min-naħa tal-Knisja l-proposta hi li jwarrbu l-armi u li qed infittxu d-djalogu.  Imma f’dal-kuntest nippreferi li ma nikkummentax aktar.

Matteo Bruni

Grazzi, Santità.  Il-mostoqsija l-oħra hi minn Cindy Wooden tas-CNS (Catholic News Service).

Cindy Wooden – CNS

Santità, ftit xhur ilu inti għidt li hemm ‘learning curve’ biex tkun Papa.  Meta lbieraħ wasalt Harissa, u rajt il-merħba sabiħa, donnok dehert li f’qalbek kont qed tgħid “wow”.  Tista’ tġħidilna x’qed titgħallem?  Xhini l-aktar ħaġa diffiċli għalik biex tkun Papa?  U lanqas  m’għidtilna xejn x’ħassejt meta fil-Konklavi deher ċar x’kien se jiġri?  Tista’ tgħidilna xi ħaġa dwar dan?

Il-Papa Ljun XIV

L-ewwel kumment tiegħi hu li xi sena jew sentejn ilu jien ukoll kont qed naħseb biex nirtira xi darba.  Mid-dehera int irċevejtu dar-rigal.  Xi wħud minna se jkomplu jaħdmu.  Il-Konklavi, nemmen li hu strettament sigriet, minkejja li naf li saru xi intervisti pubbliċi fejn ġew rivelati xi punti.  Lejlet li kont maħtur, waħda ġurnalista sabitni fit-triq jien u sejjer għall-ikla ta’ nofsinhar fl-Augustinianum, kienet qaltli “x’taħseb?  Int wieħed mill-kandidati!”  U jien għidtilha sempliċiment “kollox f’idejn Alla”.  U dan nemmnu profondament.  Xi ħadd minnkom – hawn ġurnalist Ġermaniż li l-bieraħt lura qalli, għidli ktieb, minbarra ta’ Santu Wistin, li nistgħu naqraw biex nifhmu min hu Prevost.  U għaddew minn moħħi ħafna imma wieħed minnhom hu ktieb bit-titlu “The Practice of the presence of God”.  Ktieb sempliċi ħafna, miktub minn persuna li lanqas tagħti kunjomha, Brother Lawrence.  Qrajtu ħafna snin ilu.

Imma, jekk trid, hu tip ta’ talb u spiritwalità li bihom il-bniedem jagħti ħajtu lill-Mulej u jħalli lilU jmexxi.  Jekk trid taf xi ħaġa dwari, għalija dik kienet is-sejħa spiritwali biex inkun ta’ servizz għal bosta snin.  Fost sfidi kbar, meta kont ngħix il-Perù fiż-żmien tat-terroriżmu, kont inkun imsejjaħ nagħti servizz f’postijiet li qatt ma kont nobsor li stajt inżur.  Nittama f’Alla li dak il-messaġġ inkun nista’ naqsmu mal-bnedmin kollha.  Allura x’kienet is-sitwazzjoni?  Irrassenjajt ruħi għall-fatt, meta rajt kif kienu sejrin l-affarijiet, u għidt lili nnifsi li din setgħet kienet ir-realtà.  Ħadt nifs qawwi, għidt bejni u bejn ruħi, “Hawn aħna Mulej, inti tmexxi u inti turi t-triq”.

Woodentirrepeti l-ewwel parti tal-mistoqsija.

Il-Papa Ljun XIV

Ma niftakarx li għidt “wow” ilbieraħ filgħaxija.  Fis-sens…wiċċi espressiv ħafna – imma kultant idaħħaqni kif sħabi l-ġurnalisti jinterpretaw l-espressjonijiet ta’ wiċċi.  Verament inħoss li hu interessanti.  Kultant, tafu intom, mingħandkom ilkoll jiġuni ideat verament tajbin għax intom jidhrilkom li tistgħu taqraw moħħi u wiċċi.  Imma mhux hekk – mhux dejjem taqtgħu.

Irrid ngħid li kont preżenti fil-Ġublew taż-Żgħażagħ, fejn kien hemm aktar minn miljun ruħ.  Ilbieraħ il-folla kienet żgħira.  Għalija dejjem ħaġa meraviljuża.  Irrid ngħid li bejnni u bejn ruħi għadda minn moħħi: dawn in-nies qegħdin hawn għax iridu jaraw il-Papa, imbagħad għidt: jinsabu hawn għax iridu jaraw lil Ġesù Kristu, u f’dal-każ partikolari jridu jaraw messaġġier tal-paċi.  Għalhekk tara biss l-entużjażmu tagħhom u tisma’ biss it-tweġiba tagħhom għal dal-messaġġ, nifhem li hu messaġġ ta’ ispirazzjoni impressjonanti.  Nittama li qatt ma ngħejja napprezza dak kollu li qed juru dawn iż-żgħażagħ.

Matteo Bruni

Grazzi, Santità.  Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Gian Guido Vecchi, Corriere della Sera.

Gian Guido Vecchi – Corriere della Sera

Hu żmien ta’ tensjoni kbira bejn in-NATO u r-Russja, qed nitkellmu dwar gwerra ibrida, prospettivi ta’ attakki ċibernetiċi u ħwejjeġ bħal dawn. Inti tara riskju ta’ eskalazzjoni, cioè kunflitt b’mezzi ġodda kif iddenunzjat in-NATO?  U, fi klima bħal din, jista’ jkun hemm trattati ta’ paċi ġusta mingħajr l-Ewropa li f’dawn ix-xhur kienet imwarrba sistematikament mill-amministrazzjoni Amerikana?

Il-Papa Ljun XIV

Evidentement dan hu suġġett importanti għall-paċi fid-dinja, imma s-Santa Sede m’għandhiex sehem dirett f’dawn it-taħdidiet jew fid-djalogi li saru s’issa għax aħna m’aħniex membri tan-NATO.  Minkejja, bosta drabi appellajna biex jieqaf il-ġlied, djalogu mhux il-gwerra.  Din t’issa hi gwerra li fiha ħafna aspetti, ukoll minħabba ż-żieda fl-armamenti, il-produzzjoni kollha li qed isir, l-attakki ċibernetiċi, l-enerġija.  Issa li riesqa x-xitwa hemm ukoll ħaġa serja ħafna.  Hu evidenti li min-naħa, il-President tal-Istati Uniti deherlu li seta jimbotta pjan ta’ paċi kif jixtieq hu u li, almenu għall-bidu, kien mingħajr l-Ewropa.  Iżda l-preżenza tal-Ewropa, fil-verità, hi importanti tant li dik l-ewwel proposta nbidlet anki minħabba dak li kienet qed tgħid l-Ewropa.  Speċifikament qed naħseb li l-irwol tal-Italja jista’ jkun importanti ħafna.  Biex inkun aktar preċiż ngħidu li  kulturalment u storikament, l-Italja għandha l-ħiliet biex tkun medjatur f’kunflitt bejn ħafna naħat.  L-Ukrajna u anki r-Russja evidentement, l-Istati Uniti… F’das-sens nissuġġerixxi li s-Santa Sede tista’ tinkoraġġixxi wkoll dat-tip ta’ medjazzjoni u li nfittxu flimkien soluzzjoni li toffri l-paċi verament, paċi ġusta, f’dal-każ fl-Urkrajna.  Grazzi!

Matteo Bruni

Grazzi, Santità! Il-mistoqsija  li jmiss hi minn Elisabetta Piqué, tal-gażżetta La Nación, hi qiegħda hawn quddiem.

Elisabetta Piqué – La Nación

Grazzi, Santità, qabel kollox, għal dan l-ewwel vjaġġ internazzjonali.  Imbagħad, il-bandiera tal-Libanu għandha l-istess kuluri tal-bandiera tal-Perù: hu sinjal li se tagħmel vjaġġ fl-Amerika-Latina, teoretikament fit-tieni parti tas-sena d-dieħla flimkien mal-Arġentina u l-Urujuay li baqgħu mdendlin?  Apparti ċ-ċajt, xtaqna nsaqsuk liema vjaġġi qed tipprepara għas-sena d-dieħla.  Imbagħad, la qed insemmi l-Amerika-Latina, hemm preokkupazzjoni kbira, hemm ħafna tensjoni minħabba dak li qed jiġri fil-Venezuela.  Hemm ultimatum tal-President Trump lil Maduro biex iwarrab, biex jerħi l-poter minn idejh, u theddida li se jneħħih permezz ta’ operazzjoni militari.  Xtaqna nsaqsu x’taħseb dwar dan.  Grazzi.

Papa Leone XIV

Dwar il-vjaġġi għad mhemm xejn ċert.  Nittama li nagħmel vjaġġ fl-Afrika.  Possibbilment jista’ jkun il-vjaġġ li jmiss.

Elisabetta Piqué

Fejn?

Il-Papa Ljun XIV

L-Afrika, l-Afrika.  Personalment nittama li mmur l-Alġerija biex inżur il-postijiet marbutin ma’ Santu Wistin, imma wkoll biex nissokta d-diskors ta’ djalogu, tal-bini ta’ pontijiet bejn id-dinja kristjana u d-dinja musulmana.  Fl-imgħoddi, meta kont għadni mhinix Papa, kelli opportunità nitkellem dwar das-suġġett.  Interessanti: il-figura ta’ Santu Wistin tgħin ħafna biex tkun pont għax fl-Alġerija hu rispettat ħafna bħala wild ta’ dik il-patrija.  Dak wieħed.  Xi pajjiż ieħor, qed naħdmu dwaru.  Evidentement ikun ta’ pjaċir kbir għalija nżur l-Amerika-Latina, l-Argentina u l-Uruguay li qed jistennew iż-żjara tal-Papa.  Il-Perù… naħseb li huma wkoll jilqgħuni b’idejhom miftuħin!  Allura, jekk immur il-Perù, hemm bosta pajjiżi qrib…  Però l-proġett għadu mhux definit.

Elisabetta Piqué

26 jew 27?

Papa Leone XIV

26 o 27, qed naraw

Elisabetta Piqué

Grazzi.

Il-Papa Ljun XIV

Rigward il-Venezuela, flimkien mal-Konferenza Episkopali u n-Nunzju qed infittxu mod kif nikkalmaw is-sitwazzjoni, naturalment dejjem f’moħħna l-ġid tal-poplu, għax f’dawn is-sitwazzjonijiet huwa l-poplu li jbati, mhux l-awtoritajiet.  Dak li qed jasal mill-Istati Uniti jinbidel anki b’ċertu frekwenza, kultant wieħed irid jixtarr.  Min-naħa jidher li kien hemm telefonata bejn iż-żewġ Presidenti.  Min-naħa l-oħra, hemm il-periklu, il-possibbiltà, li jkun hemm xi ċaqliċ, xi manuvra li tinvadi t-territorju tal-Venezuela.  Ma naf xejn aktar, nemmen li jkun aħjar inkomplu nfittxu d-djalogu, forsi nagħmlu xi ftit pressjoni, anki ekonomika, imma nfittxu mod ieħor kif isir it-tibdil, jekk din tkun id-deċiżjoni tal=Istati Uniti.

Matteo Bruni

Grazzi Elisabetta. Santità, il-mistoqsija l-oħra hi minn Mikael Corre tal-ġurnal La Croix.

Mikael Corre – La Croix

Hello, Santità.  Grazzi ta’ dal-vjaġġ tant interessanti.  Għadek kif tkellimt dwar it-tkomplija tal-bini tal-pontijiet bejn dinjiet differenti u nixtieq insaqsi: xi Kattoliċi fl-Ewropa jemmnu li l-Iżlam hu theddida għall-identità Kristjana tal-Punent.  Għandhom raġun u x’tista’ tgħidilhom int?

Il-Papa Ljun XIV

Fil-konversazzjonijiet kollha li kelli kemm domt it-Turkija u l-Libanu, inkluż ma’ bosta Musulmani, ikkonċentrajna preċiżament fuq it-tema tal-paċi u r-rispett lejn popli ta’ reliġjonijiet differenti.  Naf, bħala fatt, li mhux dejjem kien hekk.  Naf li fl-Ewropa jkun hemm drabi li taħkem il-biża’, imma spiss  tkun iġġenerata min-nies li huma kontra l-immigrazzjoni u li jippruvaw iżommu bogħod lil min ikun ġej minn xi pajjiż ieħor, reliġjon oħra, razza oħra.  U f’das-sens irrid ngħid li hemm bżonn naħdmu id f’id.  Wieħed mill-valuri ta’ dan il-vjaġġ hu preċiżament biex tinġibed l-attenzjoni tad-dinja dwar il-possibbiltà li d-djalogu ta’ ħbiberija bejn il-Musulmani u l-Insara hu possibbli.  Jidhirli li waħda mill-akbar lezzjonijiet li l-Libanu jista’ jagħti lid-dinja hi preċiżament li hi art fejn l-Iżlam u l-Kristjanità huma preżenti u rispettati, u li hu possibbli li jgħixu flimkien, li jkun ħbieb.  Per eżempju, stejjer, testimonjanzi li smajna anki dawn il-jumejn li għaddew dwar nies li jgħinu lil xulxin, Kristjani u Musulmani, li t-tnejn spiċċaw bil-villaġġi tagħhom meqrudin, irrakkuntaw li nistgħu nilqgħu lil xulxin u naħdmu flimkien.  Naħseb li dawk huma l-lezzjonijiet li hemm bżonn jaslu fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq.  Li forsi hemm bżonn hu, li ma nibqgħux nibżgħu minn xulxin u nfittxu modi biex nippromwovu djalogu awtentiku u rispett.

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss hi tal-ġurnalista tal-ARD Radio, Anna Giordano.

Anna Giordano – ARD Radio

Il-Knisja tal-Ġermanja twieżen lill-Knisja tal-Libanu.  Per eżempju, hemm xi aġenziji ta’ għajnuna Ġermaniżi attivi ħafna fil-Libanu.  Għalhekk, minn dal-lat importanti li l-Knisja tal-Ġermanja tkompli tkun solida.  Intant, inti probabbilment taf li hemm il-Mixja Sinodali Synodaler Weg, process ta’ tibdil li għaddej fil-Knisja Ġermaniża.  Jidhirlek li dan jista’ jkun proċess li jsaħħaħ il-Knisja tal-Ġermanja?”  Jew jista’ jkun il-maqlub?  U għaliex?

Il-Papa Ljun XIV

Il-Mixja Sinodali mhix xi ħaġa tal-Ġermanja biss, il-Knisja kollha ċċelebrat sinodu u s-sinodalità tul dawn l-aħħar numru ta’ snin.  Hemm xebħ kbir iżda hemm ukoll xi differenzi importanti bejn kif qed titmexxa s-Synodaler Weg fil-Ġermanja u kif probabbilment se tibqa’ għaddejja fil-Knisja universali.  Min-naħa ngħid li ċertament hemm lok għar-rispett lejn l-inkulturazzjoni.  Il-fatt li f’xi post is-sinodalità titħarreġ mod u li f’post ieħor tingħex b’mod differenti ma jfissirx li se jkun hemm tiċrit u firda.  Jidhirli li importanti niftakruh dan.  Fl-istess ħin, jien konxju li bosta kattoliċi fil-Ġermanja jemmnu li ċerti aspetti tal-Mixja Sinodali li għaddejja fil-Ġermanja ma jirrappreżentawx it-tamiet tagħhom għall-Knisja jew il-mod kif huma jgħixu fiha.  Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar djalogu u smigħ fil-Ġermanja stess, sabiex ebda leħen ma jibqa’ mwarrab, sabiex leħen dawk li għandhom aktar setgħa ma jsikkitx jew joħnoq leħen dawk li jistgħu jkun akbar fl-għadd imma m’għandhomx fejn isemmgħu leħinhom, u biex leħinhom u dak li jaħsbu dwar il-Knisja jinstama’.  Fl-istess ħin, kif jiena ċert li taf li dawn l-aħħar sentejn il-grupp tal-Isqfijiet Ġermaniżi qed jiltaqa’ ma’ Kardinali mill-Kurja ta’ Ruma.  Dan ukoll hu process li għadu għaddej, biex ikun żgur li l-Mixja Sinodali tal-Ġermanja ma tinqatax minn dak li hemm bżonn iniqsu li hi l-mixja tal-Knisja universali.  Jien ċert li dan se jkompli.  Nimmaġina li se jkun hemm xi tibdil miż-żewġ naħat fil-Ġermanja, imma jien żgur mimli tama li t-tmiem se jkun wieħed pożittiv.

Matteo Bruni

Grazzi Santità, grazzi Anna. U l-aħħar mistoqsija hi minn Rita El-Mounayer (Sat-7 International), ġurnalista oħra li ġejja miż-żona tal-Libanu.

Rita El-Mounayer – Sat-7 International

Fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq hemm xandir minn erba’ stazzjonijiet Kristjani, tnejn bl-Għarbi, wieħed bil-Farsi u ieħor bit-Tork.  Qabel kollox nixtieq irroddlok ħajr talli sibt il-ħin biex iżżur lill-poplu tal-Libanu.  Jien wild il-gwerra u naf xi tfisser tgħannieqa mill-Papa, taptipa fuq spallejk u tgħid. “Kollox se jmur sew”.  U li laqatni kien il-motto tiegħek, Santità, “fil-wieħed aħna ħaġa waħda”.  Dan il-motto ifisser li jinbnew pontijiet bejn id-denominazzjonijiet insara kollha, bejn ir-reliġjonijiet u wkoll, bejn il-ġirien, għax ximindaqqiet din hi ħaġa diffiċli.

Allura l-mistoqsija tiegħi hi din: mill-perspettiva tiegħek, il-Knisja tal-Lvant Nofsani – bid-dmugħ tagħha, il-ġerħat, l-isfidi u l-istorja l-imgħoddija tagħha – liema rigal uniku tista’ toffri lill-Knisja tal-Punent tad-dinja?

Il-Papa Ljun XIV

Ħalli nibda t-tweġiba tiegħi billi ngħid li llum in-nies li kibru f’soċjetà individwalista għall-aħħar – żgħażagħ li qattgħu ħin twil, fi żmien il-pandemija minħabba l-COVID, u li r-relazzjonijiet personali tagħhom spiss huma f’iżolament għax huma biss skrins tal-kompjuter jew smartphones – kultant isaqsu: “Għalfejn għandna nkunu ħaġa waħda?”  Jien individwu u ma jimpurtanix minn ħaddieħor”.  U jiena naħseb li hawn għandna messaġġ importanti ħafna x’ngħaddu lill-bnedmin kollha dwar li l-għaqda, il-ħbiberija, ir-relazzjonijiet umani, il-komunjoni huma importanti ħafna u ta’ valur bla qies.  Jekk mhu għal xejn minħabba l-eżempju li ġibt dwar x’tista’ tfisser tħaddina għal xi ħadd li jkun għex il-gwerra jew sofra l-uġigħ.  Hi stqarrija verament umana, reali u sana għall-kura personali li tista’ tfejjaq il-qalb ta’ persuna oħra.  Fuq livell personali, jekk irridu, jista’ jkun livell komuni, pjan komunitarju li jgħaqqadna lkoll u jgħinna nifhmu li r-rispett reċiproku hu xi ħaġa ferm aktar milli wieħed jgħid: “Int żomm bogħod, jien hawn u int hemm u mhemmx lok għal ebda interazzjoni”.  Imma jfisser bini ta’ relazzjonijiet li bihom jistgħanu l-bnedmin kollha.  Żgur li b’dak il-messaġġ, il-motto tiegħi, primarjament hu marbut sfiq ma’ Kristu “in illo” ifisser li “fi Kristu li hu wieħed, aħna lkoll ħaġa waħda”.  Imma dan ma jgħoddx biss għall-Kristjani.  U fil-fatt hi stedina għalina lkoll u għall-oħrajn li nsostnu li aktar ma nippromwovu għaqda awtentika u nifhmu lil xulxin, aktar ma nsaħħu r-rispett u relazzjonijiet ta’ ħbiberija u d-djalogu fid-dinja, akbar tkun il-possibbiltà li tissaħħaħ ir-rieda li jitwarrbu l-armi tal-gwerra, li nwarrbu fil-ġenb in-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin, il-mibegħda, l-animożità li spiss inġemgħu u nsibu modi kif ningħaqdu u jkollna l-ħila nippromwovu paċi awtentika u ġustizzja madwar id-dinja kollha.

Matteo Bruni

Grazzi Santità, grazzi għal dit-tweġiba tiegħek u għat-tweġibiet l-oħra.  Grazzi tad-disponibbiltà tiegħek tul dal-vjaġġ

Il-Papa Ljun XIV

Il-vjaġġ it-tajjeb u grazzi lilkom!

Matteo Bruni

Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading